Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (Affarijiet Interni), 12 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Żona Schengen

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li mill-1 ta' Jannar 2025 jitneħħew il-verifiki fuq il-persuni fil-fruntieri interni tal-art mal-Bulgarija u r-Rumanija u fil-fruntieri ta' bejniethom.

<p>Sándor Pintér, Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Ungerija</p>

Id-deċiżjoni tal-lum li jitneħħew il-verifiki fuq il-persuni fil-fruntieri interni tal-art mal-Bulgarija u r-Rumanija hija pass importanti għaż-żona Schengen. Nagħtu merħba lill-Bulgarija u lir-Rumanija fil-familja ta' Schengen.

<p>Sándor Pintér, Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Ungerija</p>

Sándor Pintér, Ministru għall-Affarijiet Interni tal-Ungerija

Sa mill-adeżjoni tagħhom mal-UE, il-Bulgarija u r-Rumanija applikaw partijiet mill-qafas legali ta' Schengen (l-acquis ta' Schengen), inkluż dawk relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

Fit-30 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill adotta deċiżjoni biex, mill-31 ta' Marzu 2024, jiġu applikati l-partijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen u jitneħħew il-verifiki fuq il-persuni fil-fruntieri interni tal-ajru u tal-baħar.

Il-ministri ddiskutew l-istat taż-żona Schengen u kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet taċ-ċiklu annwali tal-Kunsill ta' Schengen, b'enfasi fuq iż-żieda tas-sigurtà ġenerali permezz tad-diġitalizzazzjoni.

Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES) u interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-IT tal-infurzar tal-liġi tal-UE

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA (l-aġenzija tal-UE li tieħu ħsieb is-sistemi tal-IT fil-qasam tas-sigurtà u l-ġustizzja) infurmaw lill-ministri dwar it-triq 'il quddiem biex jibda l-operat tal-EES. Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar il-proposta tagħha, ippubblikata fl-4 ta' Diċembru 2024, għal bidu progressiv tal-operat.

L-istati membri appoġġaw il-proposta tal-presidenza dwar il-ħtieġa li jitfassal pjan direzzjonali ġdid li ser inaqqas kemm jista' jkun il-konsegwenzi mistennija.

L-EES hija sistema tal-IT awtomatizzata għar-reġistrazzjoni ta' ċittadini mhux tal-UE li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE għal soġġorn qasir. Taħt is-sistema l-ġdida, l-uffiċjali tal-fruntieri ser jiskennjaw il-marki tas-swaba' jew jieħdu ritratt ta' dawk li jaqsmu l-fruntiera għall-ewwel darba. Din l-informazzjoni ser tiġi rreġistrata f'fajl diġitali.

L-EES hija parti minn firxa usa' ta' sistemi tal-IT għall-ġlieda kontra l-kriminalità u għas-sigurtà tal-fruntieri li l-UE mistennija tibda timplimenta fis-snin li ġejjin. Dawn jinkludu s-sistema ta' awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar ETIAS – sistema li ser tivverifika r-riskji għas-sigurtà, il-migrazzjoni u s-saħħa minn ċittadini mhux tal-UE li ma jeħtiġux viża biex jidħlu fiż-żona Schengen.

Aċċess għad-data għal infurzar effettiv tal-liġi

Il-ministri ddiskutew it-triq 'il quddiem u taw gwida għal aktar ħidma fuq l-aċċess għad-data għal infurzar effettiv tal-liġi. Peress li d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħna tipprovdi l-kundizzjonijiet biex il-kriminali jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-progress teknoloġiku sabiex iwettqu delitti, l-aċċess effettiv għad-data għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi rriżulta sfida ewlenija għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali.

Dan l-iskambju ta' fehmiet sar ftit ġimgħat wara li grupp ta' livell għoli, li ġie stabbilit fis-6 ta' Ġunju 2023, ippreżenta r-rapport ta' konklużjoni tiegħu dwar dan is-suġġett.

Sal-ewwel nofs tal-2025, il-Kummissjoni ser tkun ħejjiet pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti biex jiġi garantit l-aċċess għad-data għal infurzar effettiv tal-liġi.

Il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-aċċess għad-data għal infurzar effettiv tal-liġi.

Ażil u migrazzjoni

Il-Kummissjoni tat aġġornament dwar l-implimentazzjoni tar-riformi tal-migrazzjoni u l-ażil, ġabra ta' liġijiet tal-UE li ġew adottati f'Mejju ta' din is-sena. L-istati membri u l-Kummissjoni bħalissa qed jieħdu passi preparatorji biex dawn il-liġijiet japplikaw minn Ġunju 2026. Fuq il-bażi ta' linji gwida mill-Kummissjoni, l-istati membri ħejjew pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali li jistabbilixxu l-azzjonijiet u l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-liġijiet.

Waqt l-ikla ta' ħidma ministerjali, il-ministri ddiskutew id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni. Il-Presidenza Ungeriża bdiet għadd ta' diskussjonijiet dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, f'Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew appella għal "modi ġodda biex tiġi evitata u miġġielda l-migrazzjoni irregolari, f'konformità mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali".

Ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-ministri approvaw linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-linji gwida ser isawru d-direzzjoni tal-politika tal-UE f'dan il-qasam għall-ħames snin li ġejjin.

Il-linji gwida strateġiċi huma strument kruċjali għat-tiswir tad-direzzjoni tal-politika tal-UE fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u jistabbilixxu l-qafas biex jiġu implimentati l-aspetti rilevanti tal-Aġenda Strateġika tal-UE 2024-2029.

Sigurtà interna

Il-ministri għall-affarijiet interni rċevew l-aġġornament ta' kull sitt xhur dwar ix-xenarju tat-theddid attwali. Il-presidenza pprovdiet ukoll informazzjoni dwar il-progress li sar fil-prijoritajiet tagħha fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata: il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet doganali u l-pulizija, l-Alleanza tal-Portijiet Ewropej u l-użu tal-potenzjal tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online

Il-Kunsill ma qabilx dwar test ta' kompromess tal-presidenza għal regolament għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u l-ġlieda kontrih, b'xi stati membri jqajmu tħassib fir-rigward tar-riskji għall-kunfidenzjalità ta' komunikazzjoni interpersonali, u, b'mod partikolari, dik kriptata minn tarf sa tarf.

F'Mejju 2022, il-Kummissjoni pproponiet liġi tal-UE li tagħmilha obbligatorja li l-kumpaniji tal-internet jidentifikaw materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq il-pjattaformi tagħhom u jirrappurtawh lill-awtoritajiet. Minn dak iż-żmien 'l hawn l-abbozz ta' regolament ġie diskuss fit-tul fil-laqgħat tal-esperti tal-Kunsill.

Il-presidenza pprovdiet ukoll informazzjoni lid-delegazzjonijiet dwar fajls leġiżlattivi oħra fil-kompetenza tal-ministri għall-affarijiet interni.

Affarijiet oħra

Il-Presidenza għarrfet lill-ministri dwar il-Forum Ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, li sar f'Budva (il-Montenegro) fit-28 u d-29 ta' Ottubru 2024. Il-Presidenza rrappurtat ukoll lill-ministri dwar is-Seba' Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Budapest (li saret f'Budapest fil-11 u t-12 ta' Novembru 2024).

Il-Presidenza Pollakka li ġejja tal-Kunsill tal-UE ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' Mejju 2025