"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 13 ta' Novembru 2023

Riżultati prinċipali

Is-sitwazzjoni f'Iżrael, l-Istrixxa ta' Gaża u r-reġjun

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni f'Iżrael, l-Istrixxa ta' Gaża u r-reġjun, abbażi tad-dikjarazzjoni maqbula unanimament mill-Kunsill il-ġurnata ta' qabel, fejn appella – fost affarijiet oħra – għal pawżi umanitarji immedjati fl-ostilitajiet f'Gaża u t-twaqqif ta' kurituri umanitarji.

Il-ministri ffukaw b'mod partikolari fuq is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża, u ġew infurmati mill-Kummissarju Lenarčič dwar il-kwistjoni. Il-Kunsill saħaq li l-ftuħ tal-punt ta' qsim ta' Rafah kien żvilupp pożittiv iżda mhux biżżejjed biex itaffi s-sitwazzjoni umanitarja.

Il-ministri saħqu fuq il-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità ta' tranżitu jew permezz tal-ftuħ ta' aktar punti ta' qsim tal-art, jew permezz tal-ħolqien ta' rotta marittima ddedikata, u għal darb'oħra talbu għar-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha, u l-aċċess għalihom mis-Salib l-Aħmar.

Il-Kunsill imbagħad iddiskuta l-ħtieġa li tiġi evitata eskalazzjoni u tixrid fir-reġjun. Għal dan l-għan, l-UE qed tagħmel kuntatt mal-atturi reġjonali rilevanti kollha, b'attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni rigward il-Hezbollah fil-fruntiera tat-Tramuntana Iżraeljana mal-Libanu.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill iffoka fuq il-ħtieġa li ssir ħidma fuq soluzzjoni aktar fit-tul, xenarju ta' wara l-konflitt li jista' jiggarantixxi l-istabbiltà u paċi sostenibbli għall-Palestina, Iżrael, u r-reġjun usa'.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Din il-kriżi drammatika li qed ngħixu fiha għandha prezz inkredibbilment għoli mil-lat ta' ħajjiet - ħajjiet Iżraeljani u Palestinjani - u turi li hemm falliment politiku u morali tal-komunità internazzjonali. Ma rnexxilniex insibu soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni. U din issa trid tkun okkażjoni li ġġiegħel lin-nies jirrealizzaw li soluzzjoni hija assolutament indispensabbli u għandu jkun hemm futur ibbażati fuq żewġ stati. Mhijiex biss dwar ir-rikostruzzjoni ta' Gaża. Għamilna dan diversi drabi qabel. Irridu nibnu stat għall-Palestinjani.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Ir-Rappreżentant Għoli ppropona lill-ministri sett ta' kundizzjonijiet biex issir ħidma lejn soluzzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u l-istati Għarab.

Ma jistax ikollna spostament furzat barra minn Gaża tal-popolazzjoni Palestinjana. Ma jistax ikollna tkeċċija ta' Palestinjani li jittamaw li jkunu ospitati xi mkien ieħor. [...] L-ebda bidla jew tnaqqis territorjali tat-territorju ta' Gaża. Le għar-riokkupazzjoni mill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani f'sitwazzjoni permanenti. Le ukoll għar-ritorn tal-Ħamas lejn Gaża. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

B'ħarsa 'l quddiem, ir-Rappreżentant Għoli ssottolinja li s-sitwazzjoni f'Gaża ma tistax tinfired mill-kwistjoni ġenerali Palestinjana, iżda għandha tkun parti mis-soluzzjoni komprensiva u sostenibbli. Id-diversi atturi għandhom jimpenjaw ruħhom biex isibu soluzzjonijiet madwar Awtorità Palestinjana f'Gaża, li t-termini ta' referenza u l-leġittimità tagħha għandhom jitfasslu u jiġu deċiżi bir-reqqa mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza wkoll l-importanza ta' involviment aktar b'saħħtu tal-pajjiżi Għarab kif ukoll involviment akbar tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun.

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE ddiskutew l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, indirizza lill-ministri tal-UE permezz ta' vidjokonferenza, u infurmahom dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet militari tal-Ukrajna.

Il-Kunsill tenna l-impenn sod tiegħu li jappoġġa lill-Ukrajna u jgħinha tiddefendi lilha nnifisha kontra l-gwerra ta' Putin. Il-ministri ddiskutew aktar l-appoġġ militari tal-UE u l-impenji futuri għas-sigurtà, wara li ġew inkarigati mill-mexxejja Ewropej f'Ottubru 2023.

Ir-Rappreżentant Għoli kkonferma li l-ewwel prijorità hija li jiġi żgurat appoġġ militari addizzjonali permezz tal-pakkett iddedikat propost tal-EPF – il-Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna mill-2024.

Barra minn hekk, l-UE ser tkompli tħarreġ lis-suldati Ukreni permezz tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE fl-Ukrajna, li diġà ħarrġet aktar minn 30 000 suldat f'inqas minn sena, u ser tħarreġ 10 000 aktar fil-perjodu li ġej.

Fl-aħħar nett, l-UE ser tinsisti fuq prijorità ewlenija oħra, il-Formula ta' Paċi Ukrena, li hija kkunsidrata mill-Kunsill bħala l-unika proposta għal paċi ġusta u sostenibbli li għandha tiġi diskussa fil-livell internazzjonali.

Armenja/Ażerbajġan

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar l-Armenja/l-Ażerbajġan, fid-dawl tal-operazzjoni militari tal-Ażerbajġan f'Nagorno-Karabakh fid-19 u l-20 ta' Settembru 2023, l-ispostament tal-massa sussegwenti ta' aktar minn 100 000 Armen ta' Karabakh u l-isforzi li għaddejjin biex jiġu normalizzati r-relazzjonijiet.

Il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2023 iddiskuta kif tista' tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni tal-UE mal-Armenja u jiġu appoġġati l-awtoritajiet eletti demokratikament tagħha, ir-reżiljenza tagħha, is-sigurtà tagħha u l-kontinwazzjoni tar-riformi fil-pajjiż.

Filwaqt li jibni fuq dan, il-Kunsill qabel li jesplora l-possibbiltà li jipprovdi appoġġ mhux letali lill-Armenja taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u jsaħħaħ il-Missjoni tal-UE fl-Armenja, biex jippermetti aktar osservaturi u aktar rondi, inkluż f'oqsma sensittivi. Il-ministri semmew ukoll l-għażla li tkun permessa l-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Armenja.

Irridu nkunu viġilanti ħafna għal kwalunkwe tentattiv ta' destabbilizzazzjoni tal-Armenja, internament u esternament. Il-messaġġ tagħna lill-Ażerbajġan huwa ċar: kwalunkwe ksur tal-integrità territorjali tal-Armenja huwa inaċċettabbli u ser ikollu konsegwenzi serji għall-kwalità tar-relazzjonijiet tagħna. Nappellaw għall-issoktar tan-negozjati bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan abbażi tal-ħidma li saret mill-President tal-Kunsill Ewropew. Neħtieġu li t-trattat ta' paċi jiġi konkluż, u impenjati li nkomplu bir-rwol tagħna ta' medjazzjoni. Iddeċidejna li nistiednu lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Armen biex jingħaqad magħna fil-marġini ta' wieħed mill-Kunsill Affarijiet Barranin li jmiss. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Deċiżjonijiet oħra

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.


 

Diplomazija dwar il-klima

Il-President nominat għall-COP28, Sultan Al Jaber, ingħaqad mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE għal skambju dwar id-diplomazija dwar il-klima. Id-diskussjoni kkonfermat id-determinazzjoni tal-UE li tiżgura li minkejja t-taqlib ġeopolitiku attwali, il-Konferenza tan-NU dwar il-Klima tibqa' ffukata fuq il-ġlieda eżistenzjali kontra t-tisħin globali u t-tibdil fil-klima b'deċiżjonijiet u impenji ambizzjużi.

Laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent

Wara tmiem il-Kunsill Affarijiet Barranin formali, il-ministri tal-UE pparteċipaw fil-laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent flimkien mas-sitt ministri għall-Affarijiet Barranin tas-sħab tal-Balkani tal-Punent: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja.

L-għan tal-laqgħa ministerjali kien li tkompli tintensifika l-ħidma tal-UE mal-Balkani tal-Punent, b'enfasi fuq l-isfidi komuni tas-sigurtà, bħall-interferenza barranija u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, it-theddid ċibernetiku u r-riperkussjonijiet tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll il-kooperazzjoni f'fora internazzjonali.


* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025