Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 11 ta' Novembru 2016 11:35

Schengen: il-Kunsill jirrakkomanda l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni

Fil-11 ta' Novembru 2016, il-Kunsill adotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tistabbilixxi rakkomandazzjoni li tippermetti l-estensjoni tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

"L-għan aħħari tagħna huwa li nerġgħu lura għal Schengen mill-aktar fis possibbli. Għalkemm għadna ma wasalniex is-sitwazzjoni qed titjieb. Għalhekk, l-estensjoni ser tkun ta' tliet xhur biss, u ser ikun hemm obbligi ta' rappurtar aktar intensivi meta mqabbla mal-perjodu preċedenti."

Robert Kaliňák, Ministru għall-Intern Slovakk u President tal-Kunsill

Mid-data tal-adozzjoni, l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja għandhom jestendu kontrolli proporzjonati u temporanji fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' tliet xhur fil-fruntieri interni li ġejjin:

  • l-Awstrija fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u s-Slovenja;
  • il-Ġermanja fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija;
  • id-Danimarka fil-portijiet Daniżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja;
  • l-Iżvezja fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont ta' Öresund;
  • in-Norveġja fil-portijiet Norveġiżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja.

Qabel jiġu estiżi dawn il-kontrolli, l-istati membri kkonċernati jeħtieġu jagħmlu skambju ta' fehmiet mal-istat(i) membru/i rilevanti bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss fejn jitqiesu neċessarji u proporzjonati. Għandhom jiżguraw ukoll li kontrolli fil-fruntieri interni jitwettqu biss bħala l-aħħar alternattiva meta miżuri alternattivi oħra ma jistgħux jiksbu l-istess effett.

Jenħtieġ li l-istati membri kkonċernati jinnotifikaw lill-istati membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni skont il-każ.

Il-kontrolli fil-fruntieri għandhom ikunu mmirati u limitati fl-ambitu, fil-frekwenza, fil-post u fil-ħin, għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-indirizzar tat-theddida serja għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna li tirriżulta mill-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari.

Kull ġimgħa l-istati membri li jagħmlu dawn il-kontrolli għandhom jivverifikaw jekk għadhomx meħtieġa u jaġġustawhom għal-livell tat-theddida, u jeliminawhom gradwalment kull fejn ikun xieraq. Huma għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar.

Kuntest 

Il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen, stabbilit f'Ottubru 2013 mir-Regolament tal-Kunsill 1053/2013, jipprevedi l-verifika tal-applikazzjoni tar-regoli ta' Schengen permezz ta' żjarat ta' monitoraġġ fi stat membru partikolari minn gruppi ta' esperti mill-Kummissjoni u l-istati membri. Wara ż-żjarat, li jistgħu jkunu mħabbra jew għall-għarrieda, jitfassal Rapport ta' Evalwazzjoni ta' Schengen u jintlaħaq qbil dwaru mill-kumitat ta' evalwazzjoni ta' Schengen tal-esperti tal-istati membri. Jekk ir-rapport jidentifika xi nuqqasijiet fil-qasam evalwat tal-acquis ta' Schengen, il-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Fit-2 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni adottat ir-rapport ta' evalwazzjoni ta' Schengen dwar il-Greċja u ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jiġu indirizzati nuqqasijiet speċifiċi fil-ġestjoni tal-fruntiera esterna. Fit-12 ta' Frar 2016, il-Kunsill adotta din ir-rakkomandazzjoni u ppropona lill-Greċja azzjoni korrettiva biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet.

Fejn, wara tliet xhur mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jippersistu nuqqasijiet serji u l-miżuri meħuda ma jkunux irriżultaw suffiċjenti, il-Kummissjoni tista' tagħti bidu għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-Kummissjoni tista' tipproponi rakkomandazzjoni, li għandha tiġi adottata mill-Kunsill permezz ta' maġġoranza kwalifikata, biex jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fil-partijiet kollha jew f'partijiet speċifiċi tal-fruntiera ta' stat membru wieħed jew aktar bħala l-aħħar soluzzjoni. Dawn jistgħu jiġu introdotti għal perjodu massimu ta' sitt xhur. Il-kontrolli jistgħu jiġu estiżi b'perjodi addizzjonali ta' sitt xhur għal massimu ta' sentejn.

Minkejja li sar progress sinifikanti mill-Greċja, in-nuqqasijiet serji identifikati fl-evalwazzjoni ma setgħux jiġu indirizzati kollha b'mod adegwat u komprensiv fil-limitu ta' żmien ta' tliet xhur. Għaldaqstant, fl-4 ta' Mejju 2016 il-Kummissjoni kkunsidrat li ntlaħqu l-kondizzjonijiet biex jiġi applikat l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill.

Fit-12 ta' Mejju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lil ħames stati ta' Schengen (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja) li jżommu kontrolli temporanji u proporzjonati fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' sitt xhur sabiex jirrispondu għat-theddida serja għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna li tirriżulta mill-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fraġli attwali fil-Greċja u l-pressjoni li għad fadal fl-istati membri l-aktar affettwati mill-movimenti sekondarji, fis-26 ta' Ottubru 2016 il-Kummissjoni ppreżentat proposta li tirrakkomanda lill-ħames stati ta' Schengen itawlu l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għal perjodu massimu ta' tliet xhur.

Id-dokument: Deċiżjoni li tistabbilixxi rakkomandazzjoni li tippermetti l-estensjoni tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni ser ikun disponibbli dalwaqt

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024