"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur
Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 13 u 14 ta' Marzu 2023
Riżultati ewlenin
Impjiegi u politika soċjali, 13 ta' Marzu
Sena mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna ġiegħlet lil miljuni ta' nies jaqsmu l-fruntieri Ewropej. Kważi 4 miljun Ukren irreġistraw għal protezzjoni temporanja fl-UE. Il-persuni rreġistrati taħt dan il-mekkaniżmu ta' protezzjoni temporanja għandhom aċċess awtomatiku għall-akkomodazzjoni, għall-assistenza soċjali u medika, għall-edukazzjoni għat-tfal kif ukoll aċċess għas-suq tax-xogħol.
Hekk kif il-gwerra dieħla fit-tieni sena tagħha, ħafna nies li qed ifittxu rifuġju fl-UE qed jippruvaw jibnu ħajja mill-ġdid fil-pajjiż ospitanti tagħhom u li jsibu xogħol huwa pass importanti lejn l-integrazzjoni. Iżda huwa wkoll wieħed mimli sfidi: minħabba ostakli lingwistiċi, rikonoxximent tal-ħiliet, aċċess insuffiċjenti għall-indukrar tat-tfal.
Il-ministri qasmu fehmiethom dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-UE, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-persuni spostati temporanjament mill-Ukrajna.
Ħafna ministri enfasizzaw li l-impatt fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kien pjuttost limitat u li, jekk xejn, min iħaddem qed ibati minħabba nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet. Fir-rigward tal-integrazzjoni tal-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra, ħafna ministri faħħru r-rieda tagħhom li jsibu impjieg iżda faħħru wkoll lin-negozji, lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini tal-UE għall-isforzi tagħhom biex jgħinu lill-Ukreni li issa qed jgħixu fl-UE.
Bi tweġiba għad-dijanjożi li ħafna Ukreni sabu xogħol taħt il-livell attwali tal-ħiliet tagħhom, ġiet enfasizzata l-importanza li jiġi indirizzat l-ostaklu lingwistiku u li jiżdied ir-rikonoxximent tal-kwalifiki. Il-politiki soċjali u l-benefiċċji soċjali tressqu bħala għodod meħtieġa biex itaffu l-impatt tal-gwerra fuq l-Ewropej – li ħafna minnhom huma affettwati mill-inflazzjoni u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija.
Il-poplu Ukren qed isofri ħafna mill-gwerra atroċi ta' aggressjoni Russa. L-UE, iċ-ċittadini u l-istati membri tagħha ħadu passi bla preċedent meta ġew biex jgħinu lill-Ukreni jsibu impjieg, ikollhom aċċess għall-indukrar tat-tfal u jirċievu assistenza soċjali.
Johan Pehrson, Ministru għall-Impjiegi u l-Integrazzjoni
Il-ministri qasmu fehmiethom dwar is-Semestru Ewropew 2023, u adottaw ukoll ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi u approvaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli u r-rapport konġunt dwar l-impjiegi tal-2023. Kemm l-istħarriġ dwar it-tkabbir kif ukoll ir-rapport dwar l-impjiegi huma parti mill-pakkett tal-ħarifa tas-Semestru Ewropew.
Il-ministri qasmu fehmiethom dwar deċiżjoni proposta tal-Kunsill li tawtorizza lill-istati membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. Il-konvenzjoni hija l-ewwel strument internazzjonali li jistabbilixxi standards speċifiċi u applikabbli globalment dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-fastidju relatati max-xogħol.
Affarijiet oħra
Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet u dwar l-abbozz ta' direttiva rigward il-valuri ta' limitu għaċ-ċomb u l-komposti inorganiċi tiegħu u d-diisoċjanati (li huma komposti organiċi).
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll rapport mill-grupp ta' livell għoli dwar il-futur tal-protezzjoni soċjali u tal-istat soċjali fl-UE.
Fuq l-aġenda kien hemm ukoll aġġornament mill-presidenza u l-Kummissjoni dwar is-Summit Soċjali Tripartitiku li jmiss (22 ta' Marzu 2023).
Il-konsulent Speċjali tal-Kummissjoni għall-Kummissarju Schmit dwar l-Ukrajna, Lodewijk Asscher, ippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jirriżultaw mill-missjoni tiegħu u l-presidenti tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) ippreżentaw il-Programmi ta' Ħidma tagħhom għall-2023.
Id-delegazzjoni Portugiża finalment infurmat dwar il-Forum Soċjali ppjanat ta' Porto, segwitu għas-Summit Soċjali ta' Porto ta' Mejju 2021.
Saħħa, 14 ta' Marzu
Strateġija tal-Unjoni Ewropea għas-saħħa globali
Il-ministri qasmu fehmiethom dwar l-istrateġija tal-UE għas-saħħa globali, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta' Novembru 2022. L-istrateġija tmexxi 'l-quddiem is-saħħa globali bħala pilastru essenzjali tal-politika esterna tal-UE u, bħala tali, tidentifikaha bħala qasam ġeopolitiku kritiku.
Ħafna ministri rrikonoxxew li l-istrateġija hija element importanti tar-rispons tal-UE għall-isfidi tas-saħħa globali attwali u futuri bħall-COVID-19, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-kriżi tas-saħħa u umanitarja kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna.
Għall-isfidi tas-saħħa, bħall-pandemiji, m'hemmx fruntieri. Inċidenza 'l bogħod mill-Ewropa tista' taffettwa s-saħħa taċ-ċittadini tagħna. Għalhekk huwa biss naturali li nagħmlu s-saħħa element ewlieni tal-politika barranija tal-UE. Sistemi tas-saħħa aktar b'saħħithom madwar id-dinja kollha huma ta' benefiċċju għalina lkoll, azzjonijiet rapidi kontra t-theddid għas-saħħa – kull fejn iseħħu – huma vitali f'dinja interdipendenti.
Acko Ankarberg Johansson, Ministru għall-Kura tas-Saħħa
Regolament dwar it-tariffi u l-imposti pagabbli lill-EMA
Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar abbozz ta' liġi, ippreżentat mill-Kummissjoni fit-13 ta' Diċembru 2022, dwar it-tariffi u l-imposti pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. L-għan tal-proposta huwa li jiġi żgurat li t-tariffi jirriflettu aħjar l-ispejjeż sottostanti tal-ħidma mwettqa mill-EMA u li l-baġit tal-EMA jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli.
Matul id-dibattitu, il-ministri laqgħu tajjeb il-proposta u enfasizzaw l-importanza tagħha biex jiġi żgurat finanzjament stabbli għall-EMA. Ħafna delegazzjonijiet enfasizzaw ukoll ir-rwol kritiku tal-korpi tal-istati membri fir-rigward tal-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-mediċini. Is-sistema tat-tariffi għandha għalhekk tirrifletti l-kompitu li dawn l-awtoritajiet għandhom fi ħdan in-network regolatorju Ewropew. L-istati membri appoġġaw l-aġġustament ta' ċerti tariffi fil-proposta u riedu wkoll li s-sistema li tistabbilixxi t-tariffi tqis l-iżvilupp attwali (pereżempju l-inflazzjoni). Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-ministri saħqu li l-bord tat-tmexxija tal-EMA u l-istati membri għandu jkollhom rwol akbar fl-aġġustamenti futuri tat-tariffi.
Il-Kummissjoni pprovdiet aġġornament dwar l-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar l-apparati mediċi u l-presidenza, flimkien mal-Kummissjoni, infurmat lid-delegazzjonijiet dwar in-negozjati għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Id-delegazzjoni Ċeka, appoġġata mid-delegazzjoni Awstrijaka, Ċiprijotta, Griega, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Portugiża, Slovena, Taljana u Ungeriża, enfasizzat in-nuqqasijiet ta' mediċini fis-suq tal-UE u d-delegazzjoni tan-Netherlands enfasizzaw l-importanza tal-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni ta' wara l-COVID-19 ("COVID fit-tul") u appellaw lill-istati membri biex jikkontribwixxu għal network ippjanat ta' għarfien espert tal-UE dwar wara l-COVID-19.
Il-Kunsill adotta mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.