Il-pjan REPowerEU: il-politika dwar l-enerġija fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-pajjiżi tal-UE
Permezz tal-pjan REPowerEU, l-UE trid ittemm id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi billi tiffranka l-enerġija, tiddiversifika l-provvisti u taċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
X'inhu l-pjan REPowerEU?
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha impatt devastanti fuq l-Ukrajna. Ħalliet ukoll impatt gravi fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. F'Marzu 2022, il-mexxejja tal-UE qablu li jeliminaw gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni mir-Russja ta' gass, żejt u faħam billi:
- jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili aktar malajr
- jiddiversifikaw il-provvisti u r-rotot
- jiżviluppaw aktar is-suq tal-idroġenu tal-UE
- jaċċelleraw l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli
- itejbu l-interkonnessjoni tan-networks Ewropej tal-elettriku u l-gass
- issaħħu l-ippjanar ta' kontinġenza tal-UE għas-sigurtà tal-provvista
- itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jippromwovu ċ-ċirkolarità
Stiednu lill-Kummissjoni Ewropea tressaq pjan biex titnaqqas malajr id-dipendenza żejda tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi. Il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan REPowerEU fit-18 ta' Mejju 2022.
Minbarra li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE fis-settur tal-enerġija, il-pjan jiffoka fuq l-għoti ta' appoġġ għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-akkomunament tal-forzi għal sistema tal-enerġija aktar reżiljenti.
Spjegazzjoni tal-pjan REPowerEU (Infografika)
REPowerEU huwa pjan għal:
- l-iffrankar tal-enerġija
- il-produzzjoni ta' enerġija nadifa
- id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tal-UE
- l-ikkombinar għaqli tal-investimenti u r-riformi
Il-pjan REPowerEU jibni fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%. Il-pakkett jistabbilixxi l-għan li jinkisbu mill-inqas -55% emissjonijiet netti ta' gassijiet serra sal-2030 u newtralità klimatika sal-2050 f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Lesti għall-Mira ta' 55%
Il-pajjiżi tal-UE kif jimplimentaw il-pjan REPowerEU?
Il-pajjiżi tal-UE qed iżidu kapitoli speċifiċi fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) fil-qafas ta' Next Generation EU sabiex jiffinanzjaw investimenti u riformi ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta' REPowerEU. Dawn l-objettivi jinkludu l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u l-introduzzjoni aċċellerata ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.
B'mod speċifiku, ir-riformi u l-investimenti għandhom jiffukaw fuq:
- it-titjib tal-infrastruttura tal-enerġija u tal-faċilitajiet biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista għall-gass, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG), speċjalment sabiex il-provvista tkun tista' tiġi ddiversifikata fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi
- iż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini
- id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija
- iż-żieda fil-produzzjoni u fl-użu ta' bijometan sostenibbli, u idroġenu rinnovabbli jew mhux fossili
- iż-żieda fis-sehem u l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli
- l-indirizzar tal-faqar enerġetiku
- l-inċentivi għat-tnaqqis fid-domandagħall-enerġija
- l-indirizzar tal-konġestjonijiet interni u transfruntieri fit-trażmissjoni u fid-distribuzzjoni tal-enerġija u l-għoti ta' appoġġ lit-trasport b'emissjonijiet żero u l-infrastruttura tiegħu, inkluż il-ferroviji
- l-appoġġ għall-ħżin tal-elettriku
Il-kapitoli ta' REPowerEU jiddeskrivu riformi u investimenti ġodda mibdija mill-1 ta' Frar 2022 'il quddiem, u/jew l-aspetti msaħħa tar-riformi u l-investimenti diġà inklużi fl-RRPs adottati, bl-istadji importanti u l-miri korrispondenti tagħhom.
Il-Kummissjoni pproponiet l-emendi meħtieġa għar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f'Mejju 2022. F'Diċembru 2022, il-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil politiku dwar il-finanzjament ta' REPowerEU, li jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jżidu kapitoli ddedikati fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom. Fil-21 ta' Frar 2023, il-Kunsill adotta r-regolament emendatorju formalment.
Kif jiġi ffinanzjat il-pjan REPowerEU?
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija s-sors ewlieni ta' finanzjament għal REPowerEU. B'mod speċifiku, il-kapitoli ta' REPowerEU huma prinċipalment iffinanzjati minn self li jifdal li jammonta għal €225 biljun.
Jeħtieġ li l-istati membri jiżguraw sinerġiji u komplementarjetà bejn miżuri diġà ffinanzjati taħt l-RFF u inizjattivi li huma appoġġati permezz ta' fondi nazzjonali jew tal-UE oħra.
L-istati membri jistgħu jitolbu prefinanzjament sa massimu ta' 20% tal-fondi allokati għall-kapitoli ta' REPowerEU, li huwa pagabbli f'massimu ta' żewġ segmenti.
Il-finanzjament ta' għotjiet, għal ammont sa €20 biljun, huwa pprovdut mill-Fond għall-Innovazzjoni (60%) u mill-bejgħ ta' kwoti tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) (40%).
L-ammont f'għotjiet għal kull stat membru jiġi allokat permezz ta' formula li tqis:
- il-kriterji tal-politika ta' koeżjoni
- id-dipendenza tal-istati membri fuq il-fjuwils fossili
- iż-żieda fil-prezzijiet tal-investiment
L-istati membri jistgħu jittrasferixxu wkoll sa €5.4 biljun f'fondi mir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit u l-fondi tal-politika ta' koeżjoni biex jiffinanzjaw il-miżuri ta' REPowerEU.
Il-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza
X'inhuma r-riżultati ewlenin tal-pjan REPowerEU?
Il-miżuri meħuda fil-qafas tal-pjanREPowerEU pproteġew liċ-ċittadini u n-negozji tal-UE min-nuqqas ta' enerġija, filwaqt li għaġġlu t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u rrinfurzaw l-awtonomija strateġika tal-UE. Ikkontribwew ukoll għad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-provvista.
B'mod aktar speċifiku, skont il-pjan, l-UE ħadet azzjoni permezz ta':
- l-adozzjoni ta' miżuri għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass
- l-introduzzjoni ta' regoli dwar il-ħżin tal-gass
- l-ispinta lill-investimenti fl-enerġija rinnovabbli
- l-istabbiliment ta' proċeduri aċċellerati għall-għoti ta' permessi għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli
- l-iffaċilitar tax-xiri konġunt tal-gass
Barra minn hekk, l-importazzjoni ta' gass mir-Russja naqqset minn 45% fl-2021 għal 13% fl-2025. Fir-rigward tal-importazzjoni ta' fjuwils fossili oħra, wara l-adozzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, l-importazzjoni kollha ta' faħam mir-Russja ġiet ipprojbita u l-importazzjoni taż-żejt tnaqqset minn 27% għal inqas minn 3% fl-2025.
Sabiex twaqqaf kompletament il-bqija tal-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass Russi, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan direzzjonali REPowerEU f'Mejju 2025 bħala segwitu għall-pjan REPowerEU. Wieħed mir-riżultati ewlenin tiegħu huwa regolament ġdid li jtemm kompletament l-importazzjonijiet tal-gass Russu lejn l-UE.
F'Diċembru 2025, il-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil proviżorju dwar dan ir-regolament il-ġdid u ġie adottat formalment fis-26 ta' Jannar 2026. Huwa fih projbizzjoni gradwali kemm fuq l-importazzjonijiet tal-LNG kif ukoll tal-gass bil-pipeline mir-Russja, bi projbizzjoni sħiħa minn tmiem l-2026 u l-ħarifa tal-2027 rispettivament.
It-tmiem tal-importazzjonijiet tal-enerġija Russa
Ara wkoll
Kif wieġbet għall-kriżi tal-enerġija tal-2022 l-UE?
Kif l-UE qed tekoloġizza l-enerġija
Minn fejn jiġi l-gass tal-UE? (Infografika)
L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Jannar 2026