Athena - il-finanzjament tal-operazzjonijiet militari ta' sigurtà u ta' difiża
Athena huwa mekkaniżmu li jittratta l-finanzjament ta' spejjeż komuni marbutin ma' operazzjonijiet militari tal-UE skont il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) tal-UE.
Fl-1 ta' Marzu 2004, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa l-mekkaniżmu Athena. L-istati membri kollha tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-operazzjonijiet militari tal-UE. Id-Danimarka ddeċidiet li ma tipparteċipax fil-PSDK f'materji militari.
Athena huwa ġestit minn amministratur u taħt l-awtorità ta' Kumitat Speċjali magħmul minn rappreżentanti mill-istati membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' kull operazzjoni.
Ambitu tal-finanzjament ta' Athena
Athena jista' jiffinanzja l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari tal-UE kif ukoll l-ispejjeż li jġarrbu n-nazzjonijiet, li jinkludu akkomodazzjoni, karburant u spejjeż simili assoċjati mal-kontinġenti nazzjonali.
F'kull każ, dawn l-ispejjeż huma:
- spejjeż ta' implimentazzjoni u tħaddim tal-Kwartieri Ġenerali, fosthom l-ivvjaġġar, is-sistemi tal-IT, l-amministrazzjoni, l-informazzjoni pubblika, il-persunal ikkuntrattat lokalment, l-istazzjonament tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forza (KĠF) u akkomodazzjoni
- għall-forzi b'mod ġenerali, l-infrastruttura, is-servizzi mediċi (fiż-żona tal-operazzjonijiet), l-evakwazzjoni medika, l-identifikazzjoni, il-kisba ta' informazzjoni (immaġni bis-satellita)
- ħlas lura lin-/min-NATO jew organizzazzjonijiet oħra (eż. in-NU)
Jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, Athena jista' jiffinanzja wkoll spejjeż marbutin mat-trasport u l-akkomodazzjoni tal-forzi, u l-kwartieri ġenerali multinazzjonali taħt il-livell tal-KĠF.
Fuq talba tal-Kmandant tal-Operazzjoni u bl-approvazzjoni mill-Kumitat Speċjali, Athena jista' jiffinanzja wkoll dan li ġej:
- kwartieri u akkomodazzjoni/infrastruttura, tagħmir addizzjonali essenzjali, servizzi mediċi, kisba ta' informazzjoni (intelligence fil-livell taż-żona tal-operazzjonijiet, rikonjizzjoni u sorveljanza, inkluż sorveljanza tal-art mill-ajru u rikonjizzjoni u intelligence umana)
- kapaċitajiet kritiċi oħra fiż-żona tal-operazzjonijiet (tneħħija ta' mini, protezzjoni kimika, bijoloġika, radjoloġika, u nukleari (KBRN), ħażna u qerda ta' armi)
6 operazzjonijiet militari attivi tal-UE jgawdu mill-finanzjament ta' Athena bħalissa:
- EUFOR ALTHEA (Bożnija-Ħerzegovina)
- EUNAVFOR ATALANTA (Qarn tal-Afrika)
- EUTM SOMALIA
- EUTM MALI
- EUTM RCA
- EUNAVFOR MED IRINI
Operazzjonijiet preċedenti ffinanzjati minn Athena:
- AMIS 2 (Sudan) (Lulju 2005 - Diċembru 2007)
- EUFOR RD CONGO (Ġunju 2006 - Novembru 2006)
- EUFOR TCHAD RCA (Jannar 2008 - Marzu 2009)
- EUFOR Libya (April 2011 - Novembru 2011)
- EUFOR RCA (Frar 2014 - Marzu 2015)
- EUMAM RCA (Jannar 2015 - Lulju 2016)
- EUNAVFOR MED SOPHIA (15 ta' Mejju 2015 - 31 ta' Marzu 2020)
Kontribuzzjoni tal-istati membri għal Athena
Ir-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet għal Athena jinsabu fl-Artikolu 41.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-istati membri jikkontribwixxu sehem annwali bbażat fuq id-Dħul Nazzjonali Gross tagħhom.
Athena jista' wkoll jiffinanzja minn qabel nefqiet oħra marbutin ma' operazzjoni, partikolarment fil-qasam tal-appoġġ fil-ħajja reali. Japplikaw regoli finanzjarji speċifiċi għan-nefqiet kollha ffinanzjati permezz tal-mekkaniżmu Athena.
Ir-regoli finanzjarji ta' Athena
Ir-regoli finanzjarji ta' Athena huma stabbiliti mill-Kumitat Speċjali. Japplikaw regoli speċifiċi għall-oqsma differenti ta' nfiq eliġibbli, u għar-reklutaġġ u l-akkwist taħt Athena.
Manwal operattiv ta' Athena
Il-manwal operattiv ta' Athena jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-ġestjoni finanzjarja ta' Athena.
Protezzjoni tad-data
Il-Kumitat Speċjali dwar Athena adotta dawn ir-regoli ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-Regolament 45/2001 għal Athena.