- Summit Internazzjonali
Summit tas-Sħubija tal-Lvant, 15 ta' Diċembru 2021
Riżultati ewlenin
Il-mexxejja tal-UE, tal-istati membri tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant iltaqgħu għas-sitt summit tas-Sħubija tal-Lvant fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 2021.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, ippresieda l-laqgħa. Il-President Michel u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE.
Is-sħab tal-Lvant preżenti għas-summit kienu l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna. Il-Belarussja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fis-Sħubija tal-Lvant iżda l-UE tkompli tikkoopera mal-poplu tal-Belarussja.
Fi tmiem is-summit, il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta.
Il-mexxejja saħqu li s-sħubija tagħhom tibqa' bbażata fis-sod fuq valuri fundamentali komuni, interessi reċiproċi u sjieda kondiviża, responsabbiltà, inklużività, differenzjazzjoni u responsabbiltà reċiproka.
Is-Sħubija tal-Lvant tfittex li trawwem l-istabbiltà, il-prosperità u l-kooperazzjoni reċiproka, u li tavvanza l-impenn għar-riformi meħtieġa u li tindirizza l-isfidi globali u reġjonali.
Ir-Repubblika tal-Ażerbajġan ħarġet dikjarazzjoni nazzjonali.
Valuri kondiviżi
Il-mexxejja enfasizzaw id-determinazzjoni konġunta tagħhom li jiddefendu l-valuri fundamentali li jikkondividu:
- it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt
- il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi
- il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri
- it-trawwim ta' soċjetajiet inklużivi
- l-iżgurar ta' rispett sħiħ għall-prinċipji u n-normi tad-dritt internazzjonali
L-UE tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għall-indipendenza u s-sovranità tas-sħab kollha tal-Lvant, u l-integrità territorjali tagħhom fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħhom.
Għadna ferm imħassbin dwar id-destabbilizzazzjoni u l-ksur kontinwi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali f'ħafna partijiet tar-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant li huma ta' theddida għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà. Nappellaw għal sforzi mġedda għall-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti mhux solvuti fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant abbażi tal-prinċipji u n-normi tad-dritt internazzjonali. Dikjarazzjoni konġunta tas-summit tas-Sħubija tal-Lvant
Il-mexxejja laqgħu l-isforzi, l-involviment akbar u r-rwol imsaħħaħ tal-UE fil-prevenzjoni tal-konflitti, fir-riżoluzzjoni ta' konflitti u fil-bini tal-fiduċja.
Huma affermaw mill-ġdid id-dritt sovran ta' kull sieħeb li jagħżel il-livell ta' ambizzjoni u l-miri tiegħu fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE. Is-SL ma hi diretta kontra ħadd, iżda hi mfassla biex tikkontribwixxi għall-paċi u l-prosperità għall-pajjiżi kollha fil-viċinat.
Sħubija
Il-mexxejja laqgħu l-ftehimiet li s-sħab tal-Lvant u l-UE kkonkludew jew qed jinnegozjaw bħalissa:
- id-dħul fis-seħħ sħiħ tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) mal-Georgia, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Ukrajna
- id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) bejn l-UE u l-Armenja f'Marzu 2021
- il-progress fin-negozjati bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar ftehim komprensiv ġdid
L-UE għarfet l-inizjattiva tat-tliet sħab assoċjati (il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna) biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom mal-UE.
L-UE jiddispjaċiha li l-awtoritajiet Belarussi ddeċidew li jissospendu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-SL u tittama li tissokta l-kooperazzjoni hekk kif ikun hemm il-kondizzjonijiet meħtieġa għal tranżizzjoni demokratika u paċifika biex tibni fuq aġenda konġunta bbażata fuq valuri komuni u interessi kondiviżi.
Sadanittant, l-UE tibqa' fi djalogu maċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti tal-Belarussja, u tibqa' tappoġġahom, inkluż permezz ta' pjan komprensiv ta' appoġġ ekonomiku sa €3 biljun għal Belarussja demokratika.
Filwaqt li ttenni d-dikjarazzjonijiet preċedenti, l-UE kkundannat l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u r-refuġjati mill-awtoritajiet Belarussi u tabilħaqq l-inċidenti kollha ta' strumentalizzazzjoni tal-migranti għal finijiet politiċi.
Aktar b'saħħitna flimkien: is-Sħubija tal-Lvant (Infografika)
Reżiljenza u prosperità
Il-mexxejja wiegħdu li jsaħħu r-reżiljenza billi jiffukaw fuq:
- it-tisħiħ tal-istat tad-dritt
- l-istabbiliment ta' amministrazzjoni pubblika effiċjenti, trasparenti u responsabbli fil-livelli kollha tal-gvern
- il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-kriminalità ekonomika
- il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata
- it-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza ċibernetika, inkluż kontra t-theddid ibridu
Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jippromwovu l-konverġenza gradwali fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà, f'konformità mal-impenji tas-sħab mal-UE.
Huma affermaw mill-ġdid ukoll l-importanza tat-tisħiħ tal-komunikazzjoni strateġika għall-bini tar-reżiljenza, inkluż il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni.
L-UE u s-sħab interessati laqgħu l-iffirmar reċenti ta' ftehimiet dwar żona ta' avjazzjoni komuni mal-Armenja u l-Ukrajna, li joħolqu opportunitajiet ġodda kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-operaturi.
Huma laqgħu l-ftehimiet mal-Armenja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna dwar l-assoċjazzjoni tagħhom ma' Orizzont Ewropa, il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni (2021-2027).
- Orizzont Ewropa (informazzjoni ġenerali)
- L-Armenja tingħaqad ma' Orizzont Ewropa (Kummissjoni Ewropea)
- Il-Georgia tingħaqad ma' Orizzont Ewropa (Kummissjoni Ewropea)
- Ir-Repubblika tal-Moldova tingħaqad ma' Orizzont Ewropa (Kummissjoni Ewropea)
- L-Ukrajna tingħaqad ma' Orizzont Ewropa (Kummissjoni Ewropea)
Il-mexxejja ser jaħdmu biex isaħħu r-reżiljenza ambjentali u klimatika billi javvanzaw it-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta' investimenti u kooperazzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari, it-tkabbir ekoloġiku u l-adattament għall-klima, u t-tisħiħ tal-bijodiversità.
L-UE tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi sħab biex jiksbu n-newtralità klimatika sal-2050, billi jeliminaw gradwalment il-faħam, jagħmlu kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali aktar ambizzjużi u jaċċelleraw l-implimentazzjoni tagħhom f'konformità mal-impenji tal-COP26.
Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020
Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom abbażi tal-politika tas-SL lil hinn mill-2020.
Il-ħames objettivi fit-tul tal-politika tas-SL wara l-2020 jenfasizzaw l-irkupru, ir-reżiljenza u r-riforma bħala l-elementi kostitwenti ewlenin tal-aġenda futura. L-objettivi fit-tul huma:
- l-iżvilupp ta' ekonomiji reżiljenti, sostenibbli u integrati
- l-iżgurar ta' istituzzjonijiet li jerfgħu r-responsabbiltà, tal-istat tad-dritt u tas-sigurtà
- l-iżvilupp ta' reżiljenza ambjentali u klimatika
- il-kisba ta' trasformazzjoni diġitali reżiljenti
- il-ħolqien ta' soċjetajiet reżiljenti, b'ugwaljanza bejn il-ġeneri, ġusti u inklużivi
Dawn l-objettivi huma akkumpanjati minn pjan ta' investiment ekonomiku reġjonali ambizzjuż ta' €2.3 biljun (EIP, li jinkludi l-inizjattivi ewlenin tal-pajjiż) biex jiġi appoġġat l-irkupru soċjoekonomiku wara l-COVID-19 u tissaħħaħ ir-reżiljenza aktar fit-tul billi tiġi aċċellerata t-trasformazzjoni ekoloġika u dik diġitali. Il-pjan huwa mistenni jimmobilizza sa €17-il biljun f'investimenti pubbliċi u privati.
L-ewwel investimenti li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-EIP jinkludu dawn li ġejjin:
- 100 xarabank intelliġenti b'effiċjenza enerġetika ser jitwasslu f'Yerevan biex jitnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja (l-Armenja)
- 1 000 komunità ser jibbenefikaw minn internet b'veloċità għolja fil-partijiet rurali tal-Georgia
- it-titjib tal-konnettività u l-ankrar tal-Moldova fin-network trans-Ewropew tat-trasport
- iż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini fil-Moldova u fl-Ukrajna
- l-appoġġ għal kumpaniji żgħar u ta' daqs medju fl-Ażerbajġan u fl-Ukrajna
L-EIP isegwi l-appoġġ sostanzjali biex tiġi indirizzata l-pandemija, skont l-approċċ ta' Tim Ewropa, u l-appoġġ li qed jingħata bħalissa għat-tilqim u għall-iżvilupp ta' ċertifikati diġitali tal-COVID-19.
- Prijoritajiet futuri tas-SL (skeda informattiva tal-Kummissjoni Ewropea)
- Politika tas-SL wara l-2020 (informazzjoni ġenerali)
Il-politika tas-SL wara l-2020 ġiet stabbilita f'komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'Marzu 2020. Il-komunikazzjoni u l-objettivi ntlaqgħu mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Mejju 2020 u mill-mexxejja tas-SL li ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza f'Ġunju 2020. Aktar dettalji tal-aġenda l-ġdida huma spjegati f'dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal adottat f'Lulju 2021.
- Komunikazzjoni konġunta: Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020, 18 ta' Marzu 2020 (Eur-Lex)
- Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020, 11 ta' Mejju 2020
- Dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal "Recovery, resilience and reform: post-2020 Eastern Partnership priorities", Lulju 2021
Is-Sħubija tal-Lvant: Irkupru - Riforma - Reżiljenza (Infografika)
Solidarjetà
Il-mexxejja fakkru li l-irkupru soċjoekonomiku ta' wara l-COVID-19 u żvilupp fuq żmien itwal jipprovdu opportunità biex tissaħħaħ ir-reżiljenza billi jsir investiment f'konnettività sostenibbli u jiġu aċċellerati t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
Huma rrikonoxxew l-impenn kontinwu tal-UE u l-istati membri tagħha biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab fl-indirizzar tal-pandemija fil-proċess tat-tilqim, biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni kontra t-tilqim u biex irawmu reżiljenza tas-saħħa fit-tul.
Bħala parti mir-rispons globali ta' Tim Ewropa għall-COVID-19, l-UE u l-istati membri tagħha pprovdew €2.5 biljun biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab fl-indirizzar tal-kriżi tas-saħħa tal-coronavirus u l-irkupru soċjoekonomiku fit-tul tagħhom. Dan jinkludi kważi €1.5 biljun f'assistenza makrofinanzjarja lill-Georgia, lir-Repubblika tal-Moldova u lill-Ukrajna.
€75 miljun saru disponibbli biex jappoġġaw il-proċess tat-tilqim u l-aċċess għall-vaċċini. Dan jinkludi €40 miljun għal proġett tad-WHO li għaddej bħalissa dwar il-varar tal-vaċċin u mekkaniżmu ta' €35 miljun, ikkoordinat mill-Polonja, li ser jiffaċilita l-konsenja tal-vaċċini lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mill-istati membri, filwaqt li jżid mal-aktar minn 13-il miljun doża mogħtija s'issa permezz tal-COVAX u l-mekkaniżmu tal-UE għall-kondiviżjoni tal-vaċċini. Donazzjoni skont din l-iskema ta' aktar minn 400 000 vaċċin BioNTech/Pfizer mill-Portugall għall-Armenja hija diġà mistennija fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-mexxejja laqgħu r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati diġitali tal-COVID-19 mill-Armenja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, u dalwaqt mill-Ażerbajġan, li jippermetti vjaġġar aktar sikur u aktar faċli mill-UE u lejha.
Sjieda konġunta
Il-mexxejja appellaw għal sjieda konġunta msaħħa u affermaw mill-ġdid l-importanza tal-involviment inklużiv tal-partijiet kollha tas-soċjetà. Huma enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar involviment mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari maż-żgħażagħ u billi jiġu promossi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tolleranza u d-djalogu interkulturali.
L-involviment mas-soċjetà ċivili, inkluż permezz tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-SL, u l-ħidma ta' kuntatt aktar mifruxa u appoġġ immirat lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fil-livell lokali, jibqgħu parti integrali mis-Sħubija tal-Lvant.
Inizjattivi addizzjonali
Tnedew għadd ta' inizjattivi oħra b'appoġġ għas-Sħubija tal-Lvant fit-tħejjija għas-summit.
Il-Helpdesk il-ġdid dwar il-Kummerċ tas-Sħubija tal-Lvant huwa parti mill-inizjattiva EU4Business. Dan ifittex li jagħti spinta lill-kompetittività kummerċjali tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fil-pajjiżi tas-SL u fl-UE.
Ftehim ta' finanzjament għal appoġġ baġitarju ta' €60 miljun għall-Moldova ser jgħin lill-pajjiż ilaħħaq mal-impatt tal-kriżi severa tal-gass. Imħabbar matul is-sitt Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova fit-28 ta' Ottubru 2021 u ffirmat fil-15 ta' Diċembru 2021, ser jgħin biex jingħata appoġġ liċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli li jiffaċċjaw kontijiet tal-enerġija li qed jogħlew.
Il-Kummissjoni Ewropea mmobilizzat pakkett ġdid ta' assistenza ta' €30 miljun biex tappoġġa lill-poplu tal-Belarussja, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra. Il-pakkett jiffoka fuq l-għoti ta' appoġġ liż-żgħażagħ, lill-media indipendenti, lill-SMEs eżiljati u lill-atturi kulturali.
Riżultati tas-Sħubija tal-Lvant
- Il-kummerċ bejn l-UE u s-Sħubija tal-Lvant qabeż il-€65 biljun fl-2020 (+22% f'10 snin)
- l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni għal erbgħa minn sitt pajjiżi tas-SL
- l-UE appoġġat aktar minn 185 000 SME fil-pajjiżi tas-SL, u ħolqot jew sostniet 1.65 miljun impjieg
- ġew offruti aktar minn 80 000 opportunità ta' skambju liż-żgħażagħ
- kważi 50% tal-awtoritajiet lokali tas-SL ħadu l-impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2
Avvenimenti paralleli ewlenin
Is-Sħubija tal-Lvant tmur lil hinn mir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet. Iż-żgħażagħ, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, il-media, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħra huma involuti mill-qrib fl-avvenimenti paralleli ddedikati tas-summit.
Il-parteċipanti fil-laqgħat tal-uffiċjali għolja pproponew prijoritajiet u miri proposti abbażi tad-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal.
Il-ministri għall-affarijiet barranin tas-Sħubija tal-Lvant kellhom skambju ta' fehmiet dwar modi kif is-sħubija tista' titmexxa 'l quddiem, b'enfasi partikolari fuq kwistjonijiet ta' governanza u investiment, kif ukoll it-tisħiħ tas-sħubija għar-reżiljenza, l-irkupru u r-riforma.
Il-ħames Forum taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant, avveniment online li sar fit-23 u l-24 ta' Novembru, laqqa' flimkien żgħażagħ, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u persuni li jfasslu l-politika biex jinvolvu ruħhom f'dibattiti dwar il-valuri u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi u biex jiddiskutu l-kisbiet, l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-kuntest tal-prijoritajiet għal wara l-2020 għall-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant
It-13-il assemblea annwali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant saret online mit-30 ta' Novembru sat-2 ta' Diċembru 2021. Din laqqgħet flimkien aktar minn 300 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-SL u fl-UE biex jiddiskutu l-passi finali u l-isfidi qabel is-summit, kif ukoll l-ambizzjonijiet u l-objettivi ta' politika ppreżentati fid-dokumenti ta' politika l-ġodda.
Sar avveniment ta' livell għoli tan-Network ta' Gruppi ta' Riflessjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ġermaniż dwar ir-Relazzjonijiet Barranin. L-ewwel avveniment ta' dan it-tip sar f'Settembru 2020 bit-tema "Is-Sħubija tal-Lvant tal-UE fi żminijiet ta' taqlib".
L-għaxar Konferenza annwali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali (CORLEAP) għas-Sħubija tal-Lvant iffokat fuq l-importanza li jissaħħu r-rabtiet mal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi tas-SL.
Informazzjoni Ġenerali
Sħab tal-Lvant: fatti u ċifri
- Relazzjonijiet UE-Armenja - skeda informattiva (SEAE)
- Relazzjonijiet UE-Ażerbajġan - skeda informattiva (SEAE)
- Relazzjonijiet UE-Belarussja - skeda informattiva (SEAE)
- Relazzjonijiet UE-Georgia - skeda informattiva (SEAE)
- Relazzjonijiet UE-Moldova - skeda informattiva (SEAE)
- Relazzjonijiet UE-Ukrajna - skeda informattiva (SEAE)
Ġirien tal-Lvant tal-UE
Dan il-portal tal-aħbarijiet jippreżenta l-aktar informazzjoni reċenti dwar il-kooperazzjoni tal-UE mas-sħab tal-Lvant tagħha: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna. Fih ukoll paġna ddedikata għas-sitt summit tas-Sħubija tal-Lvant, disponibbli bi tmien lingwi.
Is-summit preċedenti
Il-ħames summit tas-Sħubija tal-Lvant sar fl-2017.
20 riżultat tanġibbli għall-2020
Fis-summit tal-2017, il-mexxejja adottaw "20 riżultat tanġibbli għall-2020", pjan ta' ħidma ambizzjuż biex titjieb il-ħajja taċ-ċittadini fil-pajjiżi sħab tal-Lvant. Il-pjan ta' ħidma jiffoka fuq erba' oqsma ta' prijorità ta' kooperazzjoni.
- 20 riżultat tanġibbli għall-2020 (informazzjoni ġenerali)
- 20 riżultat tanġibbli għall-2020: il-kisba ta' riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini (skeda informattiva tas-SEAE)
Konsultazzjoni dwar il-futur tas-Sħubija tal-Lvant li saret fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tagħha wriet li dawn l-20 riżultat tanġibbli kienu adatti għall-iskop tagħhom u taw riżultati konkreti u tanġibbli.
Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej (YEAs)
L-inizjattiva Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej tniedet mill-UE f'Ġunju 2016, meta l-ewwel 100 żagħżugħ u żagħżugħa nħatru bħala Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej. Din tinvolvi network mhux politiku u volontarju ta' żgħażagħ proattivi mill-pajjiżi sħab tal-Lvant, l-UE u r-Renju Unit, li huma ħerqana biex jibnu rabtiet, jaqsmu u jaħdmu flimkien għal futur aħjar. Bħalissa hemm aktar minn 700 Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej attivi f'34 pajjiż.
Għas-sitt summit tas-Sħubija tal-Lvant, l-Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej f'kull pajjiż sieħeb tal-Lvant qed jorganizzaw dibattiti topiċi fuq mezzi ewlenin tal-media li jixxandru direttament lil mijiet ta' eluf ta' nies permezz ta' pjattaformi popolari. Is-suġġetti tad-diskussjoni jintgħażlu mill-Ambaxxaturi Żgħażagħ Ewropej infushom u jiffukaw fuq investimenti u oqsma ta' kooperazzjoni futuri tal-UE li huma importanti għaż-żgħażagħ, imnebbħa mill-aġenda tas-summit ta' livell għoli.
Id-dibattiti jixxandru dirett fuq il-paġna tal-Facebook EU Neighbours East.
Narrattivi ta' diżinformazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant
Is-Sħubija tal-Lvant u l-membri tagħha jinsabu fil-mira ta' kampanji ta' diżinformazzjoni, li jċaħħdu liċ-ċittadini minn informazzjoni ċara u verifikabbli dwar l-inizjattiva u l-benefiċċji tagħha.
It-Task Force East StratCom (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna) ħejjiet skeda informattiva biex tesponi l-aktar narrattivi komuni ta' diżinformazzjoni fir-rigward tas-Sħubija tal-Lvant u l-pajjiżi sħab.
Ħoloq utli
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' eżitu
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Lulju 2025