"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jilħqu ftehim dwar liġi ġdida tal-UE biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kisbu ftehim proviżorju dwar standards minimi għal kif l-istati membri jiddefinixxu u jissanzjonaw reati ta' korruzzjoni fil-kodiċi kriminali tagħhom. Il-liġi l-ġdida fiha wkoll miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u regoli għal investigazzjoni u prosekuzzjoni aktar effettivi.
Din id-direttiva ser taġġorna u ssaħħaħ il-qafas legali tal-UE fir-rigward tal-korruzzjoni, u hija pass importanti fil-ġlieda komuni tagħna kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.
Peter Hummelgaard, Ministru għall-Ġustizzja tad-Danimarka
Definizzjoni armonizzata ta' reati
Din il-liġi l-ġdida tistabbilixxi standards għall-UE kollha sabiex fl-istati membri kollha għadd ta' azzjonijiet jiġu kriminalizzati u definiti bl-istess mod.
Ir-reati li ġejjin issa ser ikunu punibbli fl-UE kollha bħala reat kriminali: it-tixħim fis-setturi pubbliċi u privati, il-miżapproprjazzjoni, l-eżerċitar ta' influwenza, it-tfixkil tal-ġustizzja, l-arrikkiment minn reati ta' korruzzjoni, il-ħabi u ċertu ksur serju tal-eżerċizzju illegali tal-funzjoni pubblika.
Pieni għal persuni fiżiċi u kumpaniji
Minbarra l-allinjament tad-definizzjonijiet tagħhom tar-reati ta' korruzzjoni, l-istati membri jridu jistabbilixxu wkoll l-istess livell ta' pieni għas-sanzjonar tagħhom. Is-sanzjoni għat-trasgressuri ser tiżdied minn terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas tliet snin għal mill-inqas ħames snin, skont ir-reat.
Persuni kkundannati għal reati ta' korruzzjoni jistgħu jġarrbu pieni addizzjonali bħal multi, tneħħija minn kariga pubblika, skwalifika milli jkollhom kariga pubblika jew milli jeżerċitaw funzjoni ta' servizz pubbliku, l-irtirar ta' permessi u l-esklużjoni mill-aċċess għal proċeduri ta' offerti u fondi pubbliċi.
Barra minn hekk, il-persuni ġuridiċi (jiġifieri l-kumpaniji) ser jiffaċċaw penali. Il-liġi tiddefinixxi li dawn il-penali għandhom jieħdu l-forma ta' multi, fejn il-livell massimu ta' dawn il-multi jvarja minn tal-inqas 3% sa 5% tal-fatturat dinji totali tagħhom jew minn tal-inqas €24 jew €40 miljun, skont ir-reat.
Ġuriżdizzjoni
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu wkoll dwar regoli li jiddefinixxu f'liema każijiet stat membru jkollu ġuriżdizzjoni fuq reat u għalhekk ikun obbligat jibda proċedimenti. Bħala regola ġenerali l-istati membri għandhom ġuriżdizzjoni fuq reati mwettqa fit-territorju tagħhom jew meta t-trasgressur ikun ċittadin tagħhom.
Barra minn hekk, kull stat membru jista' jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għal atti mwettqa barra mit-territorju tiegħu, meta:
it-trasgressur ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu
ir-reat ikun twettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew mir-residenti abitwali tiegħu
ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu
ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika b'rabta ma' xi negozju li jsir kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu
Miżuri preventivi
Sabiex inaqqsu r-reati ta' korruzzjoni u jillimitaw ir-riskju ta' korruzzjoni, l-istati membri jridu jieħdu azzjoni biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-ħsara tal-korruzzjoni, u biex jiżguraw it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-interess tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni.
Miżuri preventivi oħra jinkludu:
L-istabbiliment ta' korpi li ser jingħataw il-kompitu tal-prevenzjoni u r-repressjoni tal-korruzzjoni. Dawn il-korpi (jew unitajiet) jeħtieġ li jkunu jistgħu joperaw mingħajr interferenza żejda, u jridu jkunu mgħammra b'għadd adegwat ta' persunal kwalifikat u riżorsi finanzjarji
It-twettiq ta' valutazzjoni, f'intervalli xierqa, biex jiġu identifikati s-setturi jew l-okkupazzjonijiet l-aktar f'riskju ta' korruzzjoni u jiġu żviluppati miżuri biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin fis-setturi jew l-okkupazzjonijiet identifikati
It-teħid tal-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe persuna li tirrapporta reati, li tipprovdi evidenza jew li b'xi mod ieħor tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti jkollha aċċess għal miżuri ta' protezzjoni, appoġġ u assistenza fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali
Liġi waħda tal-UE għall-korruzzjoni fis-settur pubbliku u privat
Din il-liġi l-ġdida – direttiva tal-UE – ser tissostitwixxi żewġ liġijiet separati tal-UE – waħda minnhom tal-2003 li tittratta l-korruzzjoni fis-settur privat, u Konvenzjoni tal-UE tal-1997 dwar korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-UE jew uffiċjali tal-istati membri tal-UE.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim proviżorju li ntlaħaq illum irid jiġi kkonfermat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew qabel ma jiġi adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet.
Informazzjoni ġenerali
L-UE hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), li hija l-aktar strument legali internazzjonali komprensiv f'dan il-qasam. Din il-proposta leġiżlattiva ser taġġorna l-qafas leġiżlattiv diġà eżistenti tal-UE u ser tinkorpora standards internazzjonali li huma vinkolanti fuq l-UE, bħal dawk fl-UNCAC.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin: