- Kunsill Ewropew
- Dikjarazzjoni u kummenti
- 6 ta' Ottubru 2023 17:10
Id-dikjarazzjoni ta' Granada
Aħna, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea, iltqajna fi Granada biex nagħtu bidu lill-proċess ħalli niddefinixxu d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-Unjoni għas-snin li ġejjin, filwaqt li nistabbilixxu pjan strateġiku ta' azzjoni biex insawru l-ġejjieni komuni tagħna għall-benefiċċju ta' kulħadd.
Intennu l-wegħda oriġinali tal-proġett Ewropew li niżguraw il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità għaċ-ċittadini tagħna, bil-valuri u l-prinċipji tagħna, id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt bħala gwida.
L-Aġenda Strateġika maqbula f'Ġunju 2019 kienet il-gwida għall-azzjoni tagħna. Il-pandemija u l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ttestjaw ir-reżiljenza tagħna, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa li l-Unjoni ssaħħaħ is-sovranità tagħha u wassluna biex nieħdu deċiżjonijiet importanti biex nipproteġu lill-popli u lill-ekonomiji tagħna.
Wara l-laqgħa tagħna f'Versailles, aġixxejna b'mod deċiżiv. Mhedda bir-rikatt tal-enerġija, naqqasna ħafna d-dipendenzi tagħna u ddiversifikajna s-sorsi tagħna. Quddiem it-tensjoni fil-ktajjen tal-provvista u l-kompetizzjoni internazzjonali, saħħaħna l-bażi ekonomika tagħna. Determinati li nieħdu aktar responsabbiltà għas-sigurtà u d-difiża tagħna stess u li nassistu lill-Ukrajna, saħħaħna l-kapaċitajiet tal-Ewropa. Ser inkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna u l-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn. Ikkonfermajna wkoll li l-ġejjieni tal-membri aspiranti tagħna u taċ-ċittadini tagħhom jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Jeħtieġ isir iżjed. Illum fi Granada, iddiskutejna l-prijoritajiet u l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa għal Ewropa b'saħħitha, dinamika, kompetittiva u koeżiva f'dinja li qed tinbidel.
Filwaqt li nibnu fuq il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, ser insaħħu t-tħejjija tagħna fil-qasam tad-difiża u ninvestu fil-kapaċitajiet billi niżviluppaw il-bażi teknoloġika u industrijali tagħna. Ser niffukaw ukoll fuq il-mobbiltà militari, fuq ir-reżiljenza fl-ispazju u fuq il-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku u ibridu u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni minn barranin madwar l-Unjoni. Il-gwerra ta' aggressjoni Russa kompliet tenfasizza wkoll is-saħħa tar-relazzjoni transatlantika.
Ser naħdmu fuq ir-reżiljenza u l-kompetittività fit-tul dinjija tagħna, filwaqt li niżguraw li l-UE jkollha l-għodod kollha meħtieġa biex tiżgura tkabbir sostenibbli u inklużiv u rwol ta' tmexxija fuq quddiem f'livell dinji f'dan id-deċennju kruċjali. Ser nindirizzaw il-vulnerabbiltajiet u nsaħħu t-tħejjija tagħna għall-kriżijiet, mhux l-inqas fil-kuntest tar-riskji klimatiċi u ambjentali u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru. Ser nantiċipaw l-isfidi potenzjali u naħtfu l-opportunitajiet għall-Unjoni tagħna fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, sabiex niżguraw is-sostenibbiltà tal-mudell ekonomiku tagħna, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Ser nikkonċentraw b'mod partikolari fuq l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, iċ-ċirkolarità, id-dekarbonizzazzjoni u r-reżiljenza għad-diżastri naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima.
Ser inkomplu bl-isforzi tagħna biex nibnu Suq Uniku aktar koeżiv, immexxi mill-innovazzjoni u interkonness, filwaqt li nippreservaw l-integrità tiegħu, l-erba' libertajiet tiegħu, id-dimensjoni soċjali tiegħu u l-ftuħ tiegħu, niżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, u nnaqqsu l-piż amministrattiv b'mod partikolari għall-SMEs. Ser niżguraw aċċess għal enerġija affordabbli, inżidu s-sovranità tal-enerġija tagħna u nnaqqsu d-dipendenzi esterni f'oqsma ewlenin oħra fejn l-UE jeħtieġ li tibni livell suffiċjenti ta' kapaċità biex tiggarantixxi l-benessri ekonomiku u soċjali tagħha, bħat-teknoloġiji diġitali u dawk b'emissjonijiet żero netti, il-mediċini kritiċi u l-materja prima, kif ukoll agrikoltura sostenibbli. Ser ninvestu fir-riċerka u l-edukazzjoni u fil-ħiliet tal-futur u nindirizzaw l-isfidi demografiċi. Ser insaħħu l-pożizzjoni tagħna bħala mutur industrijali, teknoloġiku u kummerċjali, b'enfasi speċjali fuq oqsma ta' valur miżjud għoli fejn diġà għandna vantaġġ kompetittiv jew fejn nistgħu nsiru minn ta' quddiem.
Ser inżidu l-involviment tagħna ma' sħab mir-reġjuni kollha tad-dinja biex nipproteġu u ntejbu l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha, inġibu aktar ġustizzja fis-sistema multilaterali, u nipprevjenu li tkompli tiġi frammentata. Ser nimmobilizzaw u niżviluppaw l-istrumenti ta' azzjoni esterna tagħna. Issa huwa aktar importanti minn qatt qabel li nikkooperaw fit-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tagħna, inrawmu ftehimiet ta' sħubija, ta' kummerċ u ta' investiment, nippromwovu l-iżvilupp sostenibbli biex nilħqu l-għanijiet miftiehma tagħna lejn emissjonijiet żero netti, u nsaħħu r-rispons f'każ ta' emerġenzi tas-saħħa. Din il-ħidma teħtieġ ukoll it-tisħiħ tal-kummerċ globali, li fi ħdanu d-WTO taqdi rwol fundamentali.
It-tkabbir huwa investiment ġeostrateġiku fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità. Huwa mutur għat-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini Ewropej, għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn il-pajjiżi u jrid irawwem il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. B'ħarsa 'l quddiem lejn il-prospett ta' Unjoni akbar, kemm l-UE kif ukoll l-istati membri futuri jeħtieġ li jkunu lesti. Il-membri aspiranti jeħtieġ li jżidu l-isforzi ta' riforma tagħhom, b'mod partikolari fil-qasam tal-istat tad-dritt, f'konformità man-natura bbażata fuq il-mertu tal-proċess ta' adeżjoni u bl-assistenza tal-UE. B'mod parallel, jeħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi l-bażi interni u r-riformi meħtieġa. Ser nistabbilixxu l-ambizzjonijiet fit-tul tagħna u l-modi kif dawn nistgħu niksbuhom. Ser nindirizzaw kwistjonijiet ewlenin relatati mal-prijoritajiet u l-politiki tagħna kif ukoll il-kapaċità tagħna li naġixxu. Dan ser jagħmel lill-UE aktar b'saħħitha u ser iżid is-sovranità Ewropea.
Il-Kunsill Ewropew ser ikompli d-diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet futuri tal-Unjoni tagħna fix-xhur li ġejjin qabel l-adozzjoni tal-Aġenda Strateġika s-sena d-dieħla.
Kuntatti għall-istampa
-
Ecaterina Casinge Spokesperson for the European Council President
- +32 488 58 59 08
- +32 2 281 5150
- @ecasinge
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Marzu 2025