"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Pakkett dwar is-servizzi diġitali

Il-pakkett dwar is-servizzi diġitali huwa r-rispons tal-UE għall-ħtieġa li jiġi rregolat l-ispazju diġitali. Huwa jiddefinixxi miżuri għall-protezzjoni tal-utenti online filwaqt li jappoġġa l-innovazzjoni.

Spazju diġitali sikur u miftuħ għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE

Il-pjattaformi online huma parti importanti mis-suq u l-ekonomija diġitali tal-UE. L-istati membri tal-UE jirrikonoxxu l-ħtieġa li jsaħħu, jimmodernizzaw u jiċċaraw ir-regoli għas-servizzi diġitali biex:

  • tiġi żgurata s-sikurezza tal-utenti online
  • in-negozji diġitali innovattivi jitħallew jikbru

Il-qafas legali tal-UE għas-servizzi diġitali għadu ma nbidilx minn meta ġiet adottata d-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku fis-sena 2000, u għalhekk kien hemm bżonn serju li dan jiġi aġġornat. Sadanittant, it-teknoloġiji, il-mudelli kummerċjali u s-servizzi diġitali kienu nbidlu b'pass mgħaġġel mingħajr preċedent.

Il-pakkett dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2020. Dan jinkludi:

  • l-Att dwar is-Servizzi Diġitali
  • l-Att dwar is-Swieq Diġitali

Iż-żewġ atti leġiżlattivi ġew adottati malajr mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew fl-2022.

Ir-regoli l-ġodda jirregolaw aħjar l-ispazju diġitali u s-servizzi diġitali, inkluż il-pjattaformi tal-media soċjali. Dawn:

  • jiżguraw li l-utenti diġitali jkollhom aċċess għal prodotti sikuri u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-utenti
  • jippermettu kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-setturi diġitali tkun tista' tagħti spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir

Min ser jibbenefika mir-regoli l-ġodda dwar is-servizzi diġitali?

Ir-regoli l-ġodda dwar is-servizzi diġitali huma ta' benefiċċju għal firxa wiesgħa ta' utenti u pjattaformi inkluż:

  • ċittadini
  • fornituri ta' servizzi diġitali
  • utenti kummerċjali ta' servizzi diġitali
  • is-soċjetà b'mod ġenerali

Ħajtek online: L-UE kif qed tagħmilha aktar faċli u sikura għalik?


L-Unjoni Ewropea qed taħdem b'mod attiv biex ittejjeb l-ambjent diġitali għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha. Il-ħajja diġitali tagħna jeħtieġ li tkun sikura, faċli u tirrispetta l-libertajiet bażiċi.

Fid-dawl tal-aġġornamenti dwar iż-żewġ regolamenti ewlenin biex tiġi żgurata ħajja online aktar sikura u aktar faċli għall-utenti, skopri aktar permezz ta' artiklu dwar is-suġġett kif l-UE qed tagħmel il-ħajja online tiegħek aktar faċli u sikura.

Ħajtek online: L-UE kif qed tagħmilha aktar faċli u sikura għalik?

X'inhu l-Att dwar is-Servizzi Diġitali?

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) jiffoka fuq il-ħolqien ta' ambjent online aktar sikur għall-utenti u l-kumpaniji diġitali, u fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ispazju diġitali billi jistabbilixxi regoli ġodda dwar:

  • il-ġlieda kontra l-kontenut illegali online, inkluż oġġetti, servizzi u informazzjoni, b'rispett sħiħ għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
  • l-indirizzar tar-riskji għas-soċjetà online
  • it-traċċabbiltà tal-kummerċjanti fi swieq online
  • miżuri ta' trasparenza għall-pjattaformi online
  • superviżjoni msaħħa

Dan jistabbilixxi sett ta' responsabbiltajiet, u qafas ċar ta' responsabbiltà u trasparenza għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, bħal:

  • swieq online
  • networks soċjali
  • pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-kontenut
  • pjattaformi online għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni

Dan ifisser li l-intermedjarji online kollha li joffru s-servizzi tagħhom fis-suq uniku, kemm jekk huma stabbiliti fl-UE jew barra minnha, ikollhom jikkonformaw mar-regoli l-ġodda.

Il-kumpaniji għandhom obbligi li jkunu proporzjonali man-natura tas-servizzi tagħhom u għad-daqs u l-impatt tagħhom. Dan ifisser li l-pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna (VLOSEs) huma soġġetti għal rekwiżiti aktar stretti.

Il-benefiċċji tad-DSA

Id-DSA jissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, b'mod partikolari ċ-ċittadini tal-UE.

L-utenti online fl-UE jingħataw is-setgħa li jkollhom aktar kontroll fuq dak li jaraw online, u sabiex ikunu kapaċi jifhmu jew jiġu infurmati dwar ir-reklami li jaraw. L-utenti jkunu jistgħu jimmarkaw kontenut illegali, u l-pjattaforma mbagħad tkun obbligata tinnotifikahom bid-deċiżjonijiet li jieħdu.

Il-liġi żżid it-trasparenza tar-regoli għall-moderazzjoni tal-kontenut online, filwaqt li tipprovdi aċċess akbar għad-data għall-awtoritajiet u r-riċerkaturi sabiex dawn jifhmu aħjar l-ispazju online, l-impatt tiegħu fuq is-soċjetà u r-riskji possibbli.

Il-minorenni huma wkoll protetti aħjar permezz tad-DSA. Il-pjattaformi aċċessibbli lill-minorenni huma pprojbiti milli juru reklamar immirat ibbażat fuq l-użu ta' data personali tal-minorenni kif definit fid-dritt tal-UE.

Ir-regoli stabbiliti skont id-DSA huma mfassla biex jipproteġu b'mod partikolari:

  • il-libertà ta' espressjoni u informazzjoni
  • il-libertà ta' intrapriża
  • id-dritt ta' nondiskriminazzjoni
Spazji individwali li juru l-istati membri differenti tal-UE u d-data tal-kummerċ elettroniku tagħhom

Att dwar is-Servizzi Diġitali (Infografika)

Mekkaniżmu ta' kriżi fid-dawl tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna

Fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt fuq il-manipulazzjoni tal-informazzjoni online, fit-test żdied artikolu ġdid li jintroduċi mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet.

Dan il-mekkaniżmu ser jagħmilha possibbli li jiġi analizzat l-impatt tal-attivitajiet tal-VLOPs u l-VLOSEs fuq il-kriżi inkwistjoni u li jittieħdu deċiżjonijiet dwar miżuri li għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

X'inhu l-Att dwar is-Swieq Diġitali?

L-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) jiffoka fuq l-iżgurar ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji diġitali kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Id-DMA għandu l-għan li jiggarantixxi settur diġitali kompetittiv u ġust billi:

  • jipprojbixxi prattiki inġusti ta' pjattaformi online li għandhom l-akbar sehem mis-suq
  • jagħti l-possibbiltà għall-utenti kummerċjali li joffru lill-konsumaturi aktar għażliet
  • jipprovdi servizzi aħjar u prezzijiet aktar ġusti għall-konsumaturi
  • jimponi drittijiet u obbligi ċari fuq pjattaformi online kbar
  • jippromwovi l-innovazzjoni u ambjent ta' pjattaformi online aktar ġust għan-negozji ġodda tat-teknoloġija

Id-DMA jiddefinixxi regoli ċari għall-pjattaformi l-kbar. Għandu l-għan li jiżgura li l-ebda pjattaforma online kbira ma taġixxi bħala "gwardjan", entità privata li tistabbilixxi r-regoli fis-swieq diġitali billi tikkontrolla mill-inqas wieħed mill-hekk imsejħa "servizzi ewlenin ta' pjattaforma".

Servizzi ewlenin ta' pjattaforma jinkludu:

  • servizzi ta' intermedjazzjoni online (jiġifieri swieq, app stores)
  • magni tat-tiftix online
  • networking soċjali
  • servizzi tal-cloud
  • servizzi ta' reklamar

Liema pjattaformi jitqiesu bħala gwardjani?

Sabiex pjattaforma titqies bħala gwardjan, għandu jew ikollha fatturat annwali ta' mill-inqas €7.5 biljun fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-aħħar tliet snin jew ikollha valutazzjoni fis-suq ta' mill-inqas €75 biljun, u, barra minn hekk jeħtieġ li jkollha mill-inqas 45 miljun utent finali fix-xahar u mill-inqas 10 000 utent professjonali stabbiliti fl-UE.

Il-pjattaforma trid ukoll tikkontrolla wkoll servizz ewlieni ta' pjattaforma wieħed jew aktar f'mill-inqas tliet stati membri.

Att tal-UE fuq sfond b'tikek sofor u blu, li jirrappreżentaw il-pjattaformi online tal-SMEs

Att dwar is-Swieq Diġitali (Infografika)

Il-konsegwenzi għall-gwardjani

Il-gwardjani mhux ser jitħallew:

  • jikklassifikaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom stess b'mod aktar favorevoli minn dawk ta' parteċipanti oħra fis-suq
  • jipprevjenu lill-iżviluppaturi milli jużaw pjattaformi ta' pagament ta' partijiet terzi għall-bejgħ tal-apps
  • jipproċessaw data personali tal-utenti għal reklamar immirat, sakemm ma jingħatax il-kunsens
  • jistabbilixxu kondizzjonijiet inġusti fuq l-utenti kummerċjali
  • jinstallaw minn qabel ċerti applikazzjonijiet tas-software jew jipprevjenu lill-utenti milli jneħħuhom faċilment
  • jirrestrinġu l-utenti kummerċjali tal-pjattaformi

Il-gwardjani ser ikollhom:

  • joffru aktar għażliet, bħall-għażla ta' ċertu software fuq is-sistema operattiva tal-utent
  • jiżguraw li t-tneħħija tal-abbonament minn servizzi ewlenin tal-pjattaforma tkun faċli daqs l-abbonament
  • jipprovdu informazzjoni dwar l-għadd ta' utenti li jżuru l-pjattaformi tagħhom biex jiddeterminaw jekk il-pjattaforma tistax tiġi identifikata bħala gwardjan
  • jagħtu lill-utenti kummerċjali aċċess għad-data dwar il-prestazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni jew tar-reklamar tagħhom fuq il-pjattaforma
  • jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-akkwiżizzjonijiet u l-fużjonijiet li jwettqu
  • jiżguraw li l-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta' messaġġerija istantanja jkunu interoperabbli, jiġifieri jippermettu lill-utenti jiskambjaw messaġġi, jibagħtu messaġġi bil-vuċi jew fajls

Il-kompetizzjoni ġusta tas-servizzi diġitali hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-kumpaniji u l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mill-opportunitajiet diġitali. Dan ser jiġġenera wkoll aktar innovazzjoni u jagħti spinta lill-protezzjoni tal-konsumatur.

Min jiżgura li l-gwardjani jikkonformaw mar-regoli?

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' armonizzazzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni Ewropea hija l-uniku korp li għandu s-setgħa li jinforza r-regolament.

Biex jiġi żgurat li l-gwardjani jkollhom fehim ċar ta' liema regoli għandhom jimxu magħhom, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tidħol fi djalogu regolatorju.

Ser jitwaqqfu kumitat konsultattiv u grupp ta' livell għoli biex jgħinu u jiffaċilitaw il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea.

X'jiġri jekk il-gwardjani ma jikkonformawx mar-regoli

Meta kumpanija online kbira tkun ġiet identifikata bħala gwardjan, tkun trid tikkonforma mar-regoli tad-DMA fi żmien sitt xhur.

Jekk gwardjan jikser ir-regoli stabbiliti mid-DMA, jirriskja multa sa 10% tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja. Fil-każ ta' reċidività, tista' tiġi imposta multa sa 20% tal-fatturat tiegħu madwar id-dinja.

F'każ li gwardjan sistematikament jonqos milli jikkonforma mad-DMA, jiġifieri jikser ir-regoli mill-inqas tliet darbiet fi tmien snin, il-Kummissjoni Ewropea tista' tiftaħ investigazzjoni tas-suq u, jekk ikun meħtieġ, timponi rimedji komportamentali jew strutturali.