- Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 2 ta' Ġunju 2023
Riżultati ewlenin
Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits
Il-Kunsill ħa nota ta' rapport ta' progress dwar il-proposta għal regolament dwar miżuri biex jonqos il-kost tal-introduzzjoni tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-gigabits (l-att dwar l-Infrastruttura tal-gigabits).
Dan ir-regolament għandu l-għan li jissostitwixxi d-direttiva dwar it-tnaqqis fl-ispiża tal-broadband (BCRD) adottata fl-2014. Il-proposta hija bbażata fuq l-esperjenza li ttieħdet mill-applikazzjoni tal-BCRD u l-għan ewlieni tagħha huwa li ttejjeb il-kondizzjonijiet għall-introduzzjoni ta' networks b'kapaċità għolja ħafna fl-Ewropa. Il-proposta għandha wkoll l-għan li tnaqqas l-ispejjeż tal-introduzzjoni ta' networks tal-komunikazzjoni elettronika, li tqassar iż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-liċenzji meħtieġa mill-awtoritajiet tal-istati membri u li tinkiseb armonizzazzjoni minima rigward il-proċessi għall-ħruġ tal-permessi fl-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-proposta tindirizza l-aċċess għall-infrastruttura ġol-bini u l-introduzzjoni tagħha, u għandha l-għan li tiffaċilita l-applikazzjonijiet transfruntiera.
Eżami dettaljat tal-proposta fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar it-telekomunikazzjoni u s-soċjetà tal-informazzjoni identifika xi oqsma li jeħtieġu attenzjoni partikolari qabel ma jintlaħaq qbil fil-Kunsill, bħas-sistema ta' approvazzjoni "taċita" tal-permessi, id-divulgazzjoni ta' xogħlijiet fuq infrastruttura kritika, il-forma legali tal-proposta, il-gwidi u s-setgħat ta' implimentazzjoni, il-punti uniċi ta' informazzjoni (SIPs) u n-newtralità teknoloġika. Il-presidenza Żvediża ser tiżgura trasferiment bla xkiel lill-presidenza Spanjola li jmiss.
Att dwar Ewropa Interoperabbli
Il-Kunsill ħa nota ta' rapport ta' progress dwar il-proposta għal regolament li jistipula miżuri għal livell għoli ta' interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (att dwar Ewropa interoperabbli).
Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġdid li jippermetti li l-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-UE jikkooperaw b'mod aktar effettiv u jiżguraw l-għoti bla xkiel tas-servizzi pubbliċi minn fuq il-fruntieri, u b'hekk jiffrankaw il-ħin u l-kostijiet għaċ-ċittadini u n-negozji.
Il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar it-telekomunikazzjoni u s-soċjetà tal-informazzjoni eżamina din il-proposta. Abbażi tal-kummenti tal-istati membri, il-presidenza Żvediża abbozzat żewġ testi ta' kompromess b'xi bidliet għall-proposta tal-Kummissjoni marbuta:
- mal-kamp ta' applikazzjoni u l-proporzjonalità tar-regolament
- mal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà, u
- mal-allinjament mal-att dwar l-intelliġenza artifiċjali (AIA) u r-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR)
Minħabba li hemm bżonn ta' aktar diskussjoni u analiżi dwar dan il-fajl, il-presidenza biħsiebha tkompli l-ħidma fuq il-proposta matul il-mandat tagħha bi tħejjija għal trasferiment bla xkiel lill-presidenza Spanjola li jmiss.
Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika
Il-Kunsill ħa nota ta' rapport ta' progress dwar il-proposta għal regolament dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b'elementi diġitali (att dwar ir-reżiljenza ċibernetika).
Il-proposta għandha l-għan li telimina l-lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar iċ-ċibersigurtà billi tiżgura li
prodotti b'elementi diġitali, bħall-prodotti tal-Internet tal-Oġġetti (IoT), inkluż kameras tad-djar konnessi, friġġijiet, settijiet tat-televiżjoni, ġugarelli u software mhux inkorporat isiru siguri tul il-katina tal-provvista kollha u tul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tagħhom.
Eżami dettaljat ta' din il-proposta fil-Grupp ta' Ħidma Orizzontali tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet ta' Ċiberspazju (HWPCI) għamilha possibbli li jsir progress sinifikanti f'dawn l-aħħar xhur, iżda wera wkoll li hija meħtieġa aktar diskussjoni dwar ċerti punti, bħall-klassifikazzjoni ta' prodotti b'elementi diġitali fir-rigward tas-sensittività tagħhom u l-obbligi ta' rapportar għall-manifatturi.
Il-presidenza Żvediża biħsiebha tkompli l-ħidma fil-ġimgħat li ġejjin bl-għan li jsir aktar progress fuq dan il-fajl importanti.
Il-futur tas-settur tal-konnettività
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-futur tas-settur tal-konnettività.
Infrastruttura tal-konnettività sostenibbli u li tiffunzjona sew hija essenzjali sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE fit-tul, u l-Kummissjoni reċentement kellha konsultazzjoni esploratorja dwar il-futur tas-settur tal-konnettività. Fil-kuntest ta' żviluppi tekniċi u tas-suq sinifikanti, il-mistoqsijiet dwar it-tkomplija tal-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-konnettività qajmu dibattitu dwar il-ħtieġa għal investimenti u l-kondizzjonijiet regolatorji attwali għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika.
F'dan l-isfond, il-ministri rriflettew dwar dan is-suġġett importanti u indikaw il-ħtieġa għal analiżi bir-reqqa u valutazzjoni tal-impatt. Il-ministri qasmu wkoll ħsibijiethom dwar sfidi u żviluppi oħra li qed jiffaċċa s-settur tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu jeħtieġu attenzjoni fit-triq lejn it-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030 u lil hinn minnha.
Affarijiet oħra
Il-presidenza rrapportat dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi attwali, jiġifieri:
- ir-regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika
- l-att dwar id-data
- ir-regolament dwar il-privatezza elettronika
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-inizjattivi internazzjonali fil-qasam diġitali, b'enfasi fuq il-kunsilli tal-kummerċ u t-teknoloġija u s-sħubijiet diġitali, kif ukoll fuq is-sigurtà tal-5G u infrastrutturi oħra tal-konnettività.
Rigward l-intelliġenza artifiċjali (IA), il-presidenza infurmat lill-Kunsill dwar il-konferenza dwar l-intelliġenza artifiċjali sostenibbli u l-intelliġenza artifiċjali għas-sostenibbiltà ("Sustainable AI and AI for sustainability") li saret f'Gothenburg fit-2-3 ta' Mejju 2023 u, fuq l-inizjattiva tad-delegazzjoni Daniża, il-ministri skambjaw fehmiet dwar prattiki u inizjattivi li jindirizzaw l-użu tal-IA, barra mill-proċess leġiżlattiv fl-UE.
Id-delegazzjonijiet tal-Litwanja, il-Polonja u l-Portugall infurmaw lill-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni fl-UE u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) u l-UE.
Id-delegazzjoni Pollakka infurmat lill-Kunsill dwar it-titjib tal-indiċi tal-ekonomija u s-soċjetà diġitali (DESI).
Fl-aħħar nett, il-presidenza Spanjola ppreżentat il-prijoritajiet u l-programm ta' ħidma tagħha għat-tieni nofs tal-2023.
Ikla ta' ħidma informali
Waqt ikla ta' ħidma informali, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet komprensiv dwar is-suġġett ta' Ewropa kompetittiva u diġitali lil hinn mill-2030. Il-ministri rriflettew dwar x'jistgħu jkunu xi modi possibbli biex jiġi żgurat approċċ għar-regolamentazzjoni li jkun favur l-innovazzjoni fil-qasam diġitali, u esploraw xi miżuri possibbli biex jiġi żgurat qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir għat-trasformazzjoni diġitali tal-UE mingħajr ma jwasslu għal piż amministrattiv addizzjonali għan-negozji fl-Ewropa.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Dokumenti ta' eżitu
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #TTE
Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025