Rati tal-VAT imnaqqsa għal kotba, gazzetti u perjodiċi elettroniċi
Il-Kunsill ħadem fuq proposta biex jemenda d-direttiva eżistenti dwar il-VAT tal-UE sabiex l-istati membri jkunu jistgħu japplikaw, jekk ikunu jixtiequ, rati tal-VAT imnaqqsa għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi bħal kotba, gazzetti u perjodiċi elettroniċi.
L-abbozz ta' proposta huwa parti mill-isforz aktar wiesa' tal-UE biex timmodernizza t-taxxa fuq il-valur miżjud għall-ekonomija diġitali fil-kuntest tal-istrateġija tal-UE għal suq uniku diġitali.
Il-Kunsill qabel dwar il-proposta f'Ottubru 2018. Id-direttiva ser tkun adottata mingħajr aktar diskussjoni ladarba t-test jiġi ffinalizzat bil-lingwi uffiċjali kollha.
Il-proposta għalfejn saret?
Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, il-pubblikazzjonijiet elettroniċi huma imposti rata tal-VAT standard (minimu ta' 15%). Għall-kuntrarju ta' dan, pubblikazzjonijiet fuq mezzi materjali jistgħu jgawdu minn rati ferm aktar baxxi, li xi drabi jistgħu jitnaqqsu sa 0%.
Ir-regoli emendati tal-VAT tal-UE għandhom jikkontribwixxu biex l-UE tkompli ssegwi l-istrateġija tagħha għal suq uniku diġitali u, f'sens aktar wiesa', biex jgħinuha żżomm mal-pass tal-progress teknoloġiku fl-ekonomija diġitali.
Elementi ewlenin tal-abbozz ta' direttiva emendata
Il-proposta tirrikjedi emendi għal żewġ artikoli u l-anness III tad-direttiva attwali tal-VAT tal-UE (2006/112/KE). Bażikament, l-emendi jirreferu għall-format tal-pubblikazzjonijiet li għalihom tkun tista' tiġi applikata rata tal-VAT imnaqqsa.
L-abbozz ta' emenda tispeċifika wkoll li "il-forniment ta' kontenut li hu purament magħmul minn mużika jew minn vidjo jibqa' jiġi ntaxxat bir-rata standard tal-VAT".
Skont il-proposta, ir-rata standard tibqa' wkoll tapplika għal pubblikazzjonijiet li jikkonsistu "b'mod predominanti" minn kontenut ta' mużika u ta' vidjo. L-istati membri jkollhom id-diskrezzjoni li jispeċifikaw it-terminu "b'mod predominanti" fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-VAT. Din is-soluzzjoni tkun tippermetti li l-istati membri jibqgħu japplikaw rata mnaqqsa għall-kotba awdjo, għall-gazzetti u l-perjodiċi awdjo għan-nies li għandhom nuqqas ta' vista.
Proċedura leġislattiva
Peress li d-direttiva hija fil-qasam tat-taxxa, tapplika l-proċedura leġislattiva speċjali. Skont din il-proċedura, il-Kunsill jadotta atti legali wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.
-
1 ta' Jannar
Fil-Kunsill
-
2018
2 ta' OttubruIl-Kunsill jaqbel li jippermetti rati tal-VAT imnaqqsa fuq il-pubblikazzjonijiet elettroniċi
Fit-2 ta' Ottubru, il-Kunsill laħaq qbil dwar proposta li tippermetti lill-istati membri japplikaw rati mnaqqsa, rati mnaqqsa ħafna jew rati żero tal-VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi, u b'hekk ikunu jistgħu jallinjaw ir-regoli tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi u fiżiċi.
Madankollu, ir-rati mnaqqsa ħafna u r-rati żero ser ikunu permessi biss għall-istati membri li qegħdin japplikawhom bħalissa għall-pubblikazzjonijiet "fiżiċi".
Ir-regoli l-ġodda ser japplikaw temporanjament, sakemm tiddaħħal sistema tal-VAT ġdida "definittiva". Il-Kummissjoni ħarġet proposti għas-sistema l-ġdida, li permezz tagħha l-istati membri jkollhom aktar flessibbiltà fl-istabbiliment tar-rati tal-VAT milli għandhom bħalissa.
Id-direttiva ser tkun adottata mingħajr aktar diskussjoni ladarba t-test jiġi ffinalizzat bil-lingwi uffiċjali kollha.
-
2018
13 ta' LuljuIl-Kunsill iddiskuta proposta dwar rata tal-VAT imnaqqsa għal pubblikazzjonijiet elettroniċi
Fit-13 ta' Lulju, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-proposta dwar rati tal-VAT imnaqqsa għal pubblikazzjonijiet elettroniċi. Il-ministri ma setgħux jaslu għal ftehim u qablu li jerġgħu jiddiskutuha fil-Kunsill li jmiss f'Ottubru.
-
2018
25 ta' MejjuIl-Kunsill iddiskuta proposta dwar rati tal-VAT imnaqqsa għal pubblikazzjonijiet elettroniċi
Fil-25 ta' Mejju, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-proposta dwar rati tal-VAT imnaqqsa għal pubblikazzjonijiet elettroniċi. Il-ministri ma setgħux jilħqu ftehim f'dan l-istadju.
-
2017
16 ta' ĠunjuIl-Kunsill jiddiskuti proposta ta' kompromess dwar il-VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi
Fis-16 ta' Ġunju, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-proposta ta' kompromess mill-presidenza tal-Kunsill dwar ir-regoli l-ġodda tal-VAT, bl-għan li jintlaħaq ftehim (l-approċċ ġenerali tal-Kunsill), madankollu, ma kienx hemm qbil.
Dan ser ikun mistenni fit-tieni nofs tal-2017.
-
2017
21 ta' MarzuIl-Kunsill jiddiskuti l-proposta dwar ir-rati tal-VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi
Fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta biex tiddaħħal l-applikazzjoni ta' rati tal-VAT imnaqqsa għal pubblikazzjonijiet elettroniċi.
Id-diskussjoni ffukat fuq il-possibbiltà li japplikaw mhux biss rati tal-VAT “imnaqqsa”, iżda anki rati “imnaqqsa ħafna” u “żero” għal pubblikazzjonijiet elettroniċi.
Il-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa ser ikompli l-ħidma tiegħu fuq il-proposta fid-dawl tal-kummenti tal-ministri.
-
2016
14 ta' DiċembruIl-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa jibda jaħdem fuq il-proposta
Il-korp preparatorju tal-Kunsill - il-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa - beda jaħdem fuq il-proposta.
-
2016
1 ta' DiċembruIl-Kummissjoni toħroġ il-proposta biex tiġi emendata d-direttiva tal-VAT tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-direttiva 2006/112/KE rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi.
Il-proposta hija parti mill-pakkett dwar il-VAT għas-suq uniku diġitali li, flimkien mal-proposta dwar il-pubblikazzjonijiet elettroniċi, jinkludi inizjattivi leġislattivi bl-għan li:
- jiffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali
- jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT
- jiżguraw kompetizzjoni ġusta għan-negozji tal-UE
-
2016
25 ta' MejjuIl-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ proposta dwar il-VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT li jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex, sa tmiem l-2016, tippreżenta proposta leġislattiva li tkun tintegra dispożizzjonijiet rigward ir-rati tal-VAT għal pubblikazzjonijiet elettroniċi fil-kuntest tal-inizjattivi dwar is-suq uniku diġitali.