Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 8 ta' Diċembru 2023

Riżultati prinċipali

Rieżami tal-governanza ekonomika

Il-Kunsill iddiskuta r-riforma proposta tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE.

Nadia Calviño, l-ewwel aġent viċi president ta' Spanja u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni
Għamilna progress sinifikanti ħafna abbażi tal-konsultazzjonijiet intensi li kellna matul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur. Kważi wasalna. Ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar il-konsultazzjonijiet politiċi, legali u tekniċi kollha, iżda nittamaw li niffinalizzaw dan fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, sabiex inkunu nistgħu nilħqu qbil politiku qabel tmiem is-sena.
Nadia Calviño, l-ewwel aġent viċi president ta' Spanja u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni
Nadia Calviño, l-ewwel aġent viċi president ta' Spanja u ministru għall-ekonomija u d-diġitalizzazzjoni

Il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE huwa sett ta' regoli komuni għall-politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali li japplikaw għall-istati membri kollha. Iservu biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jippromwovu l-konverġenza filwaqt li jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi.

Il-pakkett leġiżlattiv jiffoka fuq kwistjonijiet fiskali. Fih tliet proposti:

  • proposta għal regolament ġdid dwar il-koordinazzjoni effettiva tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja multilaterali, li jissostitwixxi r-regolament eżistenti dwar il-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir
  • proposta biex jiġi emendat ir-regolament eżistenti dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (PDE), li hija s-sett ta' regoli li jidħlu fis-seħħ jekk stat jikser il-valuri ta' referenza tat-Trattat ta' 3% u 60% tal-PDG għad-defiċit u d-dejn pubbliku rispettivament. Din hija l-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir
  • tielet proposta biex tiġi emendata d-direttiva tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-istati membri.

Riżorsi proprji

Il-presidenza ppreżentat rapport ta' progress dwar il-pakkett aġġustat għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' riżorsi proprji, u l-ministri ħadu l-opportunità li jiskambjaw fehmiet dwar il-proposta.

Pakkett ta' munita unika

Il-presidenza ppreżentat rapport ta' progress dwar il-"pakkett ta' munita unika", li jikkonsisti fi proposti leġiżlattivi komplementari li jistabbilixxu l-qafas legali għall-introduzzjoni possibbli ta' euro diġitali.

Skont ir-regoli l-ġodda, l-euro diġitali jikkomplementa l-flus kontanti u jkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-ministri rċevew aġġornamenti mill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-Kunsill qasam il-fehmiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Huwa adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw il-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja u r-Rumanija.

Fost emendi oħra, il-parti l-kbira tal-pajjiżi żiedu kapitoli ġodda tar-REPowerEU mal-pjanijiet aġġornati tagħhom.

Illustrazzjonijiet tal-linji tal-provvista tal-enerġija, impjanti eoliċi, ferrovija, binja u nies.
Spjegazzjoni tal-pjan REPowerEU (Infografika)

Spjegazzjoni tal-pjan REPowerEU (Infografika)

Semestru Ewropew

Il-Kunsill mexxa 'l quddiem il-ħidma dwar is-Semestru Ewropew bi skambju ta' fehmiet dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024 u Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

Il-VAT fl-Era Diġitali

Il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta' progress tal-Presidenza dwar il-pakkett "Il-VAT fl-Era Diġitali".

F'Diċembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett "Il-VAT fl-era diġitali", li għandu l-għan li jgħin biex tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, jappoġġa lin-negozji u jnaqqas il-piż amministrattiv.

Il-pakkett jinkludi proposti għal:

  • reġistrazzjoni unika tal-VAT għan-negozji madwar l-UE
  • regoli tal-VAT għall-ekonomija tal-pjattaformi, relatati mat-trasport tal-passiġġieri u l-kiri ta' akkomodazzjoni għal żmien qasir
  • obbligi ta' rappurtar diġitali bbażati fuq il-fatturazzjoni elettronika għan-negozji li joperaw bejn il-fruntieri fl-UE

Tassazzjoni - Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-progress miksub mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta matul il-Presidenza Spanjola (Lulju sa Diċembru 2023), bħala punt mingħajr diskussjoni.

Rapport lill-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta' taxxa

Il-Kunsill approva rapport dwar kwistjonijiet ta' taxxa indirizzat lill-Kunsill Ewropew.

Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tal-progress miksub fil-Kunsill matul il-mandat tal-Presidenza Spanjola (Lulju sa Diċembru 2023), kif ukoll ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-aktar affarijiet importanti li qed jiġu nnegozjati fil-qasam tat-tassazzjoni.

Unjoni doganali

Il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta' progress tal-presidenza dwar ir-riforma doganali.

Ir-riforma doganali tistabbilixxi viżjoni moderna għad-dwana tal-UE sabiex l-awtoritajiet doganali fl-UE jkunu mgħammra kif xieraq biex iwaqqfu merkanzija mhux konformi, jiġbru aktar dazji doganali u jwettqu kontrolli adegwati mingħajr ma jitfgħu piż eċċessiv fuq l-awtoritajiet u n-negozjanti.

Servizzi finanzjarji

Il-Presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi dwar is-servizzi finanzjarji.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Marzu 2025