- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 7 ta' Novembru 2018 16:15
L-UE ser issaħħaħ il-kondiviżjoni tad-data tas-settur pubbliku - il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni
L-UE qed tagħmel aktar faċli l-użu mill-ġdid tad-data miżmuma mis-settur pubbliku. Illum, l-ambaxxaturi tal-istati membri qablu dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill dwar riformi li huma parti minn sforzi usà tal-UE biex jiżdied il-forniment tad-data għas-sostenn tal-ekonomija u biex ikun żgurat li tintuża aktar data għall-benefiċċju ta' kulħadd. Ir-regoli l-ġodda ser jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' servizzi u teknoloġiji ġodda abbażi tad-data, bħall-intelliġenza artifiċjali. Huma wkoll pass kbir lejn li d-data miftuħa ssir aktar disponibbli b'mod wiesgħa fl-UE.
Il-ftehim tal-lum juri li s-settur pubbliku huwa l-mexxej fil-kondiviżjoni tad-data. Intrapriżi żgħar u start-ups mhux dejjem ikunu jaffordjaw jixtru data tas-settur pubbliku, għalhekk aktar disponibbiltà u spejjeż aktar baxxi jistgħu jgħinu jiffaċilitaw innovazzjoni rivoluzzjonarja li minnha jkun jista' jgawdi kulħadd. Margarete Schramböck, Ministru għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi tal-Awstrija
Skont id-direttiva eżistenti dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI), kwalunkwe kontenut disponibbli pubblikament skont il-leġislazzjoni nazzjonali dwar aċċess għad-dokumenti, fil-prinċipju, jista' jintuża mill-ġdid għal kwalunkwe fini, inklużi finijiet kummerċjali.
Ir-riformi jestendu l-ambitu tar-regoli lil hinn mill-korpi tas-settur pubbliku biex jinkludu intrapriżi pubbliċi fis-setturi tat-trasport u s-servizzi pubbliċi. Mhu ser ikun hemm l-ebda obbligu fuq dawn is-setturi li jagħmlu d-data disponibbli dment li jkun meħtieġ fil-livell nazzjonali, iżda jekk għandhom joħorġu d-data, huma għandhom jirrispettaw l-istess prinċipji bħall-korpi tas-settur pubbliku, inklużi t-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-ftehimiet esklużivi.
Ir-regoli jiġu wkoll estiżi biex jinkludu d-data ta' riċerka ffinanzjata pubblikament li hija diġà disponibbli fir-repożitorji pubbliċi. Tali data tkun teħtieġ li tkun tista' tintuża mill-ġdid, pereżempju billi jiġu speċifikati kondizzjonijiet għal ħruġ ta' liċenzji adatti. L-Istati Membri jkollhom jistabbilixxu politiki nazzjonali ta' aċċess miftuħ għas-sostenn tad-disponibbiltà tad-data ta' riċerka.
L-abbozz ta' regoli jinkoraġġixxi t-tixrid ta' data dinamika bħal data dwar it-trasport u t-temp f'ħin reali li tasal minn sensuri jew satelliti. Il-korpi pubbliċi jkollhom jagħmlu tali data disponibbli permezz ta' interfaċċi għall-programmi tal-applikazzjonijiet (API).
It-test maqbul jistipula li settijiet ta' data ta' valur għoli (settijiet ta' data ta' importanza soċjoekonomika għolja) ikunu definiti bħala t-tieni pass wara l-adozzjoni tad-direttiva. Dawn is-settijiet ta' data jkun jeħtieġ li jsiru disponibbli mingħajr ħlas fl-UE kollha, u għandhom ikunu jistgħu jinqraw mill-magni u jkunu trasferibbli awtomatikament permezz tal-API. Il-Kummissjoni għandha tfassal lista ta' tipi speċifiċi ta' settijiet ta' data ta' valur għoli f'att ta' implimentazzjoni separat, li jkun japplika kemm għall-korpi pubbliċi u kif ukoll għall-intrapriżi pubbliċi.
Inġenerali, id-data tas-settur pubbliku ser torħos. Normalment ser tkun disponibbli mingħajr ħlas jew bi prezz marġinali. Madankollu, ir-regoli jieħdu kont tal-ħtieġa għal xi korpi tas-settur pubbliku li jiġġeneraw dħul, u għalhekk jippermettu oneri limitati fuq data f'ċerti sitwazzjonijiet.
It-test tal-Kunsill isaħħaħ ukoll il-kunċett ta' data miftuħa bħala li tfisser data f'formati miftuħa li jkunu jistgħu jintużaw liberament u jiġu kondiviżi għal kwalunkwe fini. Huwa żied l-idea ta' data miftuħa mat-titolu tal-proposta biex tirrifletti dan.
Wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, l-istati membri ser ikollhom sentejn sabiex jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali biex jimplimentawha fil-prattika. L-Istati membri ser ikunu jistgħu jmorru lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti fid-direttiva.
Il-proposta li qed tiġi diskussa hija komponent ewlieni tal-'pakkett tad-data' ippubblikat mill-Kummissjoni f'April 2018 skont l-istrateġija għal suq uniku diġitali. Hija wkoll parti mir-rieżami tal-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni.
Il-ftehim tal-lum fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti jikkostitwixxi mandat għall-presidenza biex tibda taħdidiet mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar it-test finali. Il-Parlament għadu ma qabilx dwar il-pożizzjoni tiegħu.
Kuntatti għall-istampa
-
Niels Timmermans Press officer
- +32 470 18 22 47
- +32 2 281 32 65
- @timmermansniels
- @nielstimmermans.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024