Politika tal-UE dwar is-saħħa
L-UE tgħin biex ittejjeb is-saħħa pubblika permezz ta' finanzjament u leġiżlazzjoni dwar l-indirizzar tat-theddid transfruntier għas-saħħa, il-mediċini, id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transfruntiera, il-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni ta' saħħa tajba.
X'inhu r-rwol tal-UE fil-politika tas-saħħa
L-istati membri tal-UE huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-għoti tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Għaldaqstant ir-rwol tal-UE fil-politika tas-saħħa huwa komplementari għall-politiki nazzjonali.
Il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika għandhom l-għan li:
- jipproteġu u jtejbu s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE
- jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tas-saħħa
- itejbu l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa
- isaħħu l-miżuri ta' tħejjija u ta' rispons għal theddid transfruntier għas-saħħa
Fil-qasam tas-saħħa, l-UE tadotta liġijiet u rakkomandazzjonijiet biex tipproteġi lin-nies, li jkopru pereżempju l-prodotti tas-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti.
Il-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet ta' saħħa pubblika hija konsegwenza neċessarja tal-moviment liberu tal-persuni u l-merkanzija fis-suq intern. Il-kooperazzjoni tal-UE fil-kwistjonijiet ta' saħħa pubblika sservi biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni fil-qasam tas-saħħa li jirriżultaw pereżempju mir-reżistenza għall-antimikrobiċi, il-mard kroniku li jista' jiġi evitat u t-tixjiħ demografiku.
Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. L-Artikolu 168 TFUE (bażi legali għall-politika tal-UE dwar is-saħħa)
Miżuri ewlenin fil-politika tal-UE dwar is-saħħa
L-oqsma fejn l-UE adottat leġiżlazzjoni jinkludu:
- id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transfruntiera
- il-mediċini u l-apparat mediku
- it-theddid transfruntier serju għas-saħħa
- il-kanċer, it-tabakk u l-promozzjoni ta' kondizzjoni ta' saħħa tajba
- organi, demm, tessuti u ċelloli
Drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transfruntiera
Skont il-liġi tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jaċċessaw il-kura tas-saħħa fi kwalunkwe stat membru tal-UE u li jiġu rimborżati mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom għall-kura li jirċievu barra mill-pajjiż. Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) tiżgura li l-kura tas-saħħa neċessarja tingħata bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess prezz bħall-persuni assigurati f'dak il-pajjiż.
Barra minn hekk, direttiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transfruntiera, qed tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom pazjent jista' jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE biex jirċievi kura medika u rimborż.
Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill adotta liġi ġdida li tagħmilha aktar faċli li tiġi skambjata u aċċessata data dwar is-saħħafil-livell tal-UE.
Ir-regolament dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS)għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess mill-individwi għad-data elettronika personali tagħhom dwar is-saħħa u l-kontroll fuqha, filwaqt li jippermetti wkoll li ċerta data terġa' tintuża għal skopijiet ta' riċerka u innovazzjoni għall-benefiċċju tal-pazjenti Ewropej. Dan jipprevediambjent tad-data speċifiku għas-saħħali ser jiżgura aċċess transfruntier għas-servizzi u l-prodotti diġitali tas-saħħa fl-UE.
Aċċess eħfef għad-data dwar is-saħħa għall-individwi
Bir-regoli l-ġodda, l-individwi ser ikollhomaċċess aktar rapidu u aktar faċli għad-data elettronika dwar is-saħħa, irrispettivament minn jekk ikunux f'pajjiżhom jew fi stat membru ieħor. Ser ikollhom ukollaktar kontroll fuq kif tintuża dik id-data. Il-pajjiżi tal-UE ser ikunu meħtieġa jistabbilixxuawtorità tas-saħħa diġitalibiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda.
Potenzjal akbar għar-riċerka
L-EHDS ser jipprovdi wkoll lir-riċerkaturi u lil dawk li jfasslu l-politika aċċess għal tipi speċifiċi ta'data anonimizzata u sigura dwar is-saħħa, li tippermettilhom jisfruttaw il-potenzjal enormi pprovdut mid-data dwar is-saħħa tal-UE biex tnebbaħ ir-riċerka xjentifika, jiżviluppaw trattamenti aħjar, u jtejbu l-kura tal-pazjenti.
Niżguraw l-interoperabbiltà
Bħalissa, il-livell ta' diġitalizzazzjoni tad-data dwar is-saħħa fl-UE jvarja minn stat membru għal ieħor, u dan jagħmilha aktar diffiċli li d-data tiġi kondiviża bejn stat membru u ieħor. Ir-regolament il-ġdid jirrikjedi li s-sistemi kollha tar-rekords elettroniċi tas-saħħa (EHR) jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiettal-formatEwropew għall-iskambju tar-rekords elettroniċi tas-saħħa, li jiżgura l-interoperabbiltà fil-livell tal-UE.
Mediċini u apparat mediku
L-UE tirregola l-awtorizzazzjoni tal-mediċini fil-livell tal-UE permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew fil-livell nazzjonali permezz tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi tal-UE. Jeżistu regoli speċjali għall-awtorizzazzjoni ta':
- prodotti mediċinali għal użu pedjatriku
- mediċini orfni (użati għall-kura, id-dijanjożi jew il-prevenzjoni ta' mard rari li ma jaffettwax aktar minn 5 persuni kull 10 000 persuna fl-UE)
- mediċini erbali tradizzjonali
- tilqim
L-UE tirregola wkoll il-provi kliniċi li jipprovdu d-data użata għall-awtorizzazzjoni. L-għan huwa li jiġu garantiti s-sikurezza, l-effikaċja u l-kwalità tal-prodotti mediċinali. Ladarba jitqiegħed fis-suq, is-sikurezza ta' prodott mediċinali tkompli tiġi sorveljata tul il-ħajja kollha tiegħu permezz tas-sistema ta' farmakoviġilanza tal-UE.
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ġiet stabbilita fl-1995 u hija network Ewropew li jinkludi 'l fuq minn 40 awtorità regolatorja nazzjonali. Dan jiggarantixxi skambju u fluss ta' informazzjoni kostanti fir-rigward tal-valutazzjoni xjentifika ta' prodotti mediċinali fl-UE.
Jeżisti wkoll qafas regolatorju Ewropew għall-apparat mediku. Dan jiżgura s-sikurezza u l-effikaċja tal-apparat mediku u jiffaċilita l-aċċess tal-pazjenti għal apparat fis-suq Ewropew.
Fit-30 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda li jaġġornaw il-liġi dwar l-apparati mediċi sabiex jgħinu fil-prevenzjoni tal-iskarsezzi u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn aktar trasparenza u aċċess għall-informazzjoni. Dawn ir-regoli emendaw il-leġiżlazzjoni dwar l-apparati mediċi, inkluż l-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro (IVDs), billi:
- jestendi aktar il-perjodu ta' tranżizzjoni għal ċerti IVDs
- jippermetti l-introduzzjoni gradwali tal-EUDAMED, il-bażi tad-data elettronika l-ġdida
- jirrikjedi li l-manifatturi javżaw minn qabel dwar skarsezzi potenzjali ta' apparati mediċi u IVDs kritiċi
Theddid transfruntier għas-saħħa
L-UE u l-istati membri tagħha jikkoordinaw u jikkooperaw fil-qasam tas-sigurtà tas-saħħa. Il-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet hija r-responsabbiltà tal-istati membri. Madankollu, l-UE għandha l-kompetenza li tappoġġa, tikkoordina u tikkomplementa l-azzjonijiet nazzjonali.
Il-viġilanza, it-twissija bikrija u l-miżuri ta' tħejjija u rispons għall-ġlieda kontra theddid transfruntier serju għas-saħħa huma elementi essenzjali biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea.
Iċ-Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jipprovdi lill-istati membri tal-UE b'pariri xjentifiċi indipendenti, assistenza u għarfien espert dwar it-theddid għas-saħħa pubblika, bħal mard li jittieħed.
Id-deċiżjoni fl-2013 li jitjieb l-istat ta' tħejjija u tissaħħaħ il-kapaċità għal rispons koordinat għal emerġenzi tas-saħħa kienet pass importanti fil-bini ta' qafas tal-UE għas-sigurtà tas-saħħa aktar robust. Id-deċiżjoni ssaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, korp magħmul minn rappreżentanti tal-istati membri, fl-indirizzar ta' theddid transfruntier serju għas-saħħa.
L-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19 wasslet lill-pajjiżi tal-UE biex itejbu r-reżiljenza tal-UE fir-rispons għal pandemiji futuri.
Fl-2022, l-UE adottat sett ta' regolamenti (l-hekk imsejjaħ il-pakkett tal-"Unjoni Ewropea tas-Saħħa") sabiex ikompli jissaħħaħ il-qafas tal-UE għas-sigurtà tas-saħħa, u jissaħħaħ ir-rwol tal-aġenziji ewlenin tal-UE fil-ġestjoni tat-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet.
Il-promozzjoni tas-saħħa u l-ġlieda kontra l-mard
Kanċer
Il-kanċer huwa t-tieni kawża ta' mortalità u huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-imwiet prematuri fl-UE. Fl-2020, madwar 2.7 miljun persuna fl-Unjoni instab li kellhom kanċer. Barra minn hekk, 52% tal-imwiet okkupazzjonali fl-UE kull sena huma kkważati mill-kanċer (Sors: Kummissjoni Ewropea).
Minbarra l-impatt dirett li l-kanċer għandu fuq is-saħħa u l-benesseri tal-individwi, il-kanċer għandu wkoll impatt fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u dawk soċjali, il-baġits pubbliċi, il-produttività u t-tkabbir tal-ekonomija, inkluż forza tax-xogħol b'saħħitha.
Fl-2003, il-Kunsill approva rakkomandazzjoni dwar l-iskrinjar tal-kanċer, li tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jimplimentaw programmi ta' skrinjar ibbażati fuq il-popolazzjoni u b'assigurazzjoni tal-kwalità. Wara r-rapport ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni u l-aħħar data xjentifika, il-Kunsill irreveda r-rakkomandazzjoni tal-2003 biex jiżgura li aktar nies ikunu jistgħu jiġu koperti mill-iskrinjar tal-kanċer.
Billi r-rakkomandazzjoni preċedenti għall-iskrinjar tal-kanċer mill-2003 kienet limitata għall-kanċer tas-sider, dak ċervikali u dak kolorettali, fl-2022 l-istati membri qablu li l-enfasi tingħata wkoll lill-kanċer tal-pulmun, tal-prostata u tal-istonku.
F'Ġunju 2024, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li għandha l-għan litiġġieled il-kanċers li jistgħu jiġu evitati bil-vaċċini fl-UE billi ssaħħaħ it-teħid tal-vaċċini kontra l-virus tal-papilloma uman (HPV) u l-virus tal-Epatite B (HBV).
Ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li tappoġġa lill-istati membri biex iżidu r-rati tat-tilqim u jtejbu l-monitoraġġ tal-kopertura tat-tilqim.
L-UE għandha wkoll diversi liġijiet biex tipproteġi lill-ħaddiema minn perikli u sustanzi kimiċi perikolużi, inkluż sustanzi karċinoġeniċi u mutaġeniċi u ċ-ċomb.
Il-ġlieda tal-UE kontra l-kanċer
Il-ġlieda kontra l-kanċer hija waħda mill-prijoritajiet tal-UE fil-politika tas-saħħa.
"Il-pjan tal-Ewropa biex jingħeleb il-kanċer" jindirizza kull stadju tal-marda, mill-prevenzjoni sal-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer, u jiffoka fuq azzjonijiet li jkopru diversi oqsma ta' politika.
Il-pjan jipprova jreġġa' lura x-xejra ta' numri li qed jiżdiedu ta' każijiet tal-kanċer madwar l-UE, u jibni futur aktar b'saħħtu, aktar ġust u aktar sostenibbli għal kulħadd.
Il-ministri tal-UE ddiskutew l-unjoni Ewropea tas-saħħa f'Diċembru 2021 u appellaw biex tkompli tissaħħaħ il-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll il-prevenzjoni, id-detezzjoni u t-trattament bikrija tal-kanċer.
- Konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, 7 ta' Diċembru 2021
- Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 6-7 ta' Diċembru 2021
Il-pjan tal-Ewropa biex jingħeleb il-kanċer ser jiġi appoġġat minn azzjonijiet li jkopru oqsma ta' politika mill-impjieg, l-edukazzjoni, il-politika soċjali u l-ugwaljanza, għall-kummerċjalizzazzjoni, l-agrikoltura, l-enerġija, l-ambjent u l-klima, għat-trasport, il-politika ta' koeżjoni u t-tassazzjoni. Skopri aktar rigward il-pjan dwar il-kanċer tal-Ewropa.
Tabakk
Il-konsum tat-tabakk huwa l-akbar riskju waħdieni evitabbli għas-saħħa, u l-kawża l-aktar sinifikanti ta' mewt prematura fl-UE, responsabbli għal kważi 700 000 mewta kull sena. Madwar 50% ta' dawk li jpejpu jmutu qabel iż-żmien (medja ta' 14-il sena qabel dawk li ma jpejpux).
Id-direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk tistabbilixxi regoli li jirregolaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati biex jiġu protetti l-konsumaturi fl-UE. Direttiva oħra dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat introduċiet taxxi għoljin fuq il-prodotti tat-tabakk, u għandha l-għan li tnaqqas l-użu tat-tabakk, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ.
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar ambjenti bla tipjip tappella lill-istati membri tal-UE biex jipproteġu lin-nies milli jkunu esposti għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet pubbliċi u fuq il-post tax-xogħol.
Reżistenza għall-antimikrobiċi
Ir-reżistenza antimikrobika (AMR) isseħħ meta mikrobi bħall-batterji jiżviluppaw reżistenza għal mediċina waħda jew aktar. Ir-reżistenza antimikrobika qed tiżdied, minħabba l-użu żejjed tal-antibijotiċi u r-rimi mhux xieraq tal-mediċini. Tikkawża madwar 35 000 mewta kull sena fl-UE (data mill-2020). Din is-sitwazzjoni hija aggravata aktar minħabba n-nuqqas ta' żvilupp ta' mediċini antimikrobiċi ġodda.
Fit-13 ta' Ġunju 2023, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni mmirata lejn it-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) fl-oqsma tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent.
Ħames raġunijiet biex nagħtu importanza lir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) (Infografika)
Tilqim
Il-politika dwar it-tilqim hija kompetenza tal-istati membri. L-UE tipprovdi assistenza lill-istati membri fil-koordinazzjoni tal-politiki u l-programmi tagħhom.
F'Diċembru 2018, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE kontra l-mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim. Din l-inizjattiva tistabbilixxi gwida dwar l-indirizzar tal-eżitazzjoni għat-tilqim, it-titjib tal-kopertura tat-tilqim, il-promozzjoni tal-koordinazzjoni tal-akkwist tat-tilqim u l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni. Tħeġġeġ ukoll lill-istati membri jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet nazzjonali ta' tilqim.
F'Diċembru 2022, il-ministri tal-UE għas-saħħa approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tilqim bħala waħda mill-aktar għodod effettivi għall-prevenzjoni tal-mard u t-titjib tas-saħħa pubblika. Huma jenfasizzaw li l-istati membri jistgħu jibbenefikaw minn approċċ tal-UE saħansitra aktar ikkoordinat dwar it-tilqim biex jipprevjenu u jillimitaw it-tixrid ta' epidemiji u mard li jista' jiġi evitat bit-tilqim. Il-konklużjonijiet jiffukaw fuq żewġ oqsma ta' azzjoni: il-ġlieda kontra l-eżitazzjoni għat-tilqim u t-tħejjija għall-isfidi li ġejjin permezz tal-kooperazzjoni tal-UE.
Sikurezza ta' sustanzi ta' oriġini umana
Ħafna trattamenti ta' kundizzjonijiet serji jiddependu fuq id-disponibbiltà ta' demm, tessuti u ċelloli.
Fl-2002 u l-2004 l-UE adottat leġiżlazzjoni biex tipproteġi lill-pazjenti li jirċievu demm, tessuti u ċelloli u tistabbilixxi rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kwalità u s-sikurezza għall-passi kollha mid-donazzjoni sat-trattament u s-segwitu. Din il-leġiżlazzjoni tal-UE żgurat is-sikurezza għal miljuni ta' pazjenti li jirċievu trasfużjoni tad-demm u trapjanti.
Fis-27 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda mmirati lejn it-titjibtas-sikurezza u l-kwalità tad-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli użati fil-kura tas-saħħa u l-iffaċilitartaċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta' dawn is-sustanzi fl-UE.
Ir-regoli l-ġodda jsaħħu l-qafas legali eżistenti filwaqt li jżidu wkoll il-flessibbiltà sabiex ilaħħqu mal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi. Il-ftehim dwar ir-regoli l-ġodda jiftaħ il-kamp ta' applikazzjoni biex ma jkunx jinkludi biss demm, tessuti u ċelloli, u biex jinkludi wkoll ħalib tas-sider uman u mikrobijota intestinali.
Saħħa mentali
Saħħa mentali tajba hija stat ta' benesseri li fih in-nies jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, ikampaw mal-istress, jaħdmu u jikkontribwixxu għall-ħajja komunitarja. Madankollu, il-piż tal-problemi tas-saħħa mentali fl-UE huwa tqil ħafna.
It-titjib tas-saħħa mentali huwa ħtieġa soċjali u ekonomika għall-UE u l-istati membri tagħha li saret aktar evidenti mill-pandemija tal-COVID-19 'l hawn.
Fl-2023, taħt il-presidenza Spanjola, il-Kunsill adotta konklużjonijiet biex tingħata prijorità lis-saħħa u l-benesseri mentali, b'enfasi partikolari fuq l-aktar kwistjonijiet urġenti u l-aktar gruppi vulnerabbli bħan-nies li jagħmlu xogħol prekarju u ż-żgħażagħ.
Servizzi elettroniċi tas-saħħa
Il-Kummissjoni Ewropea inkludiet is-servizzi elettroniċi tas-saħħa bħala wieħed mis-setturi ewlenin fl-aġenda tagħha għat-trasformazzjonijiet diġitali. Servizzi elettroniċi tas-saħħa tirreferi għal għodod u servizzi li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) biex itejbu l-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-mard.
Il-kriżi tal-COVID-19 uriet l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali fis-setturi tas-saħħa u tal-kura. Id-diġitalizzazzjoni tista' ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, l-effiċjenza u r-rispons ġenerali tagħhom għall-pandemija.
Lejn Ewropa diġitali (Infografika)
Ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19
Mindu bdiet il-pandemija, l-UEħadmet mal-istati membri biex issaħħaħ is-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali u trażżan it-tixrid tal-virus. L-UE kkoordinat l-azzjoni fil-livell tal-UE abbażi tal-aqwa xjenza disponibbli u tat rakkomandazzjonijiet lill-pajjiżi tal-UE dwar miżuri tas-saħħa pubblika.
- iż-żieda fil-kapaċità għall-produzzjoni ta' tilqim sigur u effettiv, permezz tal-istrateġija tal-UE dwar it-tilqim
- l-iżgurar tal-forniment ta' provvisti mediċi u tagħmir ta' protezzjoni personali permezz ta':
- il-ħarsien tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern
- l-akkwistkonġunt u l-ħolqien ta' riżerva Ewropea komuni taħt RescEU
- l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni għat-trattamenti u t-tilqim
Ir-rispons ta' emerġenza tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 (Infografika)
Finanzjament: il-programm l-UE għas-Saħħa
L-UE għas-Saħħa huwa l-programm il-ġdid tal-UE fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027. Il-pandemija tal-COVID-19 għandha impatt kbir fuq il-pazjenti, il-persunal mediku u tal-kura tas-saħħa, u s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa. Dan il-programm huwa rispons qawwi għall-pandemija tal-COVID-19, iżda jżomm ukoll enfasi fuq azzjonijiet fit-tul tal-UE fil-qasam tas-saħħa. Għandu l-għan li jtejjeb is-saħħa pubblika fl-UE u li permezz tiegħu l-Unjoni titħejja aħjar biex tkampa ma' kriżijiet futuri fil-qasam tas-saħħa.
Il-programm jinvesti €5.3 biljun, billi jipprovdi finanzjament lil entitajiet eliġibbli, organizzazzjonijiet tas-saħħa u NGOs minn pajjiżi tal-UE, jew pajjiżi mhux tal-UE assoċjati mal-programm.
L-objettivi ewlenin tal-programm huma:
- it-titjib u t-trawwim tas-saħħa fl-UE
- il-protezzjoni tan-nies fl-Unjoni minn theddid transfruntier serju għas-saħħa
- il-mediċini jsiru disponibbli u affordabbli
- it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, ir-reżiljenza tagħhom u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi
Ir-rwol tal-Kunsill fil-politika tal-UE dwar is-saħħa
Bħal f'oqsma ta' politika oħrajn, il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE, anke fil-politika dwar is-saħħa.
Fil-qasam tas-saħħa, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jinnegozja u jadotta l-liġijiet tal-UE u jikkoordina l-politiki tal-istati membri. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni, fil-maġġoranza tal-każijiet il-Kunsill jaġixxi flimkien mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill jista' jindirizza wkoll rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa pubblika lill-istati membri tal-UE.
Il-kwistjonijiet tas-saħħa jiġu diskussi fil-konfigurazzjoni tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO).
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' April 2026