"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 17 ta' Frar 2026

Riżultati ewlenin

Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti

Makis Keravnos, Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika ta' Ċipru

Ewropa aktar kompetittiva kienet mill-bidu nett pilastru ċentrali tal-aġenda tal-presidenza Ċiprijotta. Kif uriet il-laqgħa tal-ġimgħa li għaddiet tal-mexxejja tal-UE, dan l-impetu politiku jaqsmuh l-istati membri kollha. L-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti, li tinkludi l-pakkett tal-pensjonijiet li ddiskutejna llum, hija għodda ewlenija biex nagħtu spinta lill-flussi tal-kapital u biex tgħinna niksbu Ewropa b'saħħitha, innovattiva u ekonomikament vibranti.

Makis Keravnos, Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika ta' Ċipru

Makis Keravnos, Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika ta' Ċipru

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-pakkett tal-pensjonijiet supplimentari – element ewlieni tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti. Il-pakkett għandu l-għan li jikkontribwixxi għal introjtu tal-irtirar aħjar għaċ-ċittadini filwaqt li jagħti spinta lill-kompetittività tal-UE.

B'mod aktar speċifiku, il-pakkett jemenda r-regolament dwar il-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP) u d-direttiva dwar l-istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali.

Ir-riforma għandha tagħmel il-pensjonijiet supplimentari aktar attraenti u aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE u fl-istess ħin tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ekonomija.

Matul id-diskussjoni tagħhom, il-ministri esprimew appoġġ ġenerali għall-proposti tal-Kummissjoni biex jittejjeb il-qafas tal-pensjonijiet supplimentari tal-UE. Enfasizzaw b'mod partikolari l-potenzjal tal-pakkett fl-iżgurar ta' rtirar adegwat għaċ-ċittadini tal-UE, fil-mobilizzazzjoni tat-tfaddil privat fit-tul li jista' jgħin biex tingħata spinta lill-investiment fl-UE, u fl-appoġġ għas-sostenibbiltà tal-ekonomija ġenerali.

Fl-istess ħin, il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-kompetenzi tal-istati membri, bħal fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol. Issottolinjaw ukoll il-ħtieġa ta' proporzjonalità għal atturi iżgħar fis-suq u talbu kjarifiki dwar l-inklużjoni proposta ta' dispożizzjoni dwar it-trattament fiskali mhux diskrimatorju għall-PEPPs fl-oqfsa nazzjonali.

Il-ħidma fuq il-pakkett issa ser tkompli kemm fil-livell tekniku kif ukoll f'dak politiku. Il-presidenza Ċiprijotta ser tipprova tidentifika bażi komuni filwaqt li tieħu kont tad-diversità wiesgħa tas-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet fost l-istati membri.

Finanzjament tad-difiża

Il-Kunsill iddeċieda li jattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-patt ta' stabbiltà u tkabbir (PST) għall-Awstrija. Il-miżura ser tgħin lill-Awstrija fit-tranżizzjoni lejn infiq ogħla fid-difiża fil-livell nazzjonali filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn.

Il-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lil stat membru jiddevja temporanjament mir-rekwiżiti baġitarji b'rispons għal ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tiegħu, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Għalhekk, l-istati membri jistgħu jkollhom defiċits ogħla mingħajr ma jitqiesu li qed jiksru r-regoli fiskali stipulati fil-PST.

Il-klawżola tkopri perjodu ta' erba' snin u massimu ta' 1.5% tal-PDG fi flessibbiltà. Id-deċiżjoni tal-lum ittella' għal 17 l-għadd ta' stati membri tal-UE li għamlu użu mill-klawżola liberatorja nazzjonali bil-ħsieb li jagħtu spinta lill-infiq nazzjonali tagħhom fid-difiża.

lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx

Bħala punt mhux għad-diskussjoni, il-Kunsill iddeċieda li jżid żewġ pajjiżi - il-Gżejjer Turks u Caicos u l-Vjetnam - mal-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa.

Il-lista hija l-għodda tal-UE bħala parti mill-isforzi tal-UE biex tippromwovi governanza tajba fil-qasam tat-taxxa mad-dinja kollha. Hija magħmula minn pajjiżi li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali maqbula tat-taxxa jew li ma ssodisfawx l-impenji tagħhom fejn tidħol governanza tajba fil-qasam tat-taxxa f'perjodu ta' żmien speċifiku.

Il-Kunsill neħħa wkoll lil tliet pajjiżi - Fiġi, Samoa u Trinidad u Tobago - mil-lista. Dawn il-ġuriżdizzjonijiet issa jikkonformaw mal-kriterji kollha skont il-proċess.

Wara l-aġġornament tal-lum, il-lista issa tinkludi 10 ġuriżdizzjonijiet:

  • is-Samoa Amerikana
  • Anguilla
  • Guam
  • Palau
  • il-Panama
  • ir-Russja
  • il-Gżejjer Turks u Caicos
  • il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti
  • Vanuatu
  • il-Vjetnam

Il-Kunsill approva wkoll id-dokument tas-soltu dwar is-sitwazzjoni attwali (Anness II) li jirrifletti kooperazzjoni li l-UE għandha għaddejja mas-sħab internazzjonali tagħha u l-impenji ta' dawn il-pajjiżi biex jirriformaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jaderixxu mal-istandards ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

Semestru Ewropew 2026

Il-Kunsill approva r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2026.

Ir-rakkomandazzjoni tindirizza kwistjonijiet ewlenin għall-funzjonament taż-żona tal-euro. L-għan huwa l-integrazzjoni aħjar tad-dimensjonijiet nazzjonali u taż-żona tal-euro tal-governanza ekonomika tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew ser jiġi mistieden japprova r-rakkomandazzjoni fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu. Wara, il-Kunsill ser ikun jista' jipproċedi bl-adozzjoni formali tagħha.

Baġit tal-UE

Il-Kunsill approva l-linji gwida tiegħu għall-baġit annwali tal-UE għall-2027, li jagħtu direzzjoni politika lill-Kummissjoni meta tħejji l-abbozz ta' proposta għall-baġit tas-sena d-dieħla. Dan ser ikun iċ-ċiklu baġitarju annwali finali tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 tal-UE.

Fost kunsiderazzjonijiet oħra, il-linji gwida tal-Kunsill jinsistu li l-baġit għall-2027 għandu jkun realistiku, allinjat mal-ħtiġijiet reali, jiżgura bbaġitjar prudenti u jħalli biżżejjed marġini taħt il-limiti massimi tal-QFP biex jiġu ttrattati ċirkostanzi imprevisti u jiġu indirizzati l-isfidi tal-UE.

Il-Kunsill adotta wkoll rakkomandazzjoni dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2024, li għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Il-Kunsill adotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li japprovaw emendi mmirati ppreżentati mil-Litwanja għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-programm ta' appoġġ finanzjarju fuq skala kbira tal-UE b'rispons għall-isfidi għall-ekonomija Ewropea li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19. Din hija l-qofol ta' Next Generation EU, strument temporanju ta' rkupru li jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor fondi biex tgħin tirrimedja l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata kkawżata mill-pandemija.

Biex jibbenefikaw mill-faċilità, jeħtieġ li l-istati membri jippreżentaw pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) lill-Kummissjoni, li jistabbilixxu r-riformi u l-investimenti li biħsiebhom jimplimentaw sa tmiem Awwissu 2026.

Sal-lum ġew żborżati madwar €394 biljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Frar 2026