"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Relazzjonijiet tal-UE maż-Żona Ekonomika Ewropea

Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) testendi s-suq uniku tal-UE għall-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, u tippermetti l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital filwaqt li trawwem kooperazzjoni politika u ekonomika mill-qrib.

X'inhi ż-Żona Ekonomika Ewropea?

Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ġiet stabbilita f'Jannar 1994, permezz ta' ftehim li jgħaqqad l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) f'suq intern uniku.

Membri taż-ŻEE

Iż-Żona Ekonomika Ewropea hija magħmula minn 30 pajjiż: is-27 Stat Membru tal-UE flimkien ma' tliet pajjiżi tal-EFTA.

Dijagramma li tispjega l-kompożizzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea li tikkonsisti minn 27 stat membru tal-UE flimkien ma' tlieta minn erba' pajjiżi tal-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). L-Iżvizzera hija membru tal-EFTA iżda għadha barra miż-ŻEE.

Filwaqt li l-EFTA tikkonsisti f'erba' pajjiżi (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera), l-Iżvizzera ma tappartjenix għaż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-votanti Żvizzeri rrifjutaw il-parteċipazzjoni fiż-ŻEE f'referendum f'Diċembru 1992. Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Iżvizzera huma rregolati minn għadd ta' ftehimiet separati.

Benefiċċji

Iż-żona Ekonomika Ewropea hija ta' benefiċċju kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji billi testendi s-suq intern tal-UE għall-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Il-ftehim ŻEE jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-suq intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE.

Għaċ-ċittadini, iż-ŻEE tappoġġa l-moviment liberu tal-persuni, u tiffaċilita li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jistabbilixxu negozju fil-pajjiżi parteċipanti kollha, soġġett għar-regoli applikabbli.

Għan-negozji, iż-ŻEE tipprovdi aċċess għal suq akbar taħt regoli komuni, tiffaċilita l-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi u toħloq kundizzjonijiet aktar prevedibbli għall-attività ekonomika transfruntiera.

Eċċezzjonijiet

Il-ftehim ŻEE ma jkoprix il-politiki tal-UE li ġejjin:

  • il-politika agrikola komuni u dik tas-sajd
  • l-unjoni doganali
  • il-politika kummerċjali komuni
  • il-politika estera u ta' sigurtà komuni
  • ġustizzja u affarijiet interni (l-istati taż-ŻEE-EFTA huma, madankollu, parti miż-żona Schengen)
  • tassazzjoni diretta u indiretta
  • l-unjoni ekonomika u monetarja

Kif inhi rregolata ż-Żona Ekonomika Ewropea?

Iż-ŻEE hija bbażata fuq struttura istituzzjonali b'żewġ pilastri, li tlaqqa' flimkien l-istituzzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw l-istati taż-ŻEE-EFTA. Dan jiżgura li r-regoli rilevanti tal-UE jiġu inkorporati fil-ftehim ŻEE u applikati b'mod konsistenti fil-pajjiżi parteċipanti kollha, filwaqt li tiġi rrispettata l-awtonomija taż-żewġ naħat.

Istituzzjonijiet u korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-ŻEE

Il-ftehim ŻEE jistabbilixxi istituzzjonijiet konġunti li jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-istati taż-ŻEE-EFTA. Huma jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-ftehim, jinkorporaw leġiżlazzjoni ġdida u jiżguraw li r-regoli komuni jiġu applikati b'mod effettiv.

Kumitat konġunt

Il-kumitat konġunt taż-ŻEE jamministra l-funzjonament ta' kuljum tal-Ftehim ŻEE. Dan ilaqqa' rappreżentanti mill-UE u l-istati taż-ŻEE-EFTA biex jinkorporaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE fil-ftehim. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b'kunsens.

Kunsill taż-ŻEE

Il-Kunsill taż-ŻEE jipprovdi gwida politika għall-implimentazzjoni tal-ftehim ŻEE. Normalment jiltaqa' darbtejn fis-sena u jlaqqa' flimkien membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-ministri għall-affarijiet barranin tal-istati taż-ŻEE-EFTA.

Il-Kunsill jirrevedi l-funzjonament tal-ftehim ŻEE u jiddiskuti kwistjonijiet ta' interess politiku u ekonomiku komuni.

Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

L-awtorità ta' sorveljanza tal-EFTA tissorvelja jekk l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja humiex qed jimplimentaw u japplikaw b'mod korrett ir-regoli tal-Ftehim ŻEE li huma rilevanti għas-suq intern.

Ir-rwol tagħha huwa komparabbli ma' dak tal-Kummissjoni Ewropea fl-UE. Meta meħtieġ, tista' tinvestiga ksur potenzjali tar-regoli taż-ŻEE u tibda proċeduri ta' infurzar.

Qorti tal-EFTA

Il-qorti tal-EFTA, ibbażata fil-Lussemburgu, tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli taż-ŻEE fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja. Tittratta proċedimenti ta' ksur imressqa mill-awtorità ta' sorveljanza tal-EFTA, tagħti opinjonijiet konsultattivi lill-qrati nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt taż-ŻEE, u tisma' appelli kontra deċiżjonijiet mill-awtorità ta' sorveljanza.

Rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE

L-istituzzjonijiet tal-UE jaqdu rwol ċentrali fil-funzjonament tal-ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni u tirrappreżenta lill-UE fil-kumitat konġunt taż-ŻEE, filwaqt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jipprovdi direzzjoni politika permezz tal-Kunsill taż-ŻEE. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkontribwixxi wkoll għad-djalogu politiku mal-istati taż-ŻEE-EFTA.

Kooperazzjoni lil hinn mis-suq intern

Lil hinn mill-qafas tal-ftehim taż-ŻEE u l-parteċipazzjoni fis-suq intern tal-UE, l-UE u l-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA jikkooperaw mill-qrib f'oqsma ta' interess komuni. Din il-kooperazzjoni sseħħ permezz ta' djalogu politiku, inizjattivi konġunti u parteċipazzjoni fi programmi Ewropej.

Kooperazzjoni politika

L-UE u l-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA jżommu djalogu politiku regolari dwar kwistjonijiet Ewropej u internazzjonali. Din il-kooperazzjoni tippermetti li jkollhom skambju ta' fehmiet u, meta xieraq, koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet dwar sfidi li jaffettwaw il-kontinent Ewropew f'sens wiesa'.

Oqsma ta' kooperazzjoni jistgħu jinkludu:

  • il-politika estera u ta' sigurtà, inkluż diskussjonijiet dwar l-iżviluppi internazzjonali, l-istabbiltà reġjonali u l-isfidi komuni għas-sigurtà
  • appoġġ għall-Ukrajna u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli
  • sigurtà u reżiljenza fil-qasam tal-enerġija
  • tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra
  • sigurtà ekonomika u kompetittività

Kooperazzjoni f'oqsma oħra

Permezz tal-parteċipazzjoni fi programmi u inizjattivi tal-UE, il-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni Ewropea u jibbenefikaw minnha f'oqsma bħal:

ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż il-parteċipazzjoni fi programmi u inizjattivi ta' riċerka tal-UE li jappoġġaw il-kooperazzjoni xjentifika (bħal Orizzont Ewropa)

l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-kultura, permezz ta' programmi li jippromwovu l-iskambji, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet (bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva)

l-ambjent u l-azzjoni klimatika, inkluż il-kooperazzjoni dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (pereżempju permezz tal-programm LIFE)

it-trasformazzjoni diġitali, inkluż l-isforzi biex jissaħħu l-konnettività diġitali, l-innovazzjoni u ambjent diġitali sigur (permezz tal-inizjattiva Ewropa Diġitali)

Ara wkoll

L-immaġni turi tnejn min-nies josservaw grafika dwar il-finanzi b'linji telgħin u neżlin u b'bar charts, maġenb borġ kaxex tal-kartun, li jissimbolizzaw il-kummerċ u l-attività ekonomika.

Is-suq uniku tal-UE: benefiċċji, fatti u ċifri

Spjegazzjoni taż-żona Schengen

Collage stilizzat li juri turbina eolika, pannelli tax-xemx u xjenzat juża' smartphone, b'linji simili għal ċirkwit u simbolu H₂ fl-isfond.

Orizzont Ewropa

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Settembru 2026