"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 21 ta' Frar 2022

Riżultati ewlenin

Is-sitwazzjoni tas-sigurtà Ewropea

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà Ewropea.

Il-Kunsill ikkundanna t-tisħiħ tal-forzi militari Russi madwar l-Ukrajna, iż-żieda fil-ksur tal-waqfien mill-ġlied u l-provokazzjonijiet mis-separatisti appoġġati mir-Russja fil-Lvant tal-Ukrajna. Huwa kkundanna wkoll azzjonijiet, avvenimenti orkestrati u manipulazzjonijiet ta' informazzjoni mmirati biex joħolqu skuża għal eskalazzjoni militari kontra l-Ukrajna.

Barra minn hekk, hija faħħret it-trażżin li wriet l-Ukrajna fil-konfront tal-intimidazzjoni u l-ksur tal-ftehimiet ta' Minsk u tad-dritt internazzjonali.

Matul id-diskussjoni tagħhom, il-ministri kellhom l-opportunità li jiskambjaw b'mod informali l-fehmiet tagħhom mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba. Il-ministri affermaw mill-ġdid l-unità u d-determinazzjoni tagħhom u s-solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Ir-Russja ħolqot l-akbar theddida għall-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn. Nappellaw lill-President Putin biex jirrispetta d-dritt internazzjonali u l-ftehimiet ta' Minsk. Huwa f'idejn it-tmexxija Russa li tiddeċiedi kif tixtieq tidher f'għajnejn il-komunità internazzjonali u l-istorja.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Kunsill iddeċieda dwar sensiela ta' miżuri biex tiġi appoġġata r-reżiljenza tal-Ukrajna. Huwa adotta deċiżjoni li tipprovdi €1.2 biljun f'assistenza makrofinanzjarja, u ddeċieda li jipprovdi appoġġ għall-edukazzjoni militari professjonali tal-Ukrajna fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi. L-UE ser iżżid ukoll l-appoġġ tagħha għall-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi u d-diżinformazzjoni billi tibgħat missjoni ta' esperti fil-pajjiż.

L-ambaxxati u l-missjonijiet diplomatiċi tal-UE, kif ukoll id-delegazzjoni tal-UE għall-Ukrajna, ser jibqgħu miftuħa u kompletament operattivi, b'eċċezzjonijiet limitati.

Ir-Rappreżentant Għoli wera wkoll b'mod ċar li kwalunkwe aggressjoni kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi serji għall-Belarussja f'każ li jitwettaq attakk mit-territorju tagħha jew bl-involviment tagħha.

Bożnija-Ħerzegovina

Il-Kunsill kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina u kif jistgħu jiġu ppreservati s-sovranità, l-integrità territorjali u l-unità tal-pajjiż.

Il-Kunsill ħeġġeġ lill-mexxejja politiċi tal-pajjiż biex jerfgħu r-responsabbiltà għall-preservazzjoni tal-Kostituzzjoni, jiżguraw ir-ritorn sħiħ tal-kompetenzi lill-istituzzjonijiet tal-istat u jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti kollha.

M'hemmx lok fl-Ewropa għal Bożnija-Ħerzegovina maqsuma u dawk li jaħdmu f'din id-direzzjoni qed jagħmlu żball kbir. Qed iċaħħdu lill-poplu tagħhom minn perspettiva u ħajja Ewropej prosperi. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri esprimew appoġġ sħiħ għar-Rappreżentant Speċjali tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina, Johann Sattler, l-Operazzjoni EUFOR ALTHEA, u r-Rappreżentant Għoli għall-Bożnija-Ħerzegovina, Christian Schmidt. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti qed jippruvaw jiffaċilitaw djalogu politiku sabiex jintlaħaq ftehim dwar riforma kostituzzjonali u elettorali, inkluż emenda kostituzzjonali limitata li tista' ttejjeb il-funzjonalità tal-federazzjoni.

L-UE tibqa' lesta li tuża l-istrumenti kollha disponibbli jekk is-sitwazzjoni tirrikjedi dan, inkluż assistenza finanzjarja tal-UE u miżuri restrittivi bħala l-aħħar soluzzjoni.

Id-djalogu jibqa' l-prijorità biex jiġu żgurati r-riformi meħtieġa qabel l-elezzjonijiet li ġejjin.

Ġrajjiet Kurrenti

Il-Kunsill ġie infurmat dwar is-sitwazzjoni fil-Mali u n-negozjati li għaddejjin fil-qafas tal-ftehim nukleari mal-Iran (il-PAKK).

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill approva wkoll konklużjonijiet dwar il-kunċett ta' Preżenzi Marittimi Koordinati.

Is-26 Kunsill Ministerjali Konġunt GCC-UE

Fil-marġini tal-KAB tal-UE, il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom mill-pajjiżi tal-Golf fis-26 kunsill konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

L-UE hija l-akbar investitur fil-Golf, u t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali mar-reġjun. Il-ministri qablu li wasal iż-żmien li jimpenjaw ruħhom li jaħdmu aktar mill-qrib fuq it-tranżizzjoni ekoloġika, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja. Kien hemm ukoll diskussjoni dwar il-Jemen.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025