"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Barranin (Difiża), 14 ta' Novembru 2023
Riżultati prinċipali
Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna
Il-Kunsill Affarijiet Barranin fil-konfigurazzjoni tad-difiża tiegħu ddiskuta l-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna, wara messaġġ qasir bil-vidjo mill-Ministru għad-Difiża tal-Ukrajna, Rustem Umierov.
Ir-Rappreżentant Għoli ssottolinja l-ħtieġa li jintlaħaq qbil b'mod urġenti dwar aktar appoġġ militari lill-Ukrajna, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati tagħha fir-rigward tad-difiża tal-ajru, it-taħriġ, il-munizzjon u t-tagħmir għax-xitwa, u b'hekk tkun tista' tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni Russa.
Id-diskussjoni ministerjali mbagħad iffukat fuq impenji ta' sigurtà aktar fit-tul, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru, li stiednu lir-Rappreżentant Għoli, abbażi ta' qafas li għandu jiġi approvat mill-Kunsill, jikkonsulta mal-Ukrajna, u jirrapporta lura lill-Kunsill Ewropew f'Diċembru.
Il-ministri kellhom diskussjoni dwar il-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), li diġà laħqet l-objettiv tagħha li tħarreġ 30 000 suldat Ukren, u issa għandha l-għan li tħarreġ 10 000 oħra, u evalwaw l-isforzi tal-UE biex twassal munizzjon lill-Ukrajna, fil-qafas tal-inizjattiva ta' Marzu 2023.
F'dan il-kuntest, ir-Rappreżentant Għoli kkonferma li l-implimentazzjoni kienet għaddejja u li l-istati membri kienu impenjati u magħqudin fl-appoġġ lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ.
L-objettiv ta' miljun rawnd ta' munizzjon jibqa' l-għan politiku, li stabbilejna flimkien mal-istati membri. Huwa ambizzjuż, iżda jibqa' l-għan tagħna u nkomplu nistinkaw għalih, billi kuljum nagħmlu dak kollu possibbli sabiex inwasslu aktar munizzjon malajr.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza li l-Industrija Ewropea tad-Difiża għandha l-kapaċità li twassal munizzjon għall-Ukrajna, iżda teħtieġ prevedibbiltà. Għal din ir-raġuni, l-UE qablet dwar u nediet l-Att b'Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP) u l-Kummissjoni Ewropea ser tippreżenta strateġija industrijali tad-difiża Ewropea fil-bidu tal-2024.
Ġrajjiet kurrenti
Taħt ġrajjiet kurrenti, il-Ministri għad-Difiża tal-UE ddiskutew il-progress dwar il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE (RDC), riżultat ewlieni tal-Boxxla Strateġika li ser jippermetti lill-UE tiskjera sa 5 000 truppa biex tirrispondi għal theddid imminenti u tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet ta' kriżi. L-RDC għandha ssir kompletament operattiva fl-2025 u, fid-dawl ta' dik l-iskadenza, ir-Rappreżentant Għoli ħeġġeġ lill-istati membri biex jikkontribwixxu b'aktar forzi u kapaċitajiet u jlaħħqu mal-iskeda ta' żmien maqbula.
Ir-Rappreżentant Għoli mbagħad aġġorna lill-Kunsill dwar il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-UE, u l-impatt fuqhom ta' ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel. Id-dibattitu ffoka, fost l-oħrajn, fuq is-Saħel, fejn l-UE ser tappoġġa l-istati kostali tal-Golf tal-Guinea fir-rispons tagħhom għall-ġlieda kontra t-tixrid tat-theddida terroristika, u l-operazzjoni militari tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina, fejn il-mandat tal-EUFOR ALTHEA ġie estiż għal sena oħra.
Konklużjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet oħra
Fit-13 ta' Novembru, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-istrateġija spazjali tal-UE għas-sigurtà u d-difiża.
Fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll rakkomandazzjoni li tivvaluta l-progress li sar mill-istati membri parteċipanti biex jissodisfaw l-impenji vinkolanti fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO).
Kolazzjon ta' ħidma informali mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg
Il-Ministri għad-Difiża tal-UE kellhom kolazzjon ta' ħidma informali mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, u ddiskutew ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika u l-kapaċità tal-UE u n-NATO li jirrispondu għal dan it-theddid ġdid, fl-isfond ta' diversi inċidenti reċenti ta' sigurtà fil-Baħar Baltiku.
Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
Il-Ministri għad-Difiża tal-UE ltaqgħu fil-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) taħt il-presidenza tar-Rappreżentant Għoli Borrell fil-kapaċità tiegħu bħala Kap tal-Aġenzija eżatt qabel il-laqgħa tal-KAB Difiża.
Il-Bord ta' Tmexxija approva l-Prijoritajiet tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE għall-2023. Id-dokument iservi bħala linja bażi għall-ippjanar tad-difiża fl-UE kollha, u l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mad-difiża. It-22 prijorità jirriflettu r-realtajiet militari osservati fl-Ukrajna, jappoġġaw l-objettivi tad-difiża tal-UE, u huma mfassla biex iwasslu għal proġetti konkreti.
Il-Ministri għad-Difiża tal-UE approvaw ukoll dikjarazzjoni konġunta dwar it-tisħiħ tal-aċċess tal-EDTIB għall-finanzjament u l-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għall-paċi, l-istabbiltà u s-sostenibbiltà fl-Ewropa. Id-dikjarazzjoni tenfasizza l-importanza li jissaħħaħ l-aċċess tal-EDTIB kemm għall-finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat, meqjusa bħala kritiċi għas-sostenn tal-operazzjonijiet industrijali, it-trawwim tal-innovazzjoni, u t-tisħiħ tal-kompetittività.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.