- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 13 ta' Ottubru 2017 20:10
Ġestjoni aħjar tal-foresti u tal-art mill-UE biex tgħin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u jintlaħqu l-impenji ta' Pariġi
Fit-13 ta' Ottubru, il-Kunsill Ambjent qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu (approċċ ġenerali) dwar regolament li jistabbilixxi regoli ta' kontabbiltà u impenji vinkolanti ġodda għall-istati membri sabiex jiġi żgurat li l-użu tal-artijiet u tal-foresti madwar l-UE jsir aktar sostenibbli u ma jagħmilx ħsara lill-klima fuq il-perijodu 2021-2030. Dan ser jiżgura li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu u l-klima tiġi mħarsa aħjar.
Is-settur tal-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) ikopri l-użu tal-ħamrija, is-siġar, il-bijomassa u l-injam u għandu l-karatteristika partikolari li minbarra li jarmi l-gassijiet serra jista' wkoll jassorbi s-CO₂ mill-atmosfera.
Dan ir-regolament ser jiżgura li l-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha ġġenerati mis-settur tal-LULUCF jitqiesu fil-mira ġenerali tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet b'mill-anqas 40% sal-2030, kif maqbul fil-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u skont l-impenn meħud fil-Ftehim ta' Pariġi.
Is-settur LULUCF, flimkien ma' setturi oħra mhux koperti mill-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, ser ikollu jikkontribwixxi biex tintlaħaq dik il-mira billi jnaqqas l-emissjonijiet bi 30% sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005.
B'dan l-approċċ ġenerali, il-Kunsill huwa lest li jibda negozjati mal-Parlament Ewropew biex jasal għal qbil dwar test finali.
Il-foresti u l-artijiet tagħna għandhom potenzjal enormi li jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima. Ejjew nużawhom b'mod intelliġenti u li ma jagħmilx ħsara lill-klima. Dan ir-regolament ser jippermetti ħarsien aħjar tal-foresti tagħna u jtejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi ekoloġiċi tagħna. Dan huwa kruċjali għall-pjaneta tagħna u ser iqarribna lejn l-impenji tagħna tal-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima. Ninsabu lesti biex nibdew taħditiet mal-Parlament.
Siim Kiisler, Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika tal-Estonja
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tappoġġa ż-żewġ aspetti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni: ir-regoli ta' kontabbiltà aġġornati sabiex jiġi żgurat li jitqiesu l-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha għal dan il-perijodu, u l-impenn stabbilit mill-istati membri li l-emissjonijiet ma jaqbżux l-assorbimenti (ir-"regola ebda debitu").
Il-Kunsill, bħall-Kummissjoni, iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li kull pajjiż tal-UE jżomm bilanċ bejn l-emissjonijiet totali tiegħu minn dan is-settur u l-ammont ta' assorbiment ġġenerat ta' CO₂, pereżempju, permezz ta' tħawwil ġdid ta' foresti nazzjonali, raba' jew bwar, jew permezz ta' titjib fis-sorveljanza tagħhom. Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill inkluda wkoll il-flessibbiltajiet proposti biex jgħinu l-Istati Membri jikkonformaw ma' din ir-regola.
Madankollu, il-Kunsill irid li l-livelli ta' referenza għall-foresti nazzjonali jiġu determinati abbażi tal-perijodu ta' referenza storiku ta' bejn l-2000 u l-2009, u mhux il-perijodu ta' bejn l-1990 u l-2009 issuġġerit fil-bidu mill-Kummissjoni.
Barra minn hekk, il-Kunsill qabel li jintroduċi flessibbiltà tal-art forestali ġestita fil-forma ta' mekkaniżmu ta' kumpens sa massimu ta' 360 miljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti fuq 10 snin, li jikkorrispondu għall-bir b'assorbiment medju annwali għall-perijodu bejn l-2000 u l-2009. L-għan ewlieni huwa li jiġu assistiti dawk l-istati membri li x'aktarx isibuha diffiċli biex jikkonformaw mar-"regola ebda debitu", minkejja li jkunu għamlu sforzi bikrin biex iżommu jew isaħħu l-bjar tal-foresti tagħhom.
L-istati membri kollha jistgħu jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu matul il-perijodu bejn l-2021 u l-2030. Madankollu, japplikaw ċerti kondizzjonijiet stretti. Pereżempju, ir-"regola ebda debitu" għandha tiġi ssodisfata għall-UE fl-intier tagħha qabel ma jkun jista' jintuża l-mekkaniżmu. B'hekk, l-ambizzjoni tal-politika tal-klima tal-UE tinżamm kompletament.
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirċievu kumpens bil-kondizzjoni li l-foresti nazzjonali tagħhom għadhom jiġġeneraw bir u li huwa sa ammont prestabbilit ikkalkolat għal kull stat membru abbażi tal-bir medju tagħhom fuq il-perijodu bejn l-2000 u l-2009. Din il-kondizzjoni tiżgura l-integrità ambjentali tal-mekkaniżmu.
Il-Kunsill indirizza ċ-ċirkostanzi partikolari tal-Finlandja bl-allokazzjoni ta' kumpens addizzjonali ta' 10 miljun tunnellata ta' CO₂ ekwivalenti għall-perijodu 2021-2030.
Il-kronoloġija u l-passi li jmiss
Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 billi stipula linji gwida ċari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-UE. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti għal żewġ regolamenti dwar is-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS: LULUCF u l-kondiviżjoni tal-isforzi.
Id-diskussjonijiet dwar is-setturi li mhumiex ETS evolvew b'mod parallel fil-Kunsill, minħabba d-diversi rabtiet bejn iż-żewġ proposti. Kien hemm dibattitu ta' orjentazzjoni fil-Kunsill Ambjent tas-17 ta' Ottubru 2016 u l-ministri għall-ambjent tal-UE ġew aġġornati dwar is-sitwazzjoni attwali fid-19 ta' Diċembru 2016. F'Ġunju 2017, il-Kunsill Ambjent iddiskuta l-progress li sar sa dakinhar dwar dawn il-fajls.
Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-LULUCF f'sessjoni plenarja nhar it-13 ta' Settembru 2017.
Bl-adozzjoni tal-lum ta' dan l-approċċ ġenerali, jistgħu jibdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew.
Kuntatti għall-istampa
-
Peristera Dimopoulou Press officer
- +32 471 33 53 26
- +32 2 281 61 56
- @eri_dimopoulou
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024