Skip to content

Kronoloġija - Pakkett dwar is-Servizzi Diġitali

  • 2022

    • 19 ta' Ottubru

      Il-Kunsill u l-Parlament jiffirmaw l-Att dwar is-Servizzi Diġitali

      Mikuláš Bek, il-Ministru għall-Affarijiet tal-UE taċ-Ċekja, u Roberta Metsola, il-president tal-Parlament Ewropew, iffirmaw l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA).

      Id-DSA għandu l-għan li jipproteġi l-ispazju diġitali mit-tixrid ta' kontenut illegali, u li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-utenti. Isegwi l-prinċipju li dak li huwa illegali offline jrid ukoll ikun illegali online u ser japplika għall-intermedjarji online kollha li jipprovdu servizzi fl-UE.

      Mikuláš Bek u Roberta Metsola jiffirmaw l-Att dwar is-Servizzi Diġitali
    • 4 ta' Ottubru

      DSA: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti online

      Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Bħala primat fid-dinja fil-qasam tar-regolamentazzjoni diġitali, id-DSA huwa mistenni joħloq ambjent online aktar sikur. L-ebda att leġiżlattiv ieħor m'għandu dan il-livell ta' ambizzjoni fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-pjattaformi u s-superviżjoni online filwaqt li jippreserva l-prinċipji ewlenin tas-suq intern.

      Id-DSA jipproteġi l-ispazju diġitali kontra d-disseminazzjoni ta' kontenut illegali u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-utenti. Jiddefinixxi responsabbiltajiet u obbligi ċari għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, bħall-media soċjali, is-swieq online, il-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix.

    • 14 ta' Settembru

      Il-Kunsill u l-Parlament jiffirmaw l-Att dwar is-Swieq Diġitali

      Mikuláš Bek, il-ministru Ċek għall-affarijiet tal-UE, u Roberta Metsola, il-president tal-Parlament Ewropew, iffirmaw l-Att dwar is-Swieq Diġitali.

      Il-proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali għandha l-għan li tiżgura settur diġitali kompetittiv u ġust bil-ħsieb li jiġu promossi l-innovazzjoni, prodotti u servizzi diġitali ta' kwalità għolja, prezzijiet ġusti, u kwalità għolja u għażla fis-settur diġitali.

      Il-proposta hija mmirata lejn pjattaformi online kbar, l-hekk imsejħa "gwardjani", li jikkontrollaw is-servizzi tal-pjattaformi ewlenin bħal swieq, app stores, magni tat-tiftix online, networking soċjali u aktar.

      Mikuláš Bek u Roberta Metsola jiffirmaw.
    • 18 ta' Lulju

      DMA: il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal regoli ġodda għal kompetizzjoni ġusta online

      Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali tiegħu dwar regoli ġodda għal settur diġitali ġust u kompetittiv permezz tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA).

      Id-DMA joħloq kondizzjonijiet ekwi diġitali bi drittijiet u regoli ċari għall-pjattaformi online kbar ("gwardjani") biex jiżgura li ħadd minnhom ma jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu. Ir-regolamentazzjoni tas-suq diġitali fil-livell tal-UE ser tiżgura settur diġitali ġust u kompetittiv, li jippermetti li l-kumpaniji u l-konsumaturi kollha kemm huma jibbenefikaw minn opportunitajiet diġitali.

    • 23 ta' April

      Att dwar is-Servizzi Diġitali: Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jilħqu ftehim proviżorju dwar spazju online aktar sikur

      Il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku proviżorju dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Id-DSA għandu l-għan li jħalli l-ispazju diġitali sikur minn oġġetti, kontenut u servizzi illegali, u li jipproteġi d-drittijiet fundamentali online.

      Id-DSA japplika għan-negozji online li jipprovdu servizzi fl-UE minn kull parti tad-dinja. Ir-regoli jvarjaw skont l-impatt soċjetali, is-servizz u d-daqs tal-intermedjarju kkonċernat.

    • 24 ta' Marzu

      Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA): qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew

      Il-Kunsill u l-Parlament illum laħqu qbil politiku proviżorju dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA), li għandu l-għan li jagħmel is-settur diġitali aktar ġust u kompetittiv.

      Id-DMA jiddefinixxi regoli ċari għall-pjattaformi online il-kbar. Għandu l-għan li jiżgura li ebda pjattaforma online kbira li tkun f'pożizzjoni ta' "gwardjan" fil-konfront ta' għadd kbir ta' utenti ma tabbuża mill-pożizzjoni tagħha għad-detriment tal-kumpaniji li jixtiequ jilħqu lil dawn l-utenti.

  • 2021

    • 25 ta' Novembru

      Il-Kunsill japprova l-pożizzjoni rigward l-Att dwar is-Servizzi Diġitali

      Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, fajl diġitali ewlieni mmirat li joħloq spazju diġitali sikur u miftuħ għaċ-ċittadini tal-UE billi jindirizza sfidi bħat-tixrid ta' oġġetti ffalsifikati, it-theddid ċibernetiku u d-diżinformazzjoni.

      L-għan ewlieni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali propost huwa li l-utenti tal-internet jinżammu sikuri minn oġġetti, kontenut jew servizzi illegali, u li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tagħhom online. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu l-għan li jespandi u jiċċara sett komuni ta' responsabbiltajiet għan-negozji online li jipprovdu servizzi fl-UE, skont il-prinċipju li dak li huwa illegali offline għandu jkun ukoll illegali online

      Spazji individwali li juru l-istati membri differenti tal-UE u d-data tal-kummerċ elettroniku tagħhom
      Att dwar is-Servizzi Diġitali (Infografika)

      Att dwar is-Servizzi Diġitali (Infografika)

    • 25 ta' Novembru

      Il-Kunsill japprova l-pożizzjoni rigward l-Att dwar is-Swieq Diġitali

      Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għall-Att dwar is-Swieq Diġitali, fajl ewlieni li għandu l-għan li jirregola t-teknoloġija kbira u joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji tal-UE.

      Il-proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali għandha l-għan li tiżgura settur diġitali kompetittiv u ġust bil-ħsieb li jiġu promossi l-innovazzjoni, prodotti u servizzi diġitali ta' kwalità għolja, prezzijiet ġusti, u kwalità għolja u għażla fis-settur diġitali. Il-proposta hija mmirata lejn pjattaformi online kbar, l-hekk imsejħa "gwardjani", li jikkontrollaw is-servizzi tal-pjattaformi ewlenin bħal swieq, app stores, magni tat-tiftix online, networking soċjali u aktar.

      Att tal-UE fuq sfond b'tikek sofor u blu, li jirrappreżentaw il-pjattaformi online tal-SMEs
      Att dwar is-Swieq Diġitali (Infografika)

      Att dwar is-Swieq Diġitali (Infografika)

    • 22 ta' Ottubru

      Il-mexxejja tal-UE jappellaw għal progress rapidu fuq l-aġenda diġitali

      Matul il-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-UE enfasizzaw l-importanza li t-trasformazzjoni diġitali għandha għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività u saħqu dwar il-ħtieġa għal politiki diġitali inklużivi u sostenibbli, b’enfasi speċjali fuq il-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni.

      Il-mexxejja tal-UE appellaw għal eżami rapidu tal-programm ta' politika tal-Kummissjoni Ewropea "Perkors għad-Deċennju Diġitali" u ħeġġu lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jilħqu qbil ambizzjuż dwar ir-regolament dwar ir-roaming, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Suq Diġitali malajr kemm jista' jkun. Huma eżaminaw ukoll il-progress fuq fajls leġiżlattivi ewlenin għall-ispazji tad-data settorjali, l-intelliġenza artifiċjali, qafas dwar l-identità diġitali Ewropea, u ekosistema Ewropea tal-mikroċipep.

      Dwar kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà, il-mexxejja tal-UE indirizzaw iż-żieda sinifikanti f’attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi li għandhom l-għan li jdgħajfu l-valuri demokratiċi, u affermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE għal ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sigur. Fid-dawl ta' dan, huma appellaw biex titmexxa ‘l quddiem il-ħidma fuq il-proposti għad-direttiva riveduta dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, id-direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u s-sett ta’ għodod taċ-ċiberdiplomazija.

    • 27 ta' Mejju

      Il-ministri jiddibattu l-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali

      Abbażi ta' nota tal-presidenza, il-ministri kellhom l-ewwel dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-aspetti tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali li huma jqisu neċessarji biex jiggarantixxu t-tisħiħ tas-suq uniku diġitali u spazju online aktar sikur, fejn huma mħarsa d-drittijiet fundamentali u l-kompetizzjoni hija ġusta u ħielsa.

      Huma enfasizzaw il-ħtieġa ta' regoli ċari, validi għall-futur u proporzjonati, li jiggarantixxu t-taħlita adatta ta' ċertezza legali u flessibbiltà u li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fis-suq uniku diġitali tal-UE. Mekkaniżmi effiċjenti ta' infurzar fil-livell tal-UE, bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, issemmew bħala element kruċjali għas-suċċess tal-proġett.

  • 2020

    • 2 ta' Ottubru

      Il-mexxejja tal-UE jaqblu dwar it-triq 'il quddiem għat-tranżizzjoni diġitali

      Il-mexxejja tal-UE ddiskutew it-trasformazzjoni diġitali fil-laqgħa Straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret fl-1 u fit-2 ta' Ottubru 2020.

      Il-mexxejja tal-UE qalu li ser jistennew b'interess il-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali sa tmiem l-2020. Huma stiednu wkoll lill-Kummissjoni biex, sa Marzu 2021, tippreżenta Kumpass għad-Dimensjoni Diġitali komprensiv li jistabbilixxi l-ambizzjonijiet diġitali konkreti tal-UE għall-2030. Il-mexxejja tal-UE qablu li mill-inqas 20% tal-fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandhom isiru disponibbli għat-tranżizzjoni diġitali, inkluż għall-SMEs. Flimkien mal-ammonti fil-baġit fit-tul tal-UE, dawn il-fondi għandhom jgħinu biex isiru avvanzi f'objettivi bħal:

      • it-trawwim tal-iżvilupp Ewropew tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' teknoloġiji diġitali, inkluż supercomputers, computing kwantistiku, blockchain eċċ.
      • l-iżvilupp ta' kapaċitajiet fi ktajjen strateġiċi tal-valur diġitali, speċjalment il-mikroproċessuri
      • li jitħaffef l-użu ta' infrastruttura tan-netwerk b'kapaċità għolja u sigura, inkluż il-fibra ottika u l-5G
      • it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipproteġi lilha nnifisha kontra t-theddid ċibernetiku
      • l-użu tat-teknoloġiji diġitali biex jinkisbu l-għanijiet ambjentali ambizzjużi tal-UE
      • it-titjib tal-kapaċitajiet diġitali fis-sistemi edukattivi
      Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tenfasizza l-ħtieġa li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni diġitali fl-Ewropa. (…) Il-bini ta' Suq Uniku verament diġitali ser jipprovdi lill-Ewropa b'qafas intern li jippermetti lill-kumpanniji Ewropej jikbru u jespandu. Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew