Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Ġunju 2023 14:15

Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar l-introduzzjoni ta' sistemi tat-trasport intelliġenti

Bil-ħsieb li jitħaffew it-tranżizzjoni diġitali u l-mobbiltà aktar intelliġenti fl-UE, il-presidenza tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-reviżjoni tad-direttiva tal-2010 dwar il-varar ta' sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS).

Andreas Carlson, ministru għall-infrastruttura u l-akkomodazzjoni tal-Iżvezja
Sistemi tat-trasport intelliġenti huma essenzjali biex tiżdied is-sikurezza fit-toroq u biex jiġu indirizzati l-problemi dejjem akbar tal-emissjonijiet u l-konġestjoni tal-Ewropa. Il-ftehim tal-lum ser jagħti spinta lill-evoluzzjoni tal-Unjoni tagħna lejn mobbiltà aktar intelliġenti, sikura, effiċjenti u sostenibbli.
Andreas Carlson, ministru għall-infrastruttura u l-akkomodazzjoni tal-Iżvezja
Andreas Carlson, ministru għall-infrastruttura u l-akkomodazzjoni tal-Iżvezja

Id-direttiva riveduta għandha l-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi teknoloġiċi, bħall-mobbiltà konnessa u awtomatizzata, l-applikazzjonijiet tal-mobbiltà bħala servizz, u t-trasport multimodali. Għandha wkoll l-għan li tħaffef id-disponibbiltà u ttejjeb l-interoperabbiltà tad-data diġitali li tingħata lil dawn is-servizzi. Għalhekk, il-proposta tirrappreżenta pass importanti lejn il-ħolqien tal-ispazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà.

Il-ftehim proviżorju tal-lum jippreserva l-ambizzjoni li jsir progress fil-varar sistematiku u armonizzat ta' sistemi tat-trasport intelliġenti iżda b'mod gradwali, biex jittieħed kont sħiħ tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji u tal-kapaċità amministrattiva.

Il-ftehim iżomm l-istruttura tal-proposta tal-Kummissjoni, li tibni fuq in-natura ta' qafas tad-Direttiva dwar l-ITS u d-diversi interventi tekniċi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni u atti delegati.

It-tipi ta' data meħtieġa, li jinkludu l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-mini u l-pontijiet, il-limiti tal-veloċità, il-pjanijiet ta' ċirkolazzjoni tat-traffiku, ir-restrizzjonijiet permanenti fuq l-aċċess, l-għeluq tat-toroq, ix-xogħlijiet fit-toroq, il-miżuri temporanji ta' ġestjoni tat-traffiku, kif ukoll is-servizzi kritiċi, bħas-servizzi tal-informazzjoni dwar it-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, li għandhom ikunu disponibbli madwar l-Unjoni, jinsabu fl-annessi għad-direttiva.

Għalhekk, id-direttiva l-ġdida fiha programm ta' implimentazzjoni li jkopri mill-inqas il-5 snin li ġejjin u ambitu ġeografiku preċiż tan-network tat-toroq. Permezz ta' atti delegati, il-Kummissjoni tista' tkompli tikkomplementa ċerti aspetti ta' dan il-programm ta' implimentazzjoni.

Fl-aħħar nett, it-test tal-ftehim politiku jiċċara u jispeċifika diversi dispożizzjonijiet tal-proposta, b'mod partikolari t-trattament proviżorju ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza, il-protezzjoni tad-data personali, l-oqsma ta' prijorità għall-varar u l-użu ta' speċifikazzjonijiet u standards u l-prinċipji li japplikaw għall-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet tekniċi fil-livell tal-UE.

Il-passi li jmiss

Il-ftehim proviżorju issa jrid jiġi approvat mill-Kunsill u mill-Parlament. Dan imbagħad jiġi adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet wara reviżjoni mill-ġuristi lingwisti. Min-naħa tal-Kunsill, il-presidenza Żvediża biħsiebha tippreżenta t-test lir-rappreżentanti tal-istati membri (Coreper) għall-approvazzjoni mill-aktar fis possibbli.

Kuntest

F'Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-komunikazzjoni dwar strateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti li tipproponi trasformazzjoni fundamentali tas-sistema Ewropea tat-trasport biex jintlaħaq l-objettiv ta' mobbiltà sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti. Id-diġitalizzazzjoni hija fattur indispensabbli ta' din it-trasformazzjoni u ser telimina l-ostakli fis-sistema kollha tat-trasport u tagħmilha aktar effiċjenti. Din ser tkompli żżid ukoll il-livelli ta' sikurezza, sigurtà, affidabbiltà u kumdità. L-istrateġija tidentifika l-varar ta' sistemi tat-trasport intelliġenti (ITS) bħala azzjoni ewlenija biex tinbena sistema ta' mobbiltà multimodali konnessa u awtomatizzata. L-ITS jintegraw teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni u tal-informazzjoni mal-inġinerija tat-trasport sabiex isir ippjanar, tfassil, tħaddim, manutenzjoni u ġestjoni tas-sistemi tat-trasport.

Id-Direttiva 2010/40/UE (id-Direttiva dwar l-ITS) tfasslet biex isservi bħala l-qafas għall-aċċellerazzjoni u l-koordinazzjoni tal-varar u l-użu tal-ITS applikata għat-trasport bit-triq u l-interkonnessjonijiet tagħha ma' mezzi oħra ta' trasport. Minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi ewlenin minn dak iż-żmien 'l hawn, issa hija meħtieġa riforma radikali tal-qafas leġiżlattiv. Għal dan il-għan, fil-15 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal reviżjoni tad-direttiva. Il-proposta hija parti minn pakkett ta' inizjattivi leġiżlattivi li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni, tad-diġitalizzazzjoni u ta' reżiljenza akbar fl-infrastruttura tat-trasport.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025