- Kunsill Ewropew
- Dikjarazzjoni u kummenti
- 23 ta' Frar 2018 20:00
Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħa informali tas-27 kap ta' stat jew ta' gvern fit-23 ta' Frar 2018
Illum iddiskutejna l-prijoritajiet politiċi tal-UE li aħna rridu nirriflettu fil-baġit pluriennali ta' wara l-2020. In-negozjati baġitarji dejjem huma diffiċli. Madankollu, din id-darba d-dibattitu qed isir f'kuntest ġeopolitiku differenti madwar l-Ewropa bil-ħsieb tal-Brexit. U ninsab kuntent li l-mexxejja qiesu dan b'moħħ miftuħ, aktar milli bħala xi ħaġa mhux negozjabbli. Qbilna li l-UE ser tonfoq aktar biex twaqqaf il-migrazzjoni illegali, fuq-id-difiża u s-sigurtà, kif ukoll fuq il-programm Erasmus+. Ħafna mill-mexxejja enfasizzaw l-importanza kontinwa tal-politika ta' koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni, l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-infrastruttura pan-Ewropea. Huwa ċar li l-prijoritajiet huma marbuta mad-daqs tal-baġit, u f'dan il-kuntest jeħtieġ li nindirizzaw in-nuqqas fid-dħul ikkawżat mill-Brexit.
Minkejja d-differenzi tas-soltu, il-mexxejja kollha jinsabu lesti jaħdmu fuq il-modernizzazzjoni tal-baġit u l-linji ta' politika tal-UE. U ħafna huma lesti jikkontribwixxu aktar għall-baġit ta' wara l-2020.
Fir-rigward tat-tempestività tan-negozjati tagħna, qbilna li għandna nagħmlu ħilitna biex inħaffu x-xogħol, meta mqabbel ma' negozjati preċedenti. Iżda li din is-sena naslu għal qbil fil-Kunsill Ewropew jidher li ser ikun tassew diffiċli. Ser inkunu nistgħu nivvalutaw aħjar is-sitwazzjoni ladarba jkollna l-proposta tal-Kummissjoni.
It-tieni diskussjoni kienet dwar l-istituzzjonijiet tal-UE, suġġett dwar l-hekk imsejħa bużżieqa ta' Brussell.
Tkellimna dwar il-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew wara l-2019. Il-mexxejja appoġġaw b’mod ġenerali l-idea li anqas Stati Membri għandu ifisser anqas siġġijiet, li jfisser tnaqqis tal-għadd ta’ Membri tal-Parlament Ewropew minn 751 għal 705.
Dwar il-kwistjoni tal-kandidati ewlenin — l-hekk imsejħa Spitzenkandidaten jew Spitzenkandidatinnen — kien hemm qbil li l-Kunsill Ewropew ma jistax jiggarantixxi bil-quddiem li hu ser jipproponi wieħed mill-kandidati ewlenin għal President tal-Kummissjoni Ewropea. Ma hemm l-ebda awtomatiċità f'dan il-proċess. It-Trattat huwa ċar ħafna li hija l-kompetenza awtonoma tal-Kunsill Ewropew li jinnomina l-kandidat, filwaqt li jqis l-elezzjonijiet Ewropej, u filwaqt li jkun għamel konsultazzjonijiet xierqa.
Fir-rigward tal-listi transnazzjonali, il-mexxejja ser jerġgħu lura għal din il-kwistjoni fil-futur.
Jean-Claude ppreżenta wkoll l-idea ta' fużjoni taż-żewġ karigi tagħna, iżda ħadd ma wera x-xewqa li jkompli jiddiskuti dan il-ħsieb. Speċjalment, minħabba l-fatt li dan inaqqas sostanzjalment ir-rwol tal-Istati Membri fl-UE.
Illum, infurmajt ukoll lill-mexxejja li ser nippreżenta l-abbozz tal-linji gwida dwar il-futur tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fis-summit ta' Marzu. L-intenzjoni tagħna hija li nadottaw dawn il-linji gwida, kemm jekk ir-Renju Unit hux lest bil-viżjoni tiegħu tar-relazzjonijiet futuri tagħna, jew le. Naturalment ikun ferm aħjar jekk dan kien il-każ. Iżda ma nistgħux nibqgħu nistennew. Nittama li l-ġimgħa d-dieħla jkolli aktar ħjiel dwar il-pjanijiet tar-Renju Unit, meta niltaqa' mal-Prim Ministru May f'Londra.
Illejla l-President Anastasiades u l-Prim Ministru Tsipras infurmawna dwar l-aħħar żviluppi rigward il-vjolazzjonijiet illegali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u fil-Baħar Eġew. F'isem il-mexxejja kollha tal-UE, nixtieq nesprimi s-solidarjetà tagħna ma' Ċipru u l-Greċja, u b'mod urġenti nappella lit-Turkija biex twaqqaf dawn l-attivitajiet. Nerġa' ntenni l-appoġġ tagħna għad-dritt sovran tar-Repubblika ta' Ċipru biex tesplora u tisfrutta r-riżorsi naturali tagħha, skont id-dritt tal-UE u dak internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar.
Dawn l-azzjonijiet jikkontradixxu l-impenn tat-Turkija għal relazzjonijiet tajbin mal-ġirien u n-normalizzazzjoni tagħhom mal-Istati Membri kollha. Aħna lesti nikkooperaw mat-Turkija u ser nivvalutaw waqt il-Kunsill Ewropew tagħna ta' Marzu jekk jeżistux il-kondizzjonijiet biex norganizzaw il-Laqgħa tal-Mexxejja mat-Turkija f'Varna fis-26 ta' Marzu.
Fl-aħħar - u naħseb - l-aktar importanti, dwar is-Sirja. Ir-reġim ta' Assad qed jattakka rġiel, nisa u tfal innoċenti b'mod brutali. Dawk li jappoġġawh, jiġifieri r-Russja u l-Iran, qed jippermettu li dan iseħħ. Aħna nħeġġuhom biex iwaqqfu din il-vjolenza. L-UE tappella għal waqfien immedjat mill-ġlied, u biex jingħataw aċċess umanitarju urġenti u protezzjoni lill-popolazzjoni ċivili.
Traskrizzjoni tas-sessjoni dwar mistoqsijiet u tweġibiet:
Mhux ser ikun hemm awtomatiċità fl-għażla tal-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea, iżda taqbel mal-affermazzjoni ta' dawk favur il-proċess tas-Spitzenkandidaten li din hija aktar demokratika? Il-proċess kif attwalment miktub fit-Trattat huwa anqas demokratiku ?
Fir-rigward tal-proċess tas-Spitzenkandidat: l-idea li l-proċess tas-Spitzenkandidat huwa b'xi mod aktar demokratiku hija żbaljata. It-Trattat jgħid li l-President tal-Kummissjoni Ewropea għandu jiġi propost mill-mexxejja eletti demokratikament tal-Istati Membri u li hu jew hi għandu jiġi elett mill-membri eletti demokratikament tal-Parlament Ewropew. Din hija l-leġittimità demokratika doppja tal-President tal-Kummissjoni. Jekk neliminaw wieħed miż-żewġ sorsi tal-leġittimità jirrendi dan anqas demokratiku, mhux aktar. Naturalment, li tkun Spitzenkandidat ma jeskludikx milli ssir President tal-Kummissjoni Ewropea. Jien assolutament żgur li jista' wkoll iżid il-possibbiltajiet, huwa ovvju, iżda ma hemmx u ma jistax ma jkunx hemm awtomatiċità.
Dwar il-kondizzjonalità, ir-rimarki tal-bieraħ mill-Kanċillier Merkel kellhom xi impatt fuq id-dibattitu tal-lum? Kien hemm xi reazzjonijiet dwar li l-pagamenti mill-QFP li jmiss ikunu kondizzjonali fuq l-akkoljenza tar-rifuġjati?
Kelli biss reazzjonijiet pożittivi dwar din l-opinjoni. Kont sorpriż b'mod pożittiv għaliex ħadd ma ddubita l-kondizzjonalità. Pereżempju, il-Prim Ministru Pollakk Morawiecki qal li l-Polonja hi wkoll lesta li tappoġġa l-kondizzjonalità, iżda li l-kondizzjonalità għandha tkun mibnija fuq kriterji ferm oġġettivi, iżda naħseb li din mhix opinjoni ta' kontroversja. Illum d-diskussjoni kienet waħda ġenerali ħafna, iżda, għalissa, il-kondizzjonalità possibbli hija anqas ta' kontroversja minn mistenni.
Ser tkun Londra l-ġimgħa d-dieħla. Il-Kabinett deher li qabel dwar xi ħaġa ambizzjuża "ġestjoni tad-diverġenza". Dan hu t-tip ta' ċarezza li qed tfittex? X'inhuma l-implikazzjonijiet għal-linji gwida f'Marzu dwar ir-relazzjoni futura li ser tadotta?
Ninsab kuntent li l-gvern tar-Renju Unit jidher li miexi lejn pożizzjoni aktar dettaljata. Madankollu, jekk ir-rapporti tal-media huma tajbin, nibża' li l-pożizzjoni tar-Renju Unit illum hija bbażata fuq xejn aktar minn illużjoni. Jidher li l-"filosofija tal-kejk" għadha preżenti. Mill-bidu nett, prinċipju ewlieni tal-UE27 kien li ma jistax ikun hemm min jagħżel biss dak li jaqbillu.u ebda suq uniku "à la carte". Bla dubju dan hu, u ser jibqa' jkun prinċipju ewlieni. Il-ġimgħa d-dieħla ser niltaqa' mal-Prim Ministru May f'Londra biex niddiskuti l-pożizzjoni tar-Renju Unit u f'Marzu l-UE27 ser jadottaw linji gwida ġodda fir-rigward tar-relazzjoni futura. Jien assolutament żgur ser bħala 27 ser inkunu estremament realistiċi fil-valutazzjoni tagħna ta' proposti possibbli ġodda.
Nixtieq nistaqsi dwar ir-relazzjonijiet riċenti bejn il-Polonja u l-Iżrael. Skontkom, dawn it-tensjonijiet huma r-riżultat ta' nuqqas ta' ftehim, jew inkella ta' żbalji, jew inkella ta' rieda ħażina minn waħda min-naħat?
Illum kelli l-opportunità li nitkellem mal-Prim Ministru Morawiecki, fil-marġni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew. Tajtu l-valutazzjoni tiegħi tas-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Polonja kif ukoll il-konklużjonijiet mil-laqgħat tiegħi mal-mexxejja Ewropej, li matulhom għamilt dawn il-mistoqsijiet, u ppruvajt nipproteġi r-reputazzjoni ta' pajjiżna matul dawn it-taħdidiet, li mhijiex xi ħaġa faċli f'dan il-mument – Il-Prim Ministru Morawiecki jifhem dan, li ħareġ ċar mill-konverżazzjoni tagħna. U rrid nisħaq, dan għidtu wkoll lis-Sur Morawiecki, li s-sitwazzjoni hija serja ħafna u tikkonċerna direttament: l-interessi Pollakki, ir-reputazzjoni tal-Polonja u l-pożizzjoni tal-Polonja fid-dinja. Hemm parir wieħed biss: iridu jitwaqqfu żewġ mewġiet; irid isir minn kollox biex jitwaqqfu żewġ mewġiet. L-ewwel, il-mewġa tal-opinjonijiet ħżiena dwar il-Polonja, u din il-mewġa fil-fatt laħqet il-proporzjonijiet ta' tsunami. U t-tieni mewġa, il-mewġa ta' eċċessi bla ħsieb u mhux f'lokhom, dikjarazzjonijiet anti-Semitiċi li qed isiru fil-Polonja. Il-gvern għandu l-mezzi kollha biex iwaqqaf dawn iż-żewġ mewġiet – jekk verament għandu r-rieda sabiex jagħmel dan. Aħna lkoll ħdimna ħafna fil-Polonja tul l-aħħar 30 sena, inkluż jien stess, biex nassiguraw li l-Polonja jkollha relazzjonijiet tajba mad-dinja ta' barra inkluż mal-Iżrael u l-komunità Lhudija. U ma nistgħux inħallu li xi ħadd jirvina din il-ħidma kollha fi spazju ta' ftit ġimgħat. Mhux tard wisq għal azzjoni konkreta, kif bl-istess mod mhux tard wisq għal diċenza umana komuni.
Filmati
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
- @beanavarro.bsky.social
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
- @mariatomasik.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024