Drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru
Il-passiġġieri tal-ajru huma protetti bir-regoli tal-UE. Ġiet proposta reviżjoni tar-regoli attwali.
Għaliex għandha ssir riforma tar-regoli tal-UE dwar il-passiġġieri tal-ajru?
Ir-regoli eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri (ir-regolamenti 261/2004 u 2027/97) ikkontribwew b'mod sinifikanti għall-protezzjoni tal-passiġġieri fl-UE. Madankollu, feġġew għadd ta' problemi mill-adozzjoni tagħhom.
Xi dispożizzjonijiet u definizzjonijiet mhumiex ċari, u dan wassal għal inkonsistenzi u applikazzjoni mhux uniformi tar-regoli. Il-passiġġieri spiss isibuha diffiċli biex iħaddmu d-drittijiet tagħhom, minħabba nuqqasijiet fil-proċeduri għat-trattament tal-ilmenti.
X'inhi r-riforma proposta?
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet riforma tar-regolamenti attwali dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u r-responsabbiltà tal-linji tal-ajru f'Marzu 2013.
Il-bidliet proposti għandhom l-għan li jiżguraw li l-passiġġieri tal-ajru jkollhom drittijiet ġodda u mtejba għall-informazzjoni, l-għajnuna u r-riprogrammar tar-rotta meta jeħlu fl-ajruport. Fl-istess ħin, bħala parti mill-bidliet, jiġu introdotti proċeduri għall-ilmenti u miżuri tal-infurzar aħjar, sabiex il-passiġġieri jkunu fil-fatt jistgħu jiksbu dak li huma intitolati għalih. Il-bidliet għandhom ukoll l-għan li jiċċaraw xi partijiet legalment dubjużi fir-regoli attwali, u jintroduċu xi drittijiet ġodda.
F'aktar dettall, il-proposta tal-Kummissjoni tipprova tiċċara prinċipji ewlenin bħal:
- "ċirkostanzi straordinarji"
- id-dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien twil
- id-dritt għal riprogrammar tar-rotta
- id-dritt għall-għajnuna
- titjiriet konnessi mitlufa
- skedar rivedut
- dewmien fuq it-tarmak
- il-projbizzjoni parzjali tal-politika dwar passiġġier li ma jfeġġx
- id-dritt għall-informazzjoni
Hija tipprova tiżgura wkoll sanzjonijiet effettivi u konsistenti u t-trattament effettiv ta' talbiet u lmenti individwali. Għandha l-għan li tinforza aħjar id-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward ta' ġestjoni ħażina tal-bagalji, biex jitqiesu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-kumpaniji tal-ajru u biex jiġu adattati l-limiti tar-responsabbiltà skont l-inflazzjoni ġenerali tal-prezzijiet.
Fl-2020, il-Kummissjoni adottat linji gwida interpretattivi dwar ir-regoli dwar il-passiġġieri tal-ajru biex tipprovdi gwida liċ-ċittadini u lil-linji tal-ajru fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19.
Fil-Kunsill
Il-Kunsill kellu l-ewwel dibattitu dwar il-proposta f'laqgħa tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (TTE) fl-10 ta' Ottubru 2013. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-proposta ġiet diskussa fil-Kunsill diversi drabi.
Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2014.
Il-ħidma fuq il-proposta ġiet sospiża sal-2019 minħabba għadd ta' kwistjonijiet pendenti li kellhom jiġu solvuti.
Fl-2019, il-presidenza Finlandiża reġgħet bdiet id-diskussjonijiet dwar il-proposta. Il-Parlament Ewropew ikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu.
Kmieni fl-2020, il-presidenza Kroata għamlet aktar progress, billi ressqet proposti ta' kompromess ġodda bl-objettiv li jintlaħaq approċċ ġenerali fi ħdan il-Kunsill.
Il-Kunsill ilu ma jiddiskuti l-proposta mill-2020.