"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 21 ta' April 2026

Riżultati ewlenin

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Illum il-Kunsill iddiskuta l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Andrii Sybiha, li ta stampa ġenerali tas-sitwazzjoni fuq il-post u tal-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna.

Wara, id-diskussjoni ministerjali ffukat fuq aktar appoġġ għall-Ukrajna, anke permezz tas-Self ta' Appoġġ għall-Ukrajna b'valur ta' €90 biljun għas-snin 2026-2027, u fuq modi kif tista' tiżdied aktar il-pressjoni fuq ir-Russja b'mod komprensiv, fost oħrajn permezz tal-20 pakkett ta' sanzjonijiet u aktar miżuri restrittivi.

Fi tmiem il-laqgħa, ir-Rappreżentant Għoli ħabbret li hemm appoġġ ġenerali biex isir progress fir-raba' pilastru tal-garanziji tas-sigurtà Ewropej, b'fokus fuq ir-riforma tas-settur tad-difiża, appoġġ ċibernetiku/ibridu msaħħaħ, u l-isforzi għat-tneħħija tal-mini, kif ukoll appoġġ għall-veterani tal-gwerra.

Barra minn hekk, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi fil-konfront ta' żewġ entitajiet oħra responsabbli għall-attivitajiet ibridi persistenti tar-Russja, b'mod partikolari l-propaganda u d-diżinformazzjoni, u ddeċieda wkoll li jestendi sad-29 ta' April 2027 il-miżuri restrittivi tal-UE fil-konfront ta' dawk responsabbli għal azzjonijiet li għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw, idgħajfu jew jheddu s-sovranità u l-indipendenza tar-Repubblika tal-Moldova.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani fil-kuntest tal-aħħar żviluppi fir-reġjun.

Libanu

Is-sessjoni bdiet bi skambju informali mal-President tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika Libaniża, Nawaf Salam, li ffoka fuq is-sitwazzjoni fuq il-post u l-ftehim dwar il-waqfien tal-ostilitajiet ma' Iżrael.

Il-ministri enfasizzaw il-konsegwenzi umanitarji tal-kunflitt u saħqu fuq l-importanza li jingħata aktar appoġġ lil-Libanu.

Iran

Il-ministri tal-UE mbagħad iffukaw fuq is-sitwazzjoni fl-Iran u fil-Golf. Ir-Rappreżentant Għoli infurmat lill-ministri għall-affarijiet barranin dwar iż-żjara reċenti tagħha fir-reġjun u enfasizzat l-importanza li ssir ħidma mill-qrib mas-sħab reġjonali biex jiġu żgurati s-sigurtà u d-dieskalazzjoni.

Il-ministri saħqu fuq l-importanza li jitkomplew l-isforzi diplomatiċi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u tinstab soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt.

Fi tmiem il-laqgħa, ir-Rappreżentant Għoli ħabbret li hemm qbil politiku biex jiġi estiż ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE biex jiddaħħlu fil-mira wkoll dawk responsabbli għall-ksur tal-libertà ta' navigazzjoni.

Iżrael u l-Palestina

Il-Kunsill iddiskuta Iżrael u l-Palestina.

Ir-Rappreżentant Għoli infurmat lill-ministri dwar l-eżitu tal-laqgħat tal-Alleanza Globali għall-implimentazzjoni tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u tal-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc, li hija kkopresediet il-jum ta' qabel, u reġgħet affermat l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta' paċi f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2803 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Rigward ir-relazzjonijiet ma' Iżrael, ir-Rappreżentant Għoli ħabbret li ma kienx hemm unanimità dwar il-proposta mressqa minn xi stati membri għal sospensjoni sħiħa jew parzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael.

Tqajmu wkoll is-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent u l-involviment tal-UE permezz ta' missjonijiet tal-PSDK.

Sirja

Bi tħejjija għall-ewwel djalogu politiku bejn l-UE u s-Sirja ppjanat għall-11 ta' Mejju, il-Kunsill iddiskuta l-aħjar modi kif jista' jingħata appoġġ lit-tranżizzjoni fil-pajjiż.

Kawkasu tan-Nofsinhar

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Kawkasu tan-Nofsinhar, b'enfasi fuq l-iżviluppi fil-proċess ta' paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan. F'dan il-kuntest, diversi ministri enfasizzaw li l-progress f'dak il-proċess huwa verament opportunità għar-reġjun, u li l-UE qed iżżid l-appoġġ tagħha għalih b'mod sinifikanti.

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta wkoll ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja qabel l-ewwel Summit li ser isir fl-4 u l-5 ta' Mejju f'Yerevan, u approva r-riżultati tanġibbli tas-summit. Illum il-Kunsill iddeċieda li jistabbilixxi l-Missjoni ta' Sħubija tal-UE fl-Armenja (EUPM Armenia) skont il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), flimkien mal-Missjoni tal-UE fl-Armenja (EUMA) li għaddejja bħalissa, bħala kontribut ieħor għall-isforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika tal-Armenja u l-kapaċità tagħha li timmaniġġa l-kriżijiet.

B'kont meħud tal-eżitu taż-żjara tal-President tal-Kunsill Ewropew f'Baku fil-11 ta' Marzu, il-ministri ddiskutew ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Ażerbajġan u l-parametri għal involviment mill-ġdid possibbli tal-UE mal-pajjiż.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill ħa kont tas-sitwazzjoni fil-Georgia u ddiskuta l-pressjoni tal-UE b'reazzjoni għar-rigress demokratiku li għaddej bħalissa. Fi tmiem il-laqgħa, ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat li ma kienx hemm sinjali ta' titjib, u li l-ministri kellhom messaġġ espliċitu li l-gvern Georgjan jeħtieġlu jieħu direzzjoni oħra.

Sudan

Filwaqt li mmarka aktar minn tliet snin minn meta l-kunflitt beda fil-15 ta' April 2023, il-Kunsill ħa kont tal-gwerra fis-Sudan, fejn għadu għaddej il-ġlied bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom fost każijiet ta' ksur bla preċedent tad-drittijiet tal-bniedem, sitwazzjoni umanitarja katastrofika, u l-akbar kriżi ta' spostament fid-dinja.

Il-Kunsill iddiskuta s-Sudan wara t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar is-Sudan f'Berlin li saret fil-15 ta' April 2026. L-avveniment kien ospitat b'mod konġunt mill-UE flimkien ma' Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Unjoni Afrikana.

L-UE għamlet dikjarazzjoni dwar il-kwistjoni fejn ikkonfermat l-impenn tagħha għall-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Sudan, u ċaħdet bil-qawwa kwalunkwe tentattiv unilaterali biex tiġi stabbilita governanza parallela li tirriżulta f'riskju li l-pajjiż jinqasam.

Punti u deċiżjonijiet oħra

Matul il-laqgħa, il-Latvja qajmet il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tar-Russja fil-Biennale ta' Venezja 2026.

Il-Litwanja infurmat lill-Kunsill bid-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Suprema tal-Belarussja li tiddeżinja lill-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi (EHU) bħala "organizzazzjoni estremista".

Fl-aħħar nett, il-ministru Belġjan informa lill-Kunsill dwar il-missjoni tiegħu fil-Balkani tal-Punent.

Illum il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar "Id-diplomazija tal-UE fil-qasam tal-enerġija u l-klima – it-tisħiħ tas-sovranità u t-tmexxija 'l quddiem tat-tranżizzjoni globali lejn enerġija nadifa".

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' April 2026