Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 17 ta' Ottubru 2023

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill evalwa l-progress fir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika u enfasizza l-ħtieġa li jitkomplew id-diskussjonijiet kemm fil-livell tekniku kif ukoll f'dak politiku.

Il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE huwa sett ta' regoli komuni għall-politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali li japplikaw għall-istati membri kollha. Iservu biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jippromwovu l-konverġenza filwaqt li jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi.

Nadia Calviño aġent l-ewwel viċi president Spanjola u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni
Qed naħdmu bla heda u fi spirtu ta' kunsens biex nilħqu ftehim bilanċjat qabel tmiem is-sena. L-ambizzjonijiet tagħna huma għoljin bħal ma huma l-kisbiet potenzjali – it-tisħiħ tal-unjoni ekonomika u monetarja tagħna, u t-triq lejn tkabbir sostenibbli u responsabbiltà fiskali li ser jippermettulna niffaċċjaw l-isfidi tagħna b'mod magħqud fil-preżent u fil-futur.
Nadia Calviño aġent l-ewwel viċi president Spanjola u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni
Nadia Calviño aġent l-ewwel viċi president Spanjola u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni

Ir-riforma tikkonsisti fi tliet proposti:

  • regolament dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali
  • regolament dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv
  • direttiva dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-istati membri

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati taċ-Ċekja, Spanja, in-Netherlands, il-Portugall u s-Slovenja.

Matul l-2023, huwa mistenni li gradwalment kull wieħed mis-27 stat membru jippreżenta emendi għall-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu mill-inqas darba, biex jaċċessa l-għotjiet il-ġodda tar-REPowerEU, biex jitlob self disponibbli, jew biex jieħu inkunsiderazzjoni l-allokazzjoni aġġornata tal-RRF.

Illustrazzjonijiet tal-linji tal-provvista tal-enerġija, impjanti eoliċi, ferrovija, binja u nies.
Spjegazzjoni tal-pjan REPowerEU (Infografika)

Spjegazzjoni tal-pjan REPowerEU (Infografika)

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq is-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja fl-Ukrajna, abbażi tal-kontribut mill-Kummissjoni u l-Presidenza.

Finanzjament għall-klima bil-ħsieb tal-COP28

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 28), li ser issir mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2023.

Segwitu tal-G20

Il-Presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lill-ministri dwar ir-riżultati ewlenin tal-laqgħa tal-G20 tal-Ministri għall-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali li saret bejn il-11 u t-13 ta' Ottubru 2023.

Tassazzjoni: lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx

Il-ministri rċevew rapport ibbażat fuq il-ħidma fil-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (tassazzjoni tal-intrapriżi), relatat mal-aġġornament regolari tal-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. Il-Kunsill approva l-aġġornament tal-lista tal-UE.

Il-Kunsill żied lil Antigua u Barbuda, il-Belize u s-Seychelles, u neħħa l-Gżejjer Verġni Brittaniċi, il-Costa Rica u l-Gżejjer Marshall mil-lista.

Tassazzjoni - kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC8)

Il-Kunsill adotta direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. Id-direttiva ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam billi twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi ta' reġistrazzjoni u rappurtar u l-kooperazzjoni amministrattiva ġenerali tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa.

L-emendi jikkonċernaw l-aktar ir-rappurtar u l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-dħul minn tranżazzjonijiet fi kriptoassi u dwar deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem għall-individwi l-aktar sinjuri (b'valur nett għoli).

Servizzi finanzjarji

Il-Presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi dwar is-servizzi finanzjarji. Il-ministri ħadu nota tas-sitwazzjoni attwali u laqgħu l-progress fl-implimentazzjoni tad-direttivi għas-servizzi finanzjarji.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025