Lesti għall-mira ta' 55%: innaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart
L-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050 u li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
Wieħed mill-elementi li ser jikkontribwixxi għal dawk l-għanijiet huwa r-reviżjoni tar-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (ESR), li jaġġorna l-miri attwali tal-istati membri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 f'setturi bħat-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart.
F'Ġunju 2022 il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-regolament rivedut. Intlaħaq qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew f'Novembru 2022.
Il-Kunsill adotta formalment ir-regolament rivedut dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi f'Marzu 2023.
Reviżjoni tar-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi - x'inhi
Ir-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (ESR) jistabbilixxi mira għal kull stat membru biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'għadd ta' setturi ekonomiċi, li bħalissa jirrappreżentaw madwar 60% tal-emissjonijiet totali tal-UE. L-UE qed tirrevedi dan ir-regolament biex tallinjah mal-għanijiet klimatiċi ambizzjużi ġodda tagħha.
Liema setturi huma koperti?
- Trasport bit-triq
- Bini
- Agrikoltura
- Skart
- Industriji żgħar
Dawn is-setturi mhumiex koperti mill-iskema attwali tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), li tkopri installazzjonijiet kbar, impjanti tal-enerġija u l-avjazzjoni kummerċjali (reviżjoni tal-ETS proposta bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" testendi l-ambitu tal-ETS għat-trasport marittimu).
Taħt il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", hija proposta skema ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u t-trasport bit-triq li ser tkun koperta kemm taħt ir-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi kif ukoll l-ETS il-ġdida.
X'jittrattaw ir-regoli l-ġodda?
Bir-regoli aġġornati, l-UE timmira li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-setturi tal-ESR b'40% sal-2030.
Il-mira bħalissa għall-2030: Tnaqqis ta' 29%
Il-mira l-ġdida għall-2030: Tnaqqis ta' 40%
(meta mqabbel mal-livelli tal-2005)
Miri nazzjonali
- Kull stat membru jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f'dawn is-setturi.
- Ir-regolament propost jistabbilixxi miri ġodda u vinkolanti għall-2030 għal kull stat membru, u jiddefinixxi limiti ta' emissjonijiet nazzjonali annwali li jwasslu progressivament għal dawk il-miri nazzjonali tal-2030.
- Il-miri huma stabbiliti b'mod ġust u kosteffettiv li jqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali
- It-trajettorji tal-emissjonijiet nazzjonali għal kull stat membru jistgħu jiġu aġġustati fl-2025 jekk dan jitqies neċessarju fid-dawl tal-impatti tal-COVID-19 jew avvenimenti oħra mhux previsti fl-emissjonijiet.
Flessibbiltajiet biex jgħinu lill-istati membri jilħqu l-miri tagħhom
- Krediti: jekk pajjiż ikollu inqas emissjonijiet mil-limitu annwali tiegħu, jista' juża parti mis-surplus għas-sena ta' wara
- Self: jekk pajjiż ikollu aktar emissjonijiet mill-allokazzjoni annwali tiegħu, jista' jissellef mill-allokazzjoni tas-sena ta' wara
- Skambju: pajjiżi jistgħu jixtru u jbigħu bejniethom l-allokazzjonijiet żejda
Kif ukoll:
- Sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet: xi pajjiżi jistgħu jużaw ammont limitat ta' allokazzjonijiet mill-EU ETS biex jilħqu l-miri tal-ESR
- Regolament dwar l-użu tal-art u l-forestrija: kwantità limitata ta' krediti mill-assorbimenti tal-karbonju taħt ir-regolament LULUCF dwar l-użu tal-art u l-forestrija tista' tintuża biex jintlaħqu l-miri tal-ESR
Kif ir-regolament il-ġdid jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika?
- It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju ta' setturi ekonomiċi ewlenin
- It-tqassim tal-piż fost l-istati membri b'mod ġust u kosteffettiv
Ir-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi huwa marbut mill-qrib ma':
- Sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS)
- Regolament dwar l-użu tal-art u forestrija (LULUCF)
- Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%": il-Kunsill jadotta regolamenti dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi u dwar is-settur tal-użu tal-art u tal-forestrija (stqarrija għall-istampa, 28 ta' Marzu 2023)
- "Lesti għall-mira ta' 55%": l-UE ssaħħaħ il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-istati membri (stqarrija għall-istampa, 8 ta' Novembru 2022)
- Pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%": il-Kunsill jilħaq approċċi ġenerali relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-impatti soċjali tagħhom (stqarrija għall-istampa, 29 ta' Ġunju 2022)
- Lesti għall-mira ta' 55% (informazzjoni ġenerali)
- Lesti għall-mira ta' 55%: ir-riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (infografika)
- Lesti għall-mira ta' 55%: nilħqu l-għanijiet klimatiċi fis-setturi tal-użu tal-art u l-forestrija (infografika)
- Patt Ekoloġiku Ewropew (informazzjoni ġenerali)
L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025