"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti: il-Kunsill u l-Parlament jilħqu qbil biex jagħtu spinta lill-industrija ekoloġika tal-UE
Din l-istqarrija għall-istampa ġiet modifikata fis-16 ta' Frar 2024 biex jiżdiedu t-testi finali tal-qbil proviżorju.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew illum laħqu qbil proviżorju dwar ir-regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri biex isaħħu l-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta' prodotti ta' teknoloġija b'emissjonijiet żero netti, magħruf aħjar bħala l-"att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti" (NZIA). Ir-regolament għandu l-għan li jagħti spinta lill-użu industrijali ta' teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE, bl-użu tas-saħħa tas-suq uniku biex tissaħħaħ it-tmexxija tal-Ewropa f'teknoloġiji ekoloġiċi industrijali.
Skont il-ftehim tal-lum, ser ikun hemm lista unika ta' teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti, bi kriterji għall-għażla ta' proġetti strateġiċi f'dawk it-teknoloġiji li ser jikkontribwixxu aħjar għad-dekarbonizzazzjoni.
Bl-Att dwar l-Industrija b'Emissjonijiet Żero Netti rridu nappoġġaw lill-industrija tagħna fit-tranżizzjoni tagħha. Dan l-Att huwa pass importanti fil-ħolqien tal-ekosistema meħtieġa biex tagħti spinta lill-manifattura ta' teknoloġiji nodfa. L-Ewropa nediet triq lejn futur aktar nadif u sostenibbli għall-industrija Ewropea. Issa wasal iż-żmien biex l-Ewropa tieħu lura t-tmexxija fix-xena dinjija għal teknoloġiji nodfa u biex tibni settur industrijali kompetittiv, ekoloġiku, u li joħloq l-impjiegi.
Jo Brouns, Ministru Fjamming għall-Ekonomija, l-Innovazzjoni, ix-Xogħol, l-Ekonomija Soċjali u l-Agrikoltura
L-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti għandu l-għan li jiffaċilita l-kundizzjonijiet għall-investiment f'teknoloġiji ekoloġiċi, billi jissimplifika l-proċeduri tal-għoti ta' permessi u jappoġġa proġetti strateġiċi. Huwa jipproponi wkoll il-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-suq ta' prodotti teknoloġiċi strateġiċi, it-tisħiħ tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea f'dawn is-setturi (partikolarment permezz tat-tnedija ta' akkademji ta' industrija b'emissjonijiet żero netti) u l-ħolqien ta' pjattaforma għall-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam.
Biex irawwem l-innovazzjoni, l-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti jipproponi li jinħolqu oqfsa regolatorji favorevoli għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-validazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi (magħrufa bħala ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorja).
Il-progress lejn l-objettivi tal-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti ser jitkejjel permezz ta' żewġ parametri referenzjarji indikattivi: li jintlaħaq 40% tal-produzzjoni meħtieġa biex tkopri l-ħtiġijiet tal-UE fi prodotti teknoloġiċi strateġiċi, u l-evoluzzjoni tagħhom meta mqabbla mal-produzzjoni dinjija għal prodotti bħall-pannelli fotovoltajċi solari, it-turbini eoliċi, il-batteriji l-u pompi tas-sħana. Il-proposta tistabbilixxi wkoll mira speċifika għall-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, b'kapaċità ta' injezzjoni annwali ta' mill-inqas 50 miljun tunnellata li għandha tinkiseb sal-2030.
Elementi ewlenin tal-ftehim
Il-ftehim proviżorju jappoġġa l-objettivi ewlenin tal-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti li ġew proposti mill-Kummissjoni inqas minn sena ilu, filwaqt li jintroduċi titjib, bħal regoli simplifikati dwar il-proċeduri tal-permessi għall-kostruzzjoni, il-ħolqien ta' widien industrijali b'emissjonijiet żero netti, u aktar ċarezza dwar il-kriterji għall-akkwist pubbliku u l-irkantar.
Kamp ta' applikazzjoni u listi ta' teknoloġiji
Ir-regolament il-ġdid huwa maħsub biex jipprovdi kundizzjonijiet aktar faċli u ċertezza lill-investituri u l-promoturi ta' proġetti ta' manifattura ta' teknoloġija b'emissjonijiet żero netti. Il-proġetti identifikati bħala li għandhom potenzjal akbar għad-dekarbonizzazzjoni ser igawdu minn proċeduri rapidi tal-permessi għall-kostruzzjoni jew l-espansjoni u l-gwida fl-aċċess għall-finanzi.
Peress li l-istati membri għandhom id-dritt li jagħżlu bejn sorsi differenti ta' enerġija, mhux ser ikunu obbligati jirrikonoxxu bħala proġetti strateġiċi dawk marbutin ma' teknoloġija li mhijiex aċċettata bħala parti mit-taħlita tal-enerġija tagħhom.
Proċessi rapidi għall-għoti ta' permessi
Il-limitu ta' żmien għall-għoti ta' permess għall-kostruzzjoni jew l-espansjoni ta' proġetti kbar ta' manifattura ta' teknoloġija b'emissjonijiet żero netti (aktar minn 1 gigawatt), kif ukoll dawk mhux imkejla f'gigawatts, ser ikun massimu ta' 18-il xahar. Għal proġetti iżgħar (inqas minn 1 gigawatt), il-limitu ta' żmien għall-għoti tal-permess ser ikun ta' 12-il xahar. Ser jiġu stabbiliti dati tal-għeluq aktar bikrin għal proġetti strateġiċi. Barra minn hekk, u indipendentement mil-limiti ta' żmien, il-proċedura ser tiżgura li dawn il-proġetti jkunu sikuri, siguri u ambjentalment sostenibbli u li jikkonformaw mar-rekwiżiti ambjentali, soċjali u ta' sikurezza.
Widien industrijali
Ir-regolament futur ser jippromwovi l-iżvilupp ta' "widien" ta' aċċellerazzjoni b'emissjonijiet żero netti (territorji li jikkonċentraw bosta kumpaniji involuti f'ċerta teknoloġija). L-objettivi ta' dawn il-widien huma li joħolqu raggruppamenti ta' attività industrijali b'emissjonijiet żero netti sabiex iżidu l-attraenza tal-UE bħala post għal attivitajiet ta' manifattura u jissimplifikaw aktar il-proċeduri amministrattivi għall-ħolqien ta' kapaċità tal-manifattura b'emissjonijiet żero netti. Dawn ser jikkontribwixxu għar-riindustrijalizzazzjoni tar-reġjuni.
Akkwist pubbliku
Ir-regoli li jirregolaw il-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi ser jixtru oġġetti, xogħlijiet u servizzi marbutin ma' teknoloġiji strateġiċi b'emissjonijiet żero netti huma mfassla biex jiżguraw aħjar li r-rekwiżiti jkunu trasparenti, implimentabbli, u armonizzati u li l-provvista ta' dawn it-teknoloġiji lill-UE tkun diversifikata, filwaqt li jissalvagwardjaw biżżejjed flessibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti.
L-att maqbul illum jirregola l-użu ta' skemi li jinċentivaw ix-xiri ta' prodotti ta' teknoloġija b'emissjonijiet żero netti u jiddefinixxi l-kontribuzzjonijiet għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku. Il-kontribut għas-sostenibbiltà ambjentali ser ikun rekwiżit minimu obbligatorju, filwaqt li l-kontribut għar-reżiljenza ser jiġi applikat jekk ikun hemm dipendenza minn pajjiż terz ta' aktar minn 50% għal teknoloġija strateġika speċifika b'emissjonijiet żero netti (jew għall-komponenti tagħha). Dan il-kriterju ser jitqies biss jekk il-Kummissjoni l-ewwel tkun ivvalutat il-livell ta' dipendenza ta' kull teknoloġija minn pajjiż terz partikolari.
Jekk l-applikazzjoni tal-kontribut għar-reżiljenza u s-sostenibbiltà tirriżulta f'differenza sproporzjonata fl-ispejjeż jew jekk ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda offerta jew talba xierqa, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dawn il-kriterji.
Irkantijiet għall-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli
Il-ftehim proviżorju jistabbilixxi li meta stat membru jfassal irkant għall-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, ikun jista' japplika kemm kriterji ta' prekwalifikazzjoni kif ukoll tal-għoti li mhumiex marbutin mal-prezz, bħas-sostenibbiltà ambjentali, il-kontribut għall-innovazzjoni jew l-integrazzjoni ta' sistemi tal-enerġija. Dawn il-kriterji ser ikollhom japplikaw għal mill-inqas 30% tal-volum irkantat kull sena għal kull stat membru.
Il-Kummissjoni ser tiddefinixxi l-kriterji għall-akkwist u l-irkantar u ser tirrevedi l-volum irkantat fid-dawl ta' valutazzjoni tal-funzjonament tas-sistema.
Il-passi li jmiss
Il-qbil proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew issa jeħtieġ li jiġi approvat u adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet.
Sfond
L-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti huwa waħda mit-tliet inizjattivi leġiżlattivi ewlenin tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, flimkien mal-Att dwar il-Materja Prima Kritika u r-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku, biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija b'emissjonijiet żero netti tal-Ewropa u tiġi appoġġata tranżizzjoni rapida għan-newtralità klimatika.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 u s-27 ta' Ottubru 2023, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern appellaw lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jilħqu ftehim fil-pront dwar l-att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti, bil-ħsieb li jiffinalizzaw l-abbozz ta' liġi l-ġdid qabel tmiem dan iċ-ċiklu leġiżlattiv.
Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha fis-16 ta' Marzu 2023. Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fil-21 ta' Novembru 2023 u l-Kunsill adotta l-approċċ ġenerali tiegħu fis-7 ta' Diċembru 2023.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Att dwar l-industrija b'emissjonijiet żero netti: punt ta' riferiment għall-kapaċità ta' manifattura ta' prodotti tat-teknoloġija strateġiċi b'emissjonijiet żero netti (Infografika)