Skip to content

Simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE

Xi tkun is-simplifikazzjoni?

Is-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija parti mill-istrateġija ġenerali tal-UE għal regolamentazzjoni aħjar. L-UE għandha l-għan li tissimplifika u tnaqqas il-leġislazzjoni tal-UE kull fejn possibbli, billi tnaqqas il-burokrazija u l-piż regolatorju fuq in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

L-ewwel pjan ta' azzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-PAK kien ippubblikat fl-2006. Minn dakinhar, kien hemm eżerċizzju kontinwu ta' simplifikazzjoni tal-PAK. Barra minn hekk, kien hemm riformi sinifikanti tal-PAK, l-aktar reċenti fl-2013. Dawn ir-riformi jiżguraw li l-PAK twieġeb għall-isfidi li qed jiffaċċa s-settur agrikolu. Ir-riforma komprensiva tal-2013 iffokat fuq tliet prijoritajiet:

  • produzzjoni vijabbli tal-ikel
  • ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali
  • żvilupp bilanċjat taż-żoni rurali

Il-Kummissarju tal-UE għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, Phil Hogan, stabbilixxa s-simplifikazzjoni tal-PAK bħala prijorità ewlenija tal-UE għall-mandat tiegħu, filwaqt li ffoka b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-PAK.

Ir-rwol tal-Kunsill huwa li jiżgura li jittieħed kont tar-reazzjonijiet tal-istati membri u li l-istati membri jkunu involuti fil-proċess ta’ simplifikazzjoni.

Għalfejn hija meħtieġa s-simplifikazzjoni?

Ir-riforma tal-2013 tal-PAK tejbet l-ambjent regolatorju għas-settur tal-biedja. Din kienet l-ewwel darba li twettqet riforma bil-proċedura leġislattiva ordinarja, fejn il-Kunsill jilleġisla b'mod konġunt mal-Parlament Ewropew, fuq l-istess livell. Minħabba l-bidliet ewlenin introdotti bir-riforma u l-portata tagħha, kien jinħtieġ xi żmien u xi sforzi biex ir-regoli l-ġodda jiġu implimentati b’mod korrett. Dan hu partikolarment il-każ fir-rigward ta' ċerti oqsma bħall-"ekoloġizzazzjoni" tal-ħlasijiet lill-azjendi agrikoli, li introduċew prattiki agrikoli tajbin għall-ambjent, bħad-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-manteniment tal-elementi ekoloġikament rikki tal-pajsaġġ u ammont minimu ta' bur permanenti.

L-istituzzjonijiet tal-UE issa jridu jiflu dak li ġie miftiehem u implimentat, u jaraw fejn jista’ jsir titjib fiż-żmien qasir jew medju kif ukoll x’jista’ jsir aħjar darb'oħra. Għall-bidu, fil-biċċa l-kbira tiegħu l-eżerċizzju ser jiffoka fuq l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni - dawk l-atti li jgħinu biex jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-PAK riformata.

Qafas aktar sempliċi għall-atturi kollha tal-PAK għandu jżid il-kompetittività tas-settur agrikolu tal-UE. Is-simplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-PAK sejra wkoll tiffranka l-ħin u tnaqqas l-ispejjeż għall-bdiewa, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom jikkonformaw mal-PAK jew jiġġestuha, waqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

Fid-dettall

Fil-bidu tal-2015, il-Kummissarju Hogan ta bidu għal skrinjar bir-reqqa tal-acquis agrikolu kollu sabiex jiġi identifikat il-potenzjal għas-simplifikazzjoni f'dik il-politika. Wara dan l-iskrinjar inizjali, il-Kummissarju Hogan qal li ser jirrevedi r-regoli dwar żoni ta' interess ambjentali u kwalunkwe aspett ieħor tal-iskema ta' pagament bażiku li jista' jtejjeb il-ħajja tal-bdiewa. Huwa indika wkoll li kien hemm aktar minn 200 regolament ieħor tal-Kummissjoni li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll għas-simplifikazzjoni.

Il-prinċipji li ġejjin ġew enfasizzati wkoll:

  • il-proposti l-ġodda u dawk attwali kollha għandhom ikunu ta' suċċess f’termini ta’ simplifikazzjoni
  • ir-regolamenti tal-Kummissjoni li jimplimentaw l-Organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) għandhom jiġu riveduti biex jonqsu fin-numru
  • għandha ssir analiżi tar-regoli dwar l-artijiet ta' interess ekoloġiku taħt l-iskema ta' pagamenti diretti wara l-ewwel sena tal-applikazzjoni
  • ir-regoli għal indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu eżaminati mill-qrib biex jiġi żgurat li dawn ikunu effettivi u sempliċi kemm jista’ jkun

Bosta stati membri indikaw ukoll l-’ekoloġizzazzjoni’ tal-PAK bħala prijorità għas-simplifikazzjoni.

Fil-Kunsill

Il-Kunsill għandu l-għan li jiżgura li l-ministri u d-delegati nazzjonali tal-agrikoltura jkunu involuti fl-eżerċizzju ta' simplifikazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-użu akbar ta' atti delegati fl-implimentazzjoni tal-PAK riformata.

L-ewwel diskussjoni dwar is-simplifikazzjoni saret waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-ministri tal-agrikoltura u s-sajd fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2014. Il-Kummissjoni mbagħad ippreżentat l-elementi ewlenin tal-aġenda ta’ simplifikazzjoni tagħha.

Il-Kunsill kellu wkoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-PAK waqt laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd fis-16 ta' Marzu 2015 u adotta konklużjonijiet waqt il-Kunsill Agrikoltura u Sajd tal-11 ta' Mejju 2015. L-enfasi ta' dawn il-konklużjonijiet kienet fuq il-potenzjal għas-simplifikazzjoni tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni.

Minn Mejju 2015 'l hawn saru aktar dibattiti fil-livell tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni tas-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) fis-16 ta' Novembru 2015 u fis-17 ta' Mejju 2016, meta l-Kummissjoni ppreżentat il-miżuri ta' simplifikazzjoni li diġà ttieħdu u dawk ippjanati għax-xhur ta' wara, bl-eċċezzjoni tal-ekoloġizzazzjoni.

Fil-Kunsill Agrikoltura u Sajd tat-18 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ekoloġizzazzjoni, inkluż ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika. Il-preżentazzjoni kienet segwita minn skambju ta' fehmiet mill-ministri.

Fis-6 ta' Marzu 2017, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni. B’mod partikolari, il-ministri qasmu l-ideat dwar kif jistgħu jintlaħqu l-prijoritajiet tal-PAK futura identifikati fid-dokument tal-presidenza u dwar jekk għandux ikun hemm ibbilanċjar mill-ġdid tas-sostenn dirett u l-iżvilupp rurali.

Is-simplifikazzjoni kienet ġeneralment enfasizzata bħala prijorità ġenerali għal politiki futuri sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku sħiħ tal-biedja u taż-żoni rurali tal-UE. Kwistjonijiet oħra indikati bħala prijoritajiet kienu:

  • il-bini tar-reżiljenza
  • ir-reazzjoni għall-isfidi ambjentali
  • l-investiment fil-vijabbiltà u l-vitalità rurali
  • l-iżgurar tat-tiġdid ġenerazzjonali
  • iż-żamma ta’ orjentazzjoni tas-suq
  • it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel