Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Ġustizzja), 11 ta' Ottubru 2024

Riżultati ewlenin

Ġustizzja

Il-ġlieda kontra r-razziżmu

Il-ministri għall-ġustizzja kellhom diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu. Il-pjan, l-ewwel wieħed tal-UE, ġie adottat fl-2020 u fih aktar minn 80 miżura, f'diversi oqsma, inkluż l-infurzar tal-liġi, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u s-saħħa, imfassla biex iżidu l-azzjoni biex ir-razziżmu jiġi indirizzat b'mod aktar effettiv fl-UE.

Il-ministri indirizzaw b'mod partikolari l-isfidi ppreżentati mill-implimentazzjoni tal-pjan bħan-nuqqas ta' data affidabbli relatata mas-sottorapportar tar-razziżmu u x'azzjonijiet ulterjuri għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali. Huma indirizzaw ukoll kif il-korpi tal-UE jistgħu jassistu lill-istati membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni fil-livell nazzjonali. Fost kwistjonijiet oħra, il-ministri ġibdu l-attenzjoni għall-importanza tal-finanzjament fil-livell tal-UE, l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi lokali u tas-soċjetà ċivili.

Sirpa Rautio, direttur tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, infurmat lill-ministri dwar l-aħħar ċifri u xejriet f'dan il-qasam fl-UE. Id-direttur fakkret li l-esperjenza tar-razziżmu u l-mibegħda ddgħajjef il-fiduċja fis-soċjetà li mbagħad twassal lill-vittmi biex iħossuhom skoraġġuti milli jirrapportaw reati u li livelli għoljin ta' diskors ta' mibegħda online ma jiġux identifikati minn mekkaniżmi ta' moderazzjoni tal-pjattaformi.

<p>Bence Tuzson, ministru għall-ġustizzja Ungeriż</p>

Ir-razziżmu għandu impatt negattiv profond fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħna u jhedded il-koeżjoni tas-soċjetajiet tagħna. Il-ġlieda kontra r-razziżmu tibqa' prijorità għall-UE u l-gvernijiet tal-istati membri għaliex hija essenzjali biex jiġu żgurati l-prosperità u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej.

<p>Bence Tuzson, ministru għall-ġustizzja Ungeriż</p>

Bence Tuzson, ministru għall-ġustizzja Ungeriż

Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata

Il-presidenza, il-Kummissjoni u l-Eurojust informaw lill-ministri dwar il-ħidma li għaddejja fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata. Żviluppi reċenti jinkludu t-tnedija - fil-25 u s-26 ta' Settembru ta' din is-sena - ta' Network Ġudizzjarju Ewropew fil-qasam tal-Kriminalità Organizzata. Dan in-network huwa r-riżultat tal-konklużjonijiet tal-Kunsill f'Ġunju 2024. In-network jipprovdi ċentru ta' għarfien espert speċjalizzat li jappoġġa lill-awtoritajiet ġudizzjarji fil-qasam tal-kriminalità organizzata. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja ma' pajjiżi mhux tal-UE, l-Eurojust u l-Kummissjoni wettqu eżerċizzju biex jimmappjaw il-pajjiżi u l-azzjonijiet prijoritarji. Il-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill ser jiddiskutu l-passi li jmiss abbażi ta' dan l-eżerċizzju. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna enfasizza r-rwol tiegħu li jiżgura li l-kwistjonijiet ta' kooperazzjoni ġudizzjarja jiġu kkunsidrati f'diskussjonijiet usa' ma' pajjiżi terzi fil-livell tal-UE.

Fil-livell tal-UE, l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drogi 2021-2025 u l-Strateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 jimmappjaw l-isfidi u l-azzjonijiet f'dan il-qasam.

Gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna: il-ġlieda kontra l-impunità

Il-presidenza, il-Kummissjoni u l-Eurojust taw aġġornament dwar l-aktar żviluppi reċenti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-impunità tad-delitti tal-gwerra mwettqa fil-kuntest tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Sa mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kunsill appoġġa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-istati membri u l-atturi internazzjonali biex jiġi żgurat li dawk li wettqu delitti internazzjonali ma jibqgħux mhux ikkastigati.

Ġew imnedija bosta inizjattivi importanti bħat-trasferiment mill-istati membri ta' esperti forensiċi lejn l-Ukrajna, l-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta b'rabta mad-delitti allegatament imwettqa fl-Ukrajna, l-iżvilupp mill-Eurojust ta' Bażi ta' Data ta' Evidenza dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin, l-istabbiliment fl-Eurojust ta' Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna u t-tnedija ta' investigazzjonijiet nazzjonali ta' delitti internazzjonali allegatament imwettqa fl-Ukrajna.

Fid-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-impunità li fihom l-istati membri appellaw lill-Ukrajna biex taderixxi għall-Istatut ta' Ruma. Din l-adeżjoni issa qed isseħħ peress li fl-24 ta' Awwissu 2024 l-Ukrajna adottat pakkett leġiżlattiv dwar l-adeżjoni tagħha mal-Istatut. L-Istatut ta' Ruma huwa t-trattat li stabbilixxa l-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Inrawmu l-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tal-istat tad-dritt u l-kompetittività

Matul l-ikla ta' nofsinhar il-ministri skambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tal-istat tad-dritt u l-kompetittività, filwaqt li ddiskutew b'mod partikolari l-possibbiltajiet għall-atturi ekonomiċi b'inqas riżorsi u mezzi finanzjarji, bħall-SMEs, biex jaċċessaw il-ġustizzja. Id-diskussjoni ffukat fuq kif jistgħu jittejbu t-trasparenza, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tal-leġiżlazzjoni u l-informazzjoni legali sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess ugwali u effettiv għall-ġustizzja għal kulħadd. Ġew esplorati wkoll il-prospetti u l-benefiċċji potenzjali ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, kif ukoll l-isfidi u l-aħjar prattiki f'dan il-qasam.

Fajls leġiżlattivi li hemm bħalissa

Il-presidenza rrapportat dwar l-istatus tal-fajls leġiżlattivi li hemm bħalissa fil-qasam tal-ġustizzja.

Affarijiet oħra

Flimkien mal-Kummissjoni, il-presidenza pprovdiet aġġornament dwar l-iżviluppi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu. Il-presidenza rrapportat ukoll dwar il-forum ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li ser isir fil-Montenegro fit-28 u d-29 ta' Ottubru 2024 u dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Kummissjoni infurmat lid-delegazzjonijiet dwar ir-rapport annwali tal-2024 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, in-negozjati dwar ftehim dwar l-evidenza elettronika bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-kisbiet milħuqa fir-rigward tal-Konvenzjoni tan-NU dwar iċ-Ċiberkriminalità.

Is-Slovakkja għamlet kummenti dwar ir-rapport tal-2024 dwar l-istat tad-dritt.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' April 2025