Linji gwida strateġiċi għall-ġustizzja u l-affarijiet interni
It-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi li l-Unjoni Ewropea trid tkun spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn id-drittijiet fundamentali huma rispettati bis-sħiħ. Sabiex dan jinkiseb, jagħti l-kompitu lill-Kunsill Ewropew biex jiddefinixxi linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operazzjonali f'dak l-ispazju. Il-linji gwida jkopru aspetti bħall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-kontroll tal-fruntieri, il-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja u d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja.
Sitwazzjoni attwali
Il-Kunsill biħsiebu jiddiskuti l-linji gwida strateġiċi fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja matul il-laqgħa tiegħu tat-12 u t-13 ta' Marzu 2020, bil-ħsieb li jiġu approvati qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu.
Il-linji gwida jipprovdu l-qafas għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika 2019-2024, adottata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2019 u jinkludu erba' komponenti:
- il-valuri u l-istat tad-dritt
- il-fiduċja reċiproka
- il-protezzjoni tal-ispazju komuni Ewropew tagħna
- il-profiċjenza fit-teknoloġiji ġodda u l-intelliġenza artifiċjali
Linji gwida strateġiċi mill-2014
F'Ġunju 2014, il-Kunsill Ewropew iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-snin li ġejjin. Dawn il-linji gwida huma allinjati mal-prijoritajiet stabbiliti fl-aġenda strateġika għall-UE, li ġiet adottata f'Ġunju wkoll. Huma jibnu fuq il-progress li sar mill-programm ta' Stokkolma, il-programm pluriennali għall-ġustizzja u l-affarijiet interni għall-2010-2014.
Fl-2017 tlesta rieżami ta' nofs it-terminu għal dawn il-linji gwida.
Fid‑dettall
Wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE kkonċentrat fuq l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni biex jinbena qafas b'saħħtu għall-ġustizzja u l-affarijiet interni. Wara li l-linji gwida strateġiċi kienu adottati f'Ġunju 2014, l-enfasi issa qiegħda fuq l-implimentazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-istrumenti legali u l-miżuri ta' politika eżistenti. F'dan is-sens, il-linji gwida strateġiċi jenfasizzaw il-ħtieġa ta':
- implimentazzjoni konsistenti u effikaċi tal-miżuri stabbiliti
- intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni
- titjib fir-rwol tal-aġenziji tal-UE
- esplorazzjoni tal-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda
Il-Kunsill Ewropew semma wkoll il-ħtieġa li titjieb ir-rabta bejn il-politiki interni u esterni tal-UE. Jeħtieġ li l-oqsma bħall-migrazzjoni u l-ażil, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-protezzjoni tad-data personali, li għandhom aspett globali, jiġu indirizzati kemm fl-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.
Flimkien ma' dawn l-aspetti ġenerali, il-linji gwida strateġiċi ddeskrivew f'aktar dettall il-prijoritajiet ewlenin għall-oqsma differenti tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.
1. Protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet fundamentali
Regolament dwar il-protezzjoni tad-data (Infografika)
L-UE għandha tiżgura l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Fost dawn id-drittijiet, ingħatat attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tad-data. F'dan il-qasam, wieħed mill-għanijiet stabbiliti mil-linji gwida strateġiċi kien li jiġi adottat qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Dan il-qafas il-ġdid daħal fis-seħħ f'Mejju 2016.
- Protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (informazzjoni ġenerali)
- Riforma tal-protezzjoni tad-data: (informazzjoni ġenerali)
2. Migrazzjoni, ażil u fruntieri
L-għanijiet ewlenin stabbiliti f'dan il-qasam kienu li:
- il-benefiċċji li l-migrazzjoni legali jista' jkollha għall-UE jkunu ottimizzati
- tingħata protezzjoni lil dawk li għandhom bżonnha
- tkun indirizzata l-migrazzjoni illegali waqt li jkun evitat li migranti li jippruvaw jaslu l-Ewropa jitilfu ħajjithom
Dan għandu jsir billi jitqiesu l-prinċipji ta' solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà.
Migrazzjoni legali
Biex tiġi indirizzata din l-isfida li tirriżulta minn popolazzjoni li qed tixjieħ, l-Ewropa trid tibqa' destinazzjoni attraenti għat-talent u tieħu il-massimu mill-opportunitajiet li ġġib magħha l-migrazzjoni legali. Il-linji gwida strateġiċi appellaw għal diskussjoni mal-komunità tan-negozju u s-sħab soċjali l-oħra, flimkien mal-adozzjoni ta' regoli koerenti u effiċjenti, u politiki ta' integrazzjoni attivi min-naħa tal-istati membri.
Ażil
L-impenn tal-UE għall-protezzjoni internazzjonali jeħtieġ politika tal-ażil Ewropea b'saħħitha. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin stabbiliti mil-linji gwida strateġiċi kienet it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Fl-aħħar mill-aħħar din ser tippermetti lill-persuni li jfittxu ażil li jkollhom l-istess garanziji proċedurali u protezzjoni f'kull pajjiż tal-UE.
Il-Kunsill Ewropew appella wkoll għal rwol imsaħħaħ għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), l-aġenzija tal-UE inkarigata mit-titjib tal-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-istati membri fi kwistjonijiet ta' ażil.
Migrazzjoni illegali
Rigward il-kwistjoni tal-migrazzjoni illegali, il-linji gwida strateġiċi jappellaw għal azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali ta' dan il-fenomenu u jkunu trattati l-flussi migratorji. F'dawn iż-żewġ aspetti, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu tal-migrant taqdi rwol fundamentali. Din il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet migratorji hija definita fl-approċċ globali għall-migrazzjoni u l-mobbiltà, il-qafas tal-UE għad-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni li mhumiex membri tal-UE.
L-objettivi ewlenin stabbiliti mill-Kunsill Ewropew fir-rigward tal-migrazzjoni illegali kienu li:
- jissaħħu u jitwessgħu l-programmi ta' protezzjoni reġjonali
- tiġi indirizzata b'mod qawwi l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar ta' bnedmin
- tkun stabbilita politika komuni ta' ritorn effikaċi
Fruntieri u viżi
In-nuqqas ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni u l-għadd li qed jikber ta' vjaġġaturi li jaslu fl-UE jeħtieġu ġestjoni effiċjenti u moderna tal-fruntieri esterni komuni tal-UE. Il-Kunsill Ewropew appella għal:
- modernizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri b'mod kosteffettiv
- tisħiħ tal-assistenza mogħtija mill-Frontex u s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) il-ġdida
- studju tal-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema Ewropea ta' gwardji tal-fruntiera
- modernizzazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi
3. Sigurtà: ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu
Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata, il-linji gwida strateġiċi appellaw għal:
- mobilizzazzjoni tal-istrumenti kollha ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija
- tisħiħ tar-rwol tal-Europol u tal-Eurojust
Dan għandu jkun appoġġat minn:
- rieżami tal-istrateġija dwar is-sigurtà interna
- żvilupp ta' approċċ komprensiv għaċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità
- prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu u reazzjoni għall-kwistjoni tal-ġellieda barranin
4. Kooperazzjoni ġudizzjarja
Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa għal spazju Ewropew ta' ġustizzja tabilħaqq, fejn is-sistemi legali differenti huma rispettati u fejn il-fiduċja reċiproka fis-sistemi ġudizzjarji ta' xulxin hija msaħħa. Xi wħud mill-oqsma ta' azzjoni ewlenin huma:
- il-promozzjoni tal-konsistenza u ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-UE
- is-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja
- it-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuna akkużata u t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-vittmi
- it-titjib tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet u sentenzi
- il-progress fin-negozjati dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
- il-faċilitazzjoni tal-attivitajiet transkonfinali, il-kooperazzjoni operazzjonali u t-taħriġ
5. Moviment liberu
Il-Kunsill Ewropew tenna l-ħtieġa ta' protezzjoni għad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu liberament u jirrisjedu u jaħdmu fi stati membri oħra, waqt li jkunu miġġielda l-użu ħażin possibbli jew l-applikazzjonijiet frodulenti.