- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Diċembru 2023 17:40
Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus: Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar proċedura biex tintgħażel sede għal awtorità ġdida
Illum, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew laħqu qbil komuni dwar il-proċess għall-għażla tas-sede tal-awtorità Ewropea futura għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AMLA).
L-awtorità l-ġdida hija l-qofol tar-riforma tal-qafas tal-UE kontra l-ħasil tal-flus. L-awtorità ser ikollha setgħat superviżorji diretti u indiretti fuq entitajiet marbutin b'obbligu u s-setgħa li timponi sanzjonijiet u miżuri. Il-ġimgħa li għaddiet, il-koleġiżlaturi laħqu qbil proviżorju dwar it-tfassil tal-AMLA.
Rigward il-post tal-awtorità, il-Kunsill u l-Parlament ħadmu flimkien biex jiżguraw proċess ta' għażla li jkun trasparenti, ġust u ekwu għall-kandidati kollha.
Il-koleġiżlaturi qablu dwar il-prinċipju tal-organizzazzjoni ta' seduti ta' smigħ pubbliċi konġunti biex ir-rappreżentanti tal-kandidaturi tal-istati membri jkunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom. Il-koleġiżlaturi ser jivvalutaw kull applikazzjoni skont il-kriterji tal-għażla inklużi fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-informazzjoni pprovduta mill-kandidati fil-formoli tal-applikazzjoni tagħhom, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' dawk il-formoli kif ukoll ir-riżultat tas-seduti ta' smigħ pubbliċi konġunti.
Id-deċiżjoni finali dwar il-post tas-sede tal-AMLA għandha tittieħed mill-koleġiżlaturi f'laqgħa interistituzzjonali informali fuq livell politiku, fejn ir-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill jivvotaw flimkien fl-istess ħin bl-istess għadd ta' voti attribwiti lil kull koleġiżlatur.
Il-post tas-sede li jirriżulta mill-proċess ser jiġi inkluż fir-regolament dwar l-AMLA u ser jiġi adottat formalment bħala parti mit-test.
Informazzjoni ġenerali u l-passi li jmiss
Fl-20 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta' proposti leġiżlattivi biex jissaħħu r-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT). Dan il-pakkett jinkludi regolament li jistabbilixxi awtorità ġdida tal-UE kontra l-ħasil tal-flus.
Fis-sentenzi tagħha tal-14 ta' Lulju 2022 dwar is-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-kompetenza biex jiġi ddeterminat il-post tas-sede ta' dawn l-aġenziji hija tal-leġiżlatura tal-UE, li trid taġixxi għal dan l-għan skont il-proċeduri stipulati mid-dispożizzjonijiet sostantivament rilevanti tat-Trattati, f'dan il-każ il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Il-proċess maqbul mill-koleġiżlaturi issa ser ikun applikabbli għall-għażla tas-sede tal-AMLA, l-ewwel aġenzija li għandha titwaqqaf wara s-sentenzi tal-14 ta' Lulju 2022.
Id-diskussjonijiet biex jintlaħaq qbil dwar proċedura tal-għażla għall-post tas-sede saru bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. F'Ġunju 2023, il-koleġiżlaturi qablu dwar kriterji konġunti għall-għażla tas-sede tal-AMLA. Fit-28 ta' Settembru, il-Kummissjoni nediet is-sejħa għall-applikazzjonijiet, bl-iskadenza tal-10 ta' Novembru biex l-istati membri jibagħtu l-applikazzjonijiet.
Disa' stati membri ppreżentaw applikazzjonijiet biex jospitaw l-AMLA: il-Belġju (Brussell), il-Ġermanja (Frankfurt), l-Irlanda (Dublin), Spanja (Madrid), Franza (Pariġi), l-Italja (Ruma), il-Latvja (Riga), il-Litwanja (Vilnius) u l-Awstrija (Vjenna).
Il-Kummissjoni ngħatat il-kompitu li tivvaluta l-eliġibbiltà tal-kandidaturi. Il-valutazzjoni hija mistennija toħroġ f'Jannar 2024. Il-pass li jmiss huwa li nimxu 'l quddiem bl-għażla. Ladarba jintgħażel il-post tas-sede, ser jiġi inkluż fir-regolament.
- Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus: Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu li joħolqu awtorità ġdida (stqarrija għall-istampa, 13 ta' Diċembru 2023)
- Għażla tas-sede tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AMLA) (informazzjoni ġenerali)
- Il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Jannar 2025