"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 22 ta' Marzu 2021

Riżultati ewlenin

Ġimagħtejn wara li ġew adottati s-sanzjonijiet tal-UE b'rabta mal-każ Navalny, il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq ħdax-il individwu u erba' entitajiet responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, il-Korea ta' Fuq, il-Libja, is-Sudan t'Isfel, l-Eritrea u r-Russja.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Is-sanzjonijiet jolqtu ksur u abbużi serji ħafna tad-drittijiet tal-bniedem, indipendentement mill-post fejn qed jitwettqu. Il-miżuri restrittivi kollha tal-Unjoni Ewropea jikkonformaw mad-dritt internazzjonali u huma soġġetti għall-ogħla standards tal-istat tad-dritt.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jissanzjona ħdax-il individwu responsabbli għall-kolp ta' stat militari li twettaq fil-Myanmar/Burma fl-1 ta' Frar 2021, u r-repressjoni sussegwenti mill-militar u l-pulizija kontra d-dimostranti paċifiċi.

Turkija

Il-Kunsill ivvaluta r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija bil-ħsieb ta' rapport konġunt tar-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni mħejji qabel il-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew fil-25 u s-26 ta' Marzu.

Il-ministri ġeneralment ikkunsidraw ir-rapport bħala bażi tajba għad-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew.

Waqt li kien qed jiġbor id-diskussjoni fil-qosor, ir-Rappreżentant Għoli ssottolinja li mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2020 'l hawn, kien hemm sinjali pożittivi mit-tmexxija Torka. Għalkemm ittieħdu passi fid-direzzjoni tat-tnaqqis tat-tensjoni fil-Lvant tal-Mediterran, il-proċess baqa' fraġli u jeħtieġ li jiġu sostnuti l-isforzi ta' tnaqqis fit-tensjoni.

Il-ministri qablu li huwa importanti li jinżamm ir-ritmu f'din id-direzzjoni u li dan jiġi kkonsolidat, iżda wkoll li jinżammu l-għażliet kollha disponibbli f'każ li l-iżviluppi tal-każ jirrikjedu dan.

Viċinat tan-Nofsinhar

Il-Kunsill imbagħad kellu skambju ta' fehmiet dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar.

Id-dibattitu enfasizza l-ħtieġa għal sħubija aktar b'saħħitha, aktar mill-qrib u aktar effettiva, u li l-UE taħdem flimkien mas-sħab tagħha biex issolvi problemi komuni fosthom: il-COVID, il-konflitti, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-terroriżmu.

Il-ministri ffukaw b'mod partikolari fuq kif għandha tiġi implimentata l-komunikazzjoni konġunta dwar Sħubija Mġedda għall-Viċinat tan-Nofsinhar tad-9 ta' Frar 2021, u ssir operazzjonali. Fl-interventi tagħhom semmew diversi aspetti bħall-promozzjoni tar-riformi, il-ħidma mas-soċjetà ċivili, l-użu tal-potenzjal tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, fost affarijiet oħra.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar ser jiġu adottati fil-Kunsill Affarijiet Barranin li jmiss.

Vidjokonferenza mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet

Il-ministri kellhom l-opportunità ta' skambju ta' fehmiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u l-iżviluppi reċenti f'dan ir-rigward.

Il-vidjokonferenza niedet ukoll id-Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-Kummissarju Għoli, li hija inizjattiva ġdida stabbilita fl-istrateġija dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli.

Ġrajjiet Kurrenti

Il-Kunsill qies is-sitwazzjoni fil-Myanmar, li għadha sejra għall-agħar wara l-kolp ta' stat militari fl-1 ta' Frar 2021. Meta informa lill-ministri, ir-Rappreżentant Għoli Borrell saħaq li l-UE ser tkompli bl-isforzi diplomatiċi tagħha biex tgħin tikkalma s-sitwazzjoni, u taħdem biex jitreġġgħu lura d-demokrazija u l-gvern ċivili leġittimu.

Il-ministri mbagħad ġew aġġornati dwar il-Balkani tal-Punent u, b'mod partikolari, l-avvenimenti reċenti u fil-futur qrib bħall-Kunsilli ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u ż-żjara reċenti fir-reġjun mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħra tal-Balkani tal-Punent, Miroslav Lajčák.

Il-Kunsill kellu wkoll diskussjoni qasira dwar ir-Russja, li matulha l-ministri kkonfermaw li l-ħames prinċipji gwida baqgħu rilevanti ħafna, u li f'dawk il-prinċipji, l-UE ser topponi, tillimita, jew tiddjaloga mar-Russja, skont is-sitwazzjoni. Il-mexxejja tal-UE ser ikollhom diskussjoni dwar ir-relazzjoni mar-Russja fil-vidjokonferenza tagħhom fil-25 u s-26 ta' Marzu.

Ir-Rappreżentant Għoli informa lill-ministri dwar il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia li sar fis-16 ta' Marzu, u dwar l-isforzi ta' medjazzjoni tal-UE matul dawn l-aħħar ġimgħat biex tingħeleb il-kriżi politika fil-pajjiż. Ir-Rappreżentant Għoli tenna l-ħtieġa li l-mexxejja kollha tal-partiti politiċi tal-Georgia jpoġġu l-interessi tal-poplu Georgjan qabel kollox, jagħmlu l-kompromessi meħtieġa, u jdawru l-attenzjoni tagħhom fuq kwistjonijiet urġenti oħra bħall-pandemija tal-coronavirus, l-irkupru ekonomiku, u s-sigurtà nazzjonali tal-Georgia.

Il-Venezwela ġiet ukoll diskussa fid-dawl ta' avvenimenti reċenti bħat-tkeċċija mill-pajjiż tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Venezwela, u d-dikjarazzjoni tal-UE li l-ambaxxatur tal-Venezwela għall-UE hija persona non grata. Id-dibattitu enfasizza li l-istabbilizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni mill-ġdid tal-pajjiż huma possibbli, iżda dan jeħtieġ sforz konsistenti.

Fl-aħħar nett, ir-Rappreżentant Għoli informa lill-ministri dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja u r-rapporti ta' kuljum mill-pajjiż dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala massiva. L-UE ser tkompli żżid il-pressjoni biex ikun permess l-aċċess umanitarju, biex jitniedu investigazzjonijiet indipendenti dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiġu rtirati truppi tal-Eritrea. Ir-Rappreżentant Għoli saħaq li l-UE tinsab lesta li tattiva l-għodod kollha tal-politika barranija tagħha kontra dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li kien ta mandat lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Finlandiż Pekka Haavisto biex imur lura fir-reġjun għat-tieni missjoni.

Affarijiet oħra

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025