Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 25 ta' Ottubru 2022

Riżultati ewlenin

Id-direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Il-ministri għall-enerġija tal-UE adottaw approċċ ġenerali dwar proposta li tistabbilixxi rekwiżiti ġodda għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (EPBD). L-objettivi ewlenin tad-direttiva riveduta huma li l-bini l-ġdid kollu għandu jkun bini b'emissjonijiet żero sal-2030, u li l-bini eżistenti għandu jiġi ttrasformat f'bini b'emissjonijiet żero sal-2050.

Jozef Síkela, ministru Ċek għall-industrija u l-kummerċ
Is-settur tal-bini huwa kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 u l-2050. Iżda aktar minn hekk, il-qbil li ntlaħaq illum ser jgħin liċ-ċittadini jiffrankaw l-enerġija b'mod sostanzjali. Bini aħjar u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija ser itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini filwaqt li jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija tagħhom u jtaffi l-faqar enerġetiku.
Jozef Síkela, ministru Ċek għall-industrija u l-kummerċ
Jozef Síkela, ministru Ċek għall-industrija u l-kummerċ

Ir-reviżjoni tal-EPBD tagħmel parti mill-pakkett ta' miżuri "Lesti għall-mira ta' 55%" li għandu l-għan li jġib il-leġiżlazzjoni tal-UE f'konformità mal-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 u l-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Il-proposta hija partikolarment importanti minħabba li, fil-livell tal-Unjoni, il-bini jirrappreżenta 40% tal-enerġija kkonsmata u 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra diretti u indiretti relatati mal-enerġija.

L-infografika tispjega r-regoli ġodda proposti biex jittejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' bini ġdid u eżistenti fl-UE sal-2030 u lil hinn.
"Lesti għall-mira ta' 55%": nagħmlu l-bini fl-UE aktar ekoloġiku (Infografika)

"Lesti għall-mira ta' 55%": nagħmlu l-bini fl-UE aktar ekoloġiku (Infografika)

Pakkett tal-gass

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-pakkett tal-gass li jinkludi proposta għal direttiva u proposta għal regolament dwar ir-regoli komuni tas-suq intern għall-gassijiet rinnovabbli u naturali u għall-idroġenu.

L-għan tad-diskussjoni kien li tiġi pprovduta aktar gwida politika għall-ħidma tal-Kunsill dwar l-aktar suġġetti urġenti, bħall-iżvilupp tas-swieq tal-idroġenu, it-tariffi transkonfinali u l-iskontijiet tariffarji, u t-taħlit. Il-ministri ddiskutew diversi mudelli ta' separazzjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' suq intern effiċjenti f'gassijiet rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u fl-idroġenu, b'mod partikolari l-qafas regolatorju futur għall-idroġenu u l-introduzzjoni gradwali tiegħu. Il-ministri appoġġaw b'mod ġenerali s-separazzjoni u perjodu ta' żmien flessibbli għall-implimentazzjoni tas-swieq tal-idroġenu. Ħafna appoġġaw ir-replikazzjoni tal-mudell ITO mis-swieq tal-gass għas-suq tal-idroġenu. Ser tkun meħtieġa aktar ħidma fil-livell tat-tariffi transkonfinali għan-networks tal-idroġenu u l-għażliet biex issir distinzjoni bejn l-iskontijiet tariffarji bejn il-gassijiet rinnovabbli u dawk b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Xi ministri appoġġaw il-kunsiderazzjoni tal-idroġenu b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-ilħuq tal-għanijiet tagħna.

Fir-rigward tal-livell obbligatorju ta' taħlit tal-idroġenu fis-sistema tal-gass naturali, il-ministri jippreferu jżommuh għall-ftehimiet bilaterali. Il-ministri ddiskutew ukoll jekk il-livell massimu obbligatorju ta' taħlit għandux jitnaqqas jew isir volontarju. Huma kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar jekk għandhiex tiġi posposta l-implimentazzjoni tal-livell massimu ta' taħlit.

Il-pakkett tal-gass huwa parti mill-pakkett ta' miżuri ''Lesti għall-mira ta' 55%'' li għandhom l-għan li jpoġġu lill-UE fit-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050. Għall-kuntrarju tar-regolamenti ta' emerġenza dwar l-enerġija adottati reċentement, li fihom miżuri fuq żmien qasir, din il-proposta tiffoka fuq soluzzjonijiet fuq żmien medju sa twil.

Miżuri ta' emerġenza

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-ministri l-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill dwar "It-tisħiħ tas-solidarjetà permezz ta' koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, l-iskambji transkonfinali tal-gass u parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet", adottata fit-18 ta' Ottubru 2022.

Il-ministri mbagħad kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-proposta, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta' Ottubru 2022, u dokument informali maħruġ mill-Kummissjoni dwar għażliet ta' politika biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet tal-gass naturali fuq il-kontijiet tal-elettriku sabiex tingħata gwida politika għall-ħidma tal-Kunsill. Il-ministri b'mod ġenerali laqgħu tajjeb il-prinċipji ewlenin tal-proposta u enfasizzaw il-ħtieġa ta' sforzi rapidi u kkoordinati fil-livell Ewropew fi spirtu ta' solidarjetà. Il-ministri qablu li kwalunkwe miżura meħuda trid tikkontribwixxi biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, twassal għal prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi għall-unitajiet domestiċi u n-negozji madwar l-UE, filwaqt li tinkoraġġixxi t-tnaqqis fid-domanda u tippreserva l-integrità tas-suq uniku u taħdem lejn l-għan tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050.

Punti oħra fuq l-aġenda

Taħt affarijiet oħra, il-Litwanja qasmet informazzjoni dwar l-importanza li tiġi żgurata s-sikurezza nukleari fl-impjant tal-enerġija nukleari Ostrovets tal-Belarussja f'konformità mal-livelli ta' sikurezza rikonoxxuti tal-UE.

Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-enerġija fl-Ukrajna u fil-Moldova wara l-attakki distruttivi reċenti mir-Russja. Il-ministri esprimew it-tħassib tagħhom fid-dawl tas-sitwazzjoni, tennew l-appoġġ tagħhom lill-Ukrajna u kkonfermaw l-impenn tagħhom, speċjalment fil-kriżi attwali tal-enerġija, li jsaħħu l-kooperazzjoni li għaddejja dwar l-enerġija mal-Ukrajna u l-Moldova.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025