Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Frar 2017 10:30

Żona Schengen: il-Kunsill jirrakkomanda l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni

Fis-7 ta' Frar 2017, il-Kunsill adotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tistabbilixxi rakkomandazzjoni li testendi l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

Mill-11 ta' Frar 2017, meta tiskadi d-deċiżjoni ta' qabel, l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja għandhom jestendu kontrolli proporzjonati u temporanji fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' tliet xhur fil-fruntieri interni li ġejjin:

  • Awstrija fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u s-Slovenja
  • Ġermanja fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija
  • Danimarka fil-portijiet Daniżi b'konnessjonijiet bil-vapur lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja
  • Żvezja fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont ta' Öresund
  • Norveġja fil-portijiet Norveġiżi b'konnessjonijiet bil-vapur lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja

Qabel jestendu dawn il-kontrolli, dawk l-istati membri kkonċernati jeħtieġ jagħmlu skambju ta' fehmiet mal-istati membri rilevanti biex jiżguraw li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss fejn jitqiesu neċessarji u proporzjonati. Għandhom jiżguraw ukoll li kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss bħala l-aħħar soluzzjoni meta miżuri alternattivi oħra ma jistgħux jiksbu l-istess effett.

Il-kontrolli fil-fruntieri għandhom ikunu mmirati u limitati fl-ambitu, fil-frekwenza, fil-post u fiż-żmien, għal dak li huwa strettament meħtieġ b'risposta għat-theddida serja għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna li tirriżulta mir-riskju kontinwu tal-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari.

Kull ġimgħa l-istati membri li jagħmlu dawn il-kontrolli għandhom jivverifikaw kull ġimgħa jekk għadhomx meħtieġa u jaġġustawhom għal-livell tat-theddida, u jeliminawhom gradwalment kull fejn ikun xieraq. Huma għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kull xahar.

Kuntest

Skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-Kummissjoni tista' tipproponi rakkomandazzjoni, li għandha tiġi adottata mill-Kunsill permezz ta' maġġoranza kwalifikata, biex jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fil-partijiet kollha jew f'partijiet speċifiċi tal-fruntiera ta' stat membru wieħed jew aktar bħala l-aħħar soluzzjoni. Dawn jistgħu jiġu introdotti għal perjodu massimu ta' sitt xhur. Il-kontrolli jistgħu jiġu estiżi b'perjodi addizzjonali ta' sitt xhur għal massimu ta' sentejn.

Fl-4 ta' Mejju 2016, fil-kuntest tal-kriżi migratorja, il-Kummissjoni qieset il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen milħuqa u ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill. Dan seħħ minħabba nuqqasijiet gravi biex jiġu żgurati kontrolli effiċjenti f'partijiet tal-fruntieri esterni tal-UE, li poġġew il-funzjonament taż-żona Schengen kollha f'riskju.

Fit-12 ta' Mejju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lil ħames stati ta' Schengen l-aktar affettwati (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja) biex iżommu kontrolli temporanji u proporzjonati fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' sitt xhur sabiex jirrispondu għat-theddida serja għas-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna li rriżultat mill-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari.

Fil-11 ta' Novembru 2016, minħabba s-sitwazzjoni fraġli u l-fdal tal-pressjoni fuq l-istati membri l-aktar affettwati minn dawn il-movimenti, il-Kunsill irrakkomanda li dawn l-istati membri jestendu kontrolli temporanji proporzjonati għal perjodu massimu ta' tliet xhur.

Fil-25 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tirrakkomanda lill-ħames stati ta' Schengen biex jestendu l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għal perjodu massimu ieħor ta' tliet xhur.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024