- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Ġunju 2017 12:45
ETS/avjazzjoni: l-iżgurar taċ-ċertezza legali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet wara l-2016
Fil-21 ta' Ġunju, l-Ambaxxaturi tal-UE qablu dwar il-pożizzjoni biex jiġu estiżi wara l-2016 id-dispożizzjonijiet eżistenti li jkopru attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u biex wieħed iħejji għall-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażatafuq is-suq mill-2021. Issa l-Kunsill jinsab lest li jibda jinnegozja mal-Parlament Ewropew.
Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid hija reazzjoni għall-qbil li ntlaħaq f'Ottubru 2016 mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) biex tiddaħħal miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 sabiex tirregola l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali permezz ta' sistema ta' kumpens, magħrufa wkoll bħala CORSIA (Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali). L-UE tappoġġa din il-miżura u għandha l-għan li tissieħeb fl-ewwel fażi, li hija volontarja.
Il-qbil li ntlaħaq fi ħdan il-Kunsill jappoġġa l-elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni:
- jinżammu l-limiti attwali fl-ambitu tal-EU ETS, partikolarment billi tiġi estiża d-deroga għal titjiriet barra ż-ŻEE;
- jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal rieżami bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq fi ħdan l-UE, partikolarment fid-direttiva dwar l-ETS, ladarba jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha tal-ICAO;
- soġġett għal dan ir-rieżami, tiġi prevista l-applikazzjoni tal-Fattur Lineari ta' Tnaqqis (LRF) għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru mill-2021 'il quddiem fis-settur tal-avjazzjoni.
Barra minn hekk, it-test tal-proposta tal-Kummissjoni ġie emendat, b'mod partikolari biex jiġi ċċarat il-proċess ta' rieżami.
Il-proposta għandha tiġi adottata sal-aħħar ta' din is-sena sabiex tiġi evitata lakuna legali fir-rigward tal-konformità mar-regolament attwali dwar l-ETS fl-2017 u biex tkun żgurata ċertezza għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-awtoritajiet ta' ġestjoni. Id-dati għar-rapportar u ċ-ċediment ta' kwoti ta' emissjonijiet ikunu l-1 ta' April 2017 u l-1 ta' Mejju 2018 rispettivament.
Il-passi li jmiss u l-kuntest
Fil-Parlament Ewropew, il-vot fil-Kumitat ENVI dwar l-abbozz ta' rapport tal-proposta huwa skedat għall-11 ta' Lulju u l-vot fil-plenarja mhux mistenni qabel Settembru.
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta fit-3 ta' Frar 2017 u ppreżentatha lill-Kunsill Ambjent fit-28 ta' Frar.
ETS u l-ICAO - kuntest
L-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tnediet fl-2005 biex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra fil-livell tal-UE. Is-settur tal-avjazzjoni huwa parti mir-regolament eżistenti dwar l-ETS. L-emissjonijiet mill-avjazzjoni jikkontribwixxu wkoll għall-mira tal-UE li tnaqqas 20% tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
Għandu jiġi mfakkar li fl-2014, l-UE iddeċidiet li tnaqqas l-ambitu tal-iskema tal-ETS biex din tapplika biss għal titjiriet fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) sabiex jiġi ffaċilitat il-progress fin-negozjati fi ħdan l-ICAO, u bit-tama li tinkiseb ċarezza fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet internazzjonali li jikkollegaw il-pajjiżi taż-ŻEE u pajjiżi terzi. Id-deroga għal titjiriet barra ż-ŻEE imbagħad saret limitata fiż-żmien sa l-aħħar tal-2016.
Ir-riforma tal-ETS bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata għall-perijodu 2021–2030. Rieżami tar-riforma huwa ppjanat għal meta l-obbligi legali tal-ICAO isiru ċari għall-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq. Ser tiġi żgurata wkoll konsistenza mal-impenn tal-UE, taħt il-Ftehim ta' Pariġi, li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b'mill-inqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
Il-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO għandha l-għan li tnaqqas iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra fis-settur tal-avjazzjoni u tistabbilizza n-numri fil-livelli tal-2020. L-applikazzjoni tal-miżura ser tkun obbligatorja għal pajjiżi ewlenin fil-qasam tal-avjazzjoni fl-2027, iżda l-fażi inizjali ser titnieda fl-2021, sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jibdew jipparteċipaw kmieni fuq bażi volontarja.
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024