"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Għajnuna umanitarja

L-UE u s-27 stat membru tagħha flimkien huma d-donatur ewlieni tal-għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet milquta minn diżastri madwar id-dinja. L-assistenza tal-UE għandha l-għan li ssalva l-ħajjiet, tipprevjeni u ttaffi t-tbatija umana, u żżomm id-dinjità tal-bniedem.

Ngħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli

L-UE tipprovdi assistenza umanitarja lil persuni fil-bżonn f'pajjiżi mhux tal-UE li ntlaqtu minn diżastri ta' oriġini naturali jew minħabba l-bniedem. Tingħata attenzjoni partikolari lill-aktar vittmi vulnerabbli.

In-nies li għandhom bżonn għajnuna umanitarja jinkludu:

  • popolazzjonijiet li qed jiffaċċjaw malnutrizzjoni u karestija
  • refuġjati u persuni spostati f'pajjiżhom
  • vittmi ta' kunflitt armat u ta' forom oħra ta' vjolenza fiżika jew psikoloġika
  • nies li djarhom jew l-għajxien tagħhom ġew meqruda

Eżempji ta' diżastri naturali u ta' diżastri kkawżati mill-bniedem huma kunflitti armati, inkwiet ċivili, nixfiet, għargħar, terremoti, tsunamis u uragani.

Kriżijiet umanitarji mingħajr preċedent

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, il-ħtiġijiet umanitarji bla preċedent tal-lum huma xprunati primarjament minn taħlita ta' kunflitti armati b'għeruq profondi, li jaċċelleraw it-tibdil fil-klima u l-instabbiltà ekonomika globali. Dawn il-kriżijiet qed jikkoinċidu dejjem aktar ma' xulxin, u joħolqu "emerġenzi kumplessi", fejn id-diżastri, il-gwerra u l-faqar jamplifikaw lil xulxin.

Fl-2026, huwa stmat li 239 miljun persuna ser ikunu jeħtieġu assistenza umanitarja, wara li fl-2025 kien hemm tnaqqis kbir fl-operazzjonijiet umanitarji u ambjent dejjem aktar perikoluż għall-ħaddiema umanitarji.

Il-gwerer fis-Sudan, f'Gaża u fl-Ukrajna, fost postijiet oħra, qed iwasslu għal spostament ta' miljuni ta' persuni u jikkawżaw vittmi ċivili. Fl-2025, kien hemm mill-inqas 117.8 miljun persuna spostata bil-forza madwar id-dinja.

Dan ifisser li waħda minn kull 70 persuna madwar id-dinja, jew 1.4% tal-popolazzjoni kollha tad-dinja, kienet ġiet spostata bil-forza fi tmiem l-2025.

Mara u tifla quddiem tinda f'kamp tar-refuġjati.

Id-donatur ewlieni tal-għajnuna umanitarja

L-għajnuna umanitarja hija komponent fundamentali tal-politika esterna tal-UE, espressjoni tal-valur universali tas-solidarjetà bejn in-nies, u imperattiv morali.

Flimkien, l-UE u s-27 stat membru tagħha huma d-donatur ewlieni tal-għajnuna umanitarja fid-dinja. Skont data tan-NU, ipprovdew madwar 40% tal-għajnuna umanitarja dinjija fl-2025.

L-għajnuna umanitarja hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-istati membri tagħha, kif spjegat fl-Artikolu 4(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Kull stat membru jiddeċiedi kemm irid jagħti fondi, b'rispons għal liema kriżijiet u lil liema organizzazzjoni jew fond umanitarju.

L-UE tikkomplementa u ssaħħaħ l-isforzi tal-istati membri permezz tal-baġit tagħha. Il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027 jinkludi linja ddedikata għall-għajnuna umanitarja, b'total ta' €11.57 biljun (fi prezzijiet tal-2021) allokati għall-perjodu ta' seba' snin jew madwar €1.65 biljun fis-sena. Il-baġit għall-2026 tal-UE għall-għajnuna umanitarja jammonta għal €1.9 biljun.

L-UE ilha tipprovdi għajnuna umanitarja mill-1992, f'aktar minn 110 pajjiż, u kull sena tilħaq miljuni ta' nies madwar id-dinja.

Bħalissa l-UE qed twassal għajnuna umanitarja fiż-żoni ewlenin kollha milquta minn kriżijiet, inkluż Gaża, is-Sirja, is-Sudan, is-Sudan t'Isfel, l-Ukrajna, is-Saħel, il-Jemen, il-Myanmar/Burma, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Afganistan u l-Haiti.

Assistenza tal-protezzjoni ċivili

Fir-reġjuni l-aktar vulnerabbli tad-dinja, l-għajnuna umanitarja tal-UE tipikament timxi id f'id mal-assistenza tal-protezzjoni ċivili. L-esperti fiż-żewġ oqsma jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw l-aktar rispons koerenti u effettiv.

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili, li huwa l-għodda tal-UE biex tikkoordina l-assistenza lil pajjiżi milquta minn diżastri, jista' jiġi attivat biss jekk pajjiż fl-UE jew xi mkien ieħor jitlob l-assistenza. Il-mekkaniżmu jikkoordina, pereżempju, il-provvediment ta' timijiet u tagħmir ta' tiftix u salvataġġ, l-iskjerament ta' ajruplani tat-tifi tan-nar u r-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE.

L-għajnuna umanitarju ma għandhiex tiġi konfuża mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali, soċjali u politiku aktar fit-tul tal-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp.

Kif titwassal l-għajnuna umanitarja

L-assistenza tal-UE hija kkoordinata mid-direttorat ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-protezzjoni ċivili u l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja (ECHO).

L-assistenza umanitarja ffinanzjata mill-UE hija pprovduta fuq il-post minn aktar minn 200 organizzazzjoni sieħba, inkluż aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (bħall-OCHA, id-WFP, l-UNHCR u l-UNICEF), il-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali u nazzjonali.

Biex jirċievu finanzjament għal proġett umanitarju, l-organizzazzjonijiet umanitarji sħab iridu jippreżentaw proposti ta' finanzjament u jsegwu linji gwida stretti għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti. Is-sħab iridu jirrikonoxxu l-appoġġ tal-UE billi juru l-identità viżiva tal-UE fis-siti tal-proġetti.

Permezz tal-għajnuna umanitarja tagħha, l-UE tassisti lill-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli:

  • bis-sigurtà alimentari
  • b'appoġġ nutrizzjonali
  • b'kura tas-saħħa ta' emerġenza
  • b'ilma u faċilitajiet sanitarji
  • b'kenn
  • bi protezzjoni minn dannu fiżiku u psikoloġiku
  • b'edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza
  • b'assistenza fi flus

Peress li t-tibdil fil-klima ser ikompli jżid il-frekwenza ta' għargħar, nixfiet u uragani, l-UE u l-istati membri tagħha jipprovdu wkoll appoġġ biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' rispons għal diżastri marbuta mal-klima u tissaħħaħ ir-reżiljenza ta' dawk l-aktar vulnerabbli għalihom.

Ir-regolament tal-UE dwar l-għajnuna umanitarja

Ir-regolament tal-UE dwar l-għajnuna umanitarja, adottat fl-1996, jiddefinixxi kif il-Kummissjoni Ewropea timplimenta operazzjonijiet umanitarji f'isem l-UE.

Dan jistabbilixxi l-għanijiet, il-prinċipji u l-proċeduri ewlenin għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja tal-UE.

Ħaddiema umanitarja quddiem kaxxi tal-għajnuna umanitarja bil-bandiera tal-UE.

Il-prinċipji umanitarji

L-għajnuna umanitarja tingħata abbażi tal-prinċipji umanitarji tan-newtralità, l-umanità, l-indipendenza u l-imparzjalità. L-għajnuna tingħata irrispettivament mir-razza, il-grupp etniku, ir-reliġjon, il-ġeneru, l-età, in-nazzjonalità jew l-affiljazzjoni politika tal-benefiċjarji.

Umanità

It-tbatija umana għandha tiġi indirizzata kull fejn tinsab, b'attenzjoni partikolari lill-dawk l-aktar vulnerabbli.

Newtralità

L-għajnuna umanitarja ma għandha tiffavorixxi l-ebda naħa f'kunflitt armat jew f'tilwim ieħor.

Imparzjalità

L-għajnuna umanitarja trid tingħata biss abbażi tal-bżonn, mingħajr diskriminazzjoni.

Indipendenza

L-objettivi umanitarji jridu jkunu separati mill-objettivi politiċi, ekonomiċi, reliġjużi, militari jew minn objettivi oħra.

Dawn il-prinċipji, li għandhom l-għeruq tagħhom fid-dritt umanitarju internazzjonali, tħaddnu min-Nazzjonijiet Uniti fir-riżoluzzjonijiet 46/182 u 58/114 tal-Assemblea Ġenerali.

Fil-livell tal-UE, dawn il-prinċipji umanitarji huma minquxa fil-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja, iffirmat f'Diċembru 2007 mill-Kunsill tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-kunsens jiddeskrivi l-qafas ta' politika prinċipali għall-UE meta taġixxi b'rispons għal kriżijiet umanitarji. Dan jistabbilixxi għaliex, kif u meta taġixxi l-UE. L-objettivi prevalenti tal-azzjoni umanitarja, kif minquxa fil-kunsens, huma:

  • il-preservazzjoni tal-ħajja
  • il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija
  • l-għajnuna biex tinżamm id-dinjità tal-bniedem quddiem perikli naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem

Ir-rwol tal-Kunsill fl-għajnuna umanitarja

Filwaqt li l-Kunsill ma jiħux deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet operazzjonali bħall-ammont ta' finanzjament li għandu jiġi pprovdut b'rispons għal kriżijiet partikolari, xorta għandu rwol importanti fid-definizzjoni tal-pożizzjoni tal-UE dwar pajjiżi u reġjuni terzi billi jadotta konklużjonijiet tal-Kunsill.

Fejn jidħlu kwistjonijiet umanitarji, dan ta' spiss ifisser li l-partijiet ikkonċernati jiġu mħeġġa jsolvu l-kunflitti li jkunu l-kaġun tal-kriżijiet umanitarji u li jintalab ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali.

Grupp ta' Ħidma dwar Għajnuna Umanitarja u Għajnuna Alimentari

Fil-Kunsill, il-Grupp ta' Ħidma dwar Għajnuna Umanitarja u Għajnuna Alimentari (COHAFA) huwa l-korp responsabbli biex jiddiskuti l-kwistjonijiet marbuta mal-assistenza umanitarja, bħal:

  • il-monitoraġġ tal-ħtiġijiet umanitarji madwar id-dinja u r-rispons tal-UE
  • l-effiċjenza tas-sistema umanitarja dinjija
  • it-tħejjija ta' dikjarazzjonijiet tal-UE f'organizzazzjonijiet u fora internazzjonali rilevanti
  • il-promozzjoni tal-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja, il-prinċipji umanitarji, u r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali

Il-COHAFA ġie stabbilit fl-2008 wara l-iffirmar tal-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja. Il-grupp ta' ħidma huwa ppresedut mill-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill.

Dritt umanitarju internazzjonali

L-UE hija impenjata għad-dritt umanitarju internazzjonali, sett ta' regoli li jiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-istati u ta' gruppi mhux statali waqt kunflitt armat.

Il-liġi umanitarja hija bbażata prinċipalment fuq l-erba' Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali adottati fl-1977 u l-2005. Is-27 stat membru kollha tal-UE rratifikaw il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom. Dawn il-Konvenzjonijiet huma kkomplementati minn regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

Ir-regoli jirrikjedu, fost affarijiet oħra:

  • passaġġ rapidu u mingħajr xkiel għall-għajnuna umanitarja
  • il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili (inkluż il-ħaddiema umanitarji)
  • il-protezzjoni tal-kura tas-saħħa
  • il-protezzjoni ta' oġġetti indispensabbli għas-sopravivenza tal-popolazzjoni ċivili

Huma maħsuba li jipproteġu lill-persuni li mhumiex, jew li ma għadhomx, qed jieħdu sehem fil-ġlied, inklużi persuni ċivili, persunal mediku, ħaddiema umanitarji, persuni midruba, truppi morda u nawfragi, u priġunieri tal-gwerra jew detenuti oħra. Id-dritt umanitarju internazzjonali jimponi wkoll limiti fuq il-mezzi u l-metodi tal-gwerra (pereżempju, il-projbizzjoni ta' ċerti armi).

Id-dritt umanitarju internazzjonali qed jinkiser dejjem aktar f'kunflitti madwar id-dinja, pereżempju permezz ta':

  • attakki fuq sptarijiet u skejjel
  • attakki kontra ħaddiema umanitarji u mediċi
  • iċ-ċaħda tal-aċċess għal għajnuna umanitarja li ssalva l-ħajjiet
  • attakki kontra persuni ċivili
  • ir-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal
  • stupru u vjolenza sesswali oħra

Tali vjolenza taffettwa lill-persuni ċivili u tipprevjeni lil miljuni ta' nies milli jirċievu assistenza li ssalva l-ħajjiet.

L-2024 kienet l-aktar sena fatali rreġistrata għall-ħaddiema umanitarji, inqatlu 387, indarbu 308 u nħatfu 138. Fl-2025, inqatlu 350 ħaddiem umanitarju, indarbu 322 u nħatfu 235.

Ara wkoll

Ħelikopter għat-tifi tan-nar u xi elementi astratti li jirrappreżentaw ir-rispons għall-kriżijiet.

Rispons għall-kriżijiet

Arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR)

Sett ta' ikoni li jirrappreżentaw il-protezzjoni ċivili tal-UE, fosthom it-tagħmir ta' emerġenza, l-għajnuna f'każ ta' diżastru, il-kura tas-saħħa, ir-rispons għall-għargħar u għan-nirien fis-selvaġġ, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni globali, irranġati madwar il-bandiera tal-Unjoni Ewropea fiċ-ċentru.

Protezzjoni ċivili tal-UE

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Awwissu 2026