Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Lulju 2015 12:00

It-tmiem tat-tariffi tar-roaming: il-Kunsill jikkonferma qbil mal-PE

Fit-8 ta' Lulju 2015 ittieħed pass ieħor lejn it-tmiem tat-tariffi tar-roaming għall-mowbajl, meta l-istati membri fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti approvaw il-ftehim mal-Parlament Ewropew. Il-liġi l-ġdida ser tinkludi wkoll l-ewwel regoli li japplikaw fl-UE kollha u li jħarsu l-aċċess miftuħ għall-internet, magħruf ukoll bħala n-newtralità tal-internet.

Tmiem it-tariffi tar-roaming f’nofs l-2017

Skont il-ftehim, is-sovrimposti fuq ir-roaming fl-Unjoni Ewropea ser ikunu aboliti mill-15 ta’ Ġunju 2017. Madankollu, il-fornituri tar-roaming ser ikunu jistgħu japplikaw 'politika ta’ użu ġust' biex ma jitħalliex isir użu abbużiv mir-roaming. Dan ikun jinkludi l-użu ta’ servizzi roaming għal finijiet oħra minbarra vjaġġar perjodiku.

Għar-roaming li jmur lil hinn mill-użu ġust, jista' jkun hemm tariffa żgħira. Din it-tariffa ma tistax tkun ogħla mill-ogħla rata bl-ingrossa li l-operaturi jħallsu biex jużaw in-netwerks ta’ pajjiżi oħra tal-UE. Il-limitu għall-użu ġust ser jiġi definit mill-Kummissjoni sal-15 ta’ Diċembru 2016. 

Biex it-tmiem tat-tariffi tar-roaming ikun sostenibbli fl-UE kollha, jeħtieġ li jitnaqqsu r-rati attwali bl-ingrossa. Biex dan jinkiseb, il-Kummissjoni ser tingħata mandat biex tirrevedi s-suq tar-roaming bl-ingrossa u tipproponi liġi ġdida sal-15 ta’ Ġunju 2016. Barra minn hekk, ser jiddaħħlu salvagwardji biex jindirizzaw l-irkupru tal-ispejjeż mill-operaturi. 

Il-Prim Ministru u Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir tal-Lussemburgu u President tal-Kunsill, Xavier Bettel, qal: "Il-ftehim dwar l-abolizzjoni tar-roaming sa Ġunju 2017 juri li l-Unjoni Ewropea tista' tagħti benefiċċji konkreti liċ-ċittadini Ewropej. L-Ewropa kapaċi tikseb ir-riżultat mixtieq.” 

Roaming orħos anki mill-2016 

It-tariffi tar-roaming diġà ser jorħsu fit-30 ta’ April 2016. L-ogħla sovrimposta minn dakinhar ser tkun €0.05 kull minuta għal telefonati, €0.02 għal sms u €0.05 kull megabyte għal data. Dawn l-ammonti huma l-ogħla rati bl-ingrossa ta' bħalissa. Għal telefonati riċevuti, l-ogħla sovrimposta ser tkun il-medja ppeżata tar-rati massimi tat-terminazzjoni tal-mowbajl fl-UE kollha, li għandha tiġi ffissata mill-Kummissjoni sa tmiem l-2015. 

Il-limiti massimi attwali tal-UE għall-prezzijiet tar-roaming fil-livell tal-konsumatur jirreferu għal kemm l-operaturi jistgħu jiċċarġjaw lill-klijenti tagħhom. Fi kliem ieħor, ikopru l-prezz domestiku miżjud bis-sovrimposta. Wara t-30 ta’ April 2016 ukoll, it-total tal-prezz domestiku u kwalunkwe sovrimposta ma jista' f'ebda każ ikun ogħla mil-limiti massimi attwali fil-livell tal-konsumatur (€0.19 kull minuta għal telefonati, €0.06 għal sms u €0.20 kull megabyte ta' data).  

Nipproteġu l-internet miftuħ 

Għall-ewwel darba, liġi tal-UE ser tistipula li l-operaturi ser ikollhom jittrattaw it-traffiku kollu l-istess meta jipprovdu servizzi ta' aċċess għall-internet. It-test jistabbilixxi wkoll il-prinċipju tad-dritt tal-utenti li jkollhom aċċess għal u li jqassmu l-kontenut tal-għażla tagħhom fuq l-internet. 

L-operaturi jistgħu jużaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku sabiex l-internet jibqa' operattiv. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq bżonnijiet tekniċi oġġettivi, u mhux konsiderazzjonijiet kummerċjali. L-imblukkar jew it-tnaqqis fir-rapidità ser ikunu permessi biss f’għadd limitat ta’ ċirkostanzi, pereżempju biex jilqgħu għal ċiberattakki jew jindirizzaw konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tat-traffiku. 

Ftehimiet dwar servizzi ottimizzati għal kontenut speċifiku ser ikunu permessi fejn tkun meħtieġa l-ottimizzazzjoni, iżda l-operaturi ser ikollhom jiżguraw il-kwalità ġenerali tas-servizzi ta' aċċess għall-internet. Servizzi speċjalizzati bħal dawn jinkludu pereżempju t-telekirurġija u l-karozzi kollegati. 

Ir-regoli għall-internet miftuħ ser ikunu applikabbli mit-30 ta’ April 2016, li hija d-data tal-applikazzjoni ġenerali tar-regolament il-ġdid. 

“It-tħaddin tal-prinċipju tal-ħarsien tal-internet miftuħ fil-leġislazzjoni tal-UE ma hu xejn inqas minn pass storiku,” qal il-Prim Ministru Bettel. “Qed nippreservaw il-possibbiltà li sseħħ l-innovazzjoni. Dan il-ftehim jibqa' jreġi anki fil-ġejjieni.” 

Kif ser isir liġi dan kollu? 

It-test miftiehem ser jgħaddi għall-finalizzazzjoni teknika. Imbagħad jeħtieġ jiġi approvat formalment mill-Kunsill u mill-Parlament. Il-Kunsill mistenni jadottah formalment fil-ħarifa 2015. Dan m'għandux bżonn isir mill-Kunsill tat-Telekomunikazzjoni: kwalunkwe formazzjoni tal-Kunsill għandha s-setgħa tadotta l-att legali.

Ir-regolament ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024