"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Spazju, riċerka u innovazzjoni), 23 ta' Mejju 2024

Riżultati ewlenin

Spazju

Il-liġi spazjali 

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-liġi spazjali tal-UE, li l-Kummissjoni mistennija tipproponi dalwaqt. 

Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq nota mħejjija mill-presidenza Belġjana li tidentifika diversi sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati mil-liġi spazjali futura tal-UE, inkluż il-konġestjoni ta' ċerti orbiti (b'mod partikolari l-orbita dinjija baxxa), ir-riskju ta' attakki ċibernetiċi fuq l-infrastruttura spazjali, l-impatt ambjentali tal-attivitajiet spazjali u d-dipendenza fuq pajjiżi terzi għat-teknoloġiji u l-materja prima. L-istati membri appellaw għal adozzjoni rapida tal-liġi spazjali.

Tħejjija tal-laqgħa konġunta tal-Kunsill tal-Ispazju UE-ESA

Il-ministri ħejjew il-laqgħa konġunta tal-Kunsill tal-Ispazju UE-ESA, li saret wara l-parti dwar l-ispazju tal-laqgħa tal-Kunsill Kompetittività. Il-Kunsill tal-Ispazju huwa laqgħa konġunta fil-livell ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Huwa bbażat fuq l-Artikolu 8 tal-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-ESA, li ġie ffirmat 20 sena ilu. Il-laqgħa tal-lum kienet il-11-il laqgħa tal-Kunsill tal-Ispazju minn meta ġie ffirmat il-ftehim.

Il-ministri tal-UE ddiskutew mal-membri mhux tal-UE tal-ESA (in-Norveġja, l-Iżvizzera, il-Kanada u r-Renju Unit) id-dokument "Insaħħu l-kompetittività tal-Ewropa permezz tal-ispazju", li ġie adottat fil-forma ta' żewġ fajls separati: Konklużjonijiet tal-Kunsill (għall-Kunsill tal-UE - ara hawn taħt) u riżoluzzjoni tal-ESA (għall-ESA).

Il-kontribut tal-ispazju għall-kompetittività tal-Ewropa 

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar "it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa permezz tal-ispazju". It-test jirrifletti dwar kif settur spazjali Ewropew aktar kompetittiv jista' jikkontribwixxi għall-isfidi ekonomiċi u soċjali li qed taffaċċa l-Unjoni u jsaħħaħ ir-rwol tagħha fil-livell dinji. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw ir-rilevanza dejjem tikber tal-ispazju għal bosta sfidi u politiki soċjoekonomiċi tal-UE, inkluż il-patt ekoloġiku (b'mod partikolari l-ġbir tad-data biex jinftiehem aħjar it-tibdil fil-klima u jsiru tħejjijiet għalih), it-tranżizzjoni diġitali (servizzi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni bbażati fl-ispazju) u l-kompetittività ġenerali tal-UE. L-ispazju jikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir ekonomiku billi jiġġenera soluzzjonijiet innovattivi, applikazzjonijiet u servizzi tas-sistemi li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal bosta setturi oħra permezz ta' kooperazzjoni aktar integrata bejn is-settur spazjali u dawk mhux spazjali.

Is-settur spazjali ser ikollu rwol dejjem aktar importanti fl-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Politika spazjali ambizzjuża ser toħloq opportunitajiet ta' negozju u impjiegi ta' kwalità f'dan is-settur li qed jikber malajr, u ser tgħin ukoll l-ekonomija tagħna, kemm l-industrija kif ukoll is-servizzi, biex taċċellera t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u tkun imħejjija aħjar biex tikkompeti fil-livell dinji.

Thomas Dermine, Segretarju tal-Istat għall-Irkupru u l-Investiment Strateġiku, responsabbli għall-Politika Xjentifika, fl-Uffiċċju tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Impjiegi

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-ministri ġew infurmati dwar żewġ kwistjonijiet: 

  • Il-programm tal-presidenza li jmiss

Il-Kunsill ġie infurmat mid-delegazzjoni Ungeriża dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss fil-qasam tal-ispazju.

  • L-aċċellerazzjoni tal-użu tal-ispazju fl-Ewropa 

Id-Direttur Ġenerali tal-ESA, Josef Aschbacher, għamel preżentazzjoni dwar "L-aċċellerazzjoni tal-użu tal-ispazju fl-Ewropa".

Riċerka

L-impriża konġunta EuroHPC u l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar il-Fabbriki tal-IA)

Il-ministri responsabbli għar-riċerka fetħu l-parti tar-riċerka tal-Kunsill COMPET bi qbil politiku dwar l-emenda tar-regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC JU), magħruf ukoll bħala l-att dwar il-fabbriki tal-IA. Din l-emenda ser tintroduċi objettiv addizzjonali għall-impriża konġunta: l-appoġġ għal ekosistema tal-IA fl-UE billi jiġu żviluppati u mħaddma fabbriki tal-IA. Il-fabbriki tal-IA huma definiti bħala entitajiet li jipprovdu infrastruttura tas-servizzi tas-supercomputing tal-IA li tkun magħmula, fost affarijiet oħra, minn superkompjuter iddedikat għall-IA, ċentru tad-data assoċjat u servizzi ta' supercomputing orjentati lejn l-IA.

L-għaqda hija s-saħħa tal-Ewropa u flimkien ksibna suċċessi kbar. Rajna dan bl-iżvilupp tas-superkompjuters tagħna ta' klassi dinjija, u issa rridu nagħtu spinta lir-riżultati ta' dawn il-magni b'saħħithom permezz ta' IA affidabbli. L-objettivi ewlenin tal-qbil politiku tagħna huma li nniedu n-negozji ġodda tagħna tal-intelliġenza artifiċjali fl-ewwel diviżjoni ta' din it-teknoloġija kruċjali, nappoġġaw ekosistema tal-IA kompetittiva u innovattiva ħafna u nsaħħu l-awtonomija teknoloġika tal-UE.

Willy Borsus, Viċi President ta' Wallonia u Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Kummerċ Barrani, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Qasam Diġitali, il-Ġestjoni tat-Territorju, l-Agrikoltura, l-IFAPME (l-istitut ta' Wallonia għat-taħriġ kontinwu u freelance u l-SMEs) u ċ-ċentri ta' kompetenza

Sigurtà tar-riċerka 

Il-ministri adottaw ukoll rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka biex il-Kummissjoni, l-istati membri u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka jiġu appoġġati fl-indirizzar tar-riskji għas-sigurtà tar-riċerka li jirriżultaw mill-ftuħ u l-kooperazzjoni internazzjonali. Ir-rakkomandazzjoni twissi dwar il-ħtieġa urġenti li titqajjem kuxjenza u tinbena reżiljenza fost ir-riċerkaturi u l-akkademiċi madwar l-Ewropa. It-test adottat mill-ministri jidentifika riskji relatati prinċipalment mat-trasferiment mhux mixtieq tal-għarfien, l-influwenza malizzjuża, u l-ksur tal-etika jew tal-integrità. Ir-rakkomandazzjoni ma fihiex dispożizzjonijiet vinkolanti iżda toffri gwida għal miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni, mill-istati membri u mill-komunità tar-riċerka.  

Din ir-rakkomandazzjoni kienet prijorità għall-Presidenza Belġjana fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Filwaqt li aħna miftuħa għall-iskambju tal-għarfien u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-riċerka, m'għandniex inkunu inġenwi. Il-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel jirrikjedi b'mod urġenti r-rispons konġunt tagħna biex nevitaw li r-riċerka tagħna stess tintuża kontra s-sigurtà tagħna jew il-valuri tagħna. Il-komunità xjentifika teħtieġ gwida mingħajr dewmien.

Willy Borsus, Viċi President ta' Wallonia u Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Kummerċ Barrani, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Qasam Diġitali, il-Ġestjoni tat-Territorju, l-Agrikoltura, l-IFAPME (l-istitut ta' Wallonia għat-taħriġ kontinwu u freelance u l-SMEs) u ċ-ċentri ta' kompetenza

Il-valorizzazzjoni tal-għarfien 

Il-ministri approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien, il-proċess tal-ħolqien ta' valur soċjali u ekonomiku mill-għarfien miksub mir-riċerka u l-innovazzjoni. L-għan ewlieni tal-konklużjonijiet huwa li jiġu indirizzati modi kif tiġi appoġġata l-valorizzazzjoni tal-għarfien. It-test adottat iqis l-inizjattivi reċenti u l-linji gwida għat-tisħiħ tal-valorizzazzjoni tal-għarfien u jagħmel proposti biex jimtlew il-lakuni fix-xenarju Ewropew tal-innovazzjoni.  

Il-valorizzazzjoni tal-għarfien hija għodda b'saħħitha biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija tagħna u biex tittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Ma nistgħux nippermettu li r-rikkezza tal-għarfien tagħna tibqa' fil-laboratorju u ma tiġix trasformata fi proġetti konkreti għas-soċjetà tagħna. Huwa biss jekk nisfruttaw kemm nistgħu r-riċerka u l-innovazzjoni tagħna li nkunu nistgħu nikkompetu fuq ix-xena dinjija u nkunu minn ta' quddiem fir-rivoluzzjoni industrijali futura bbażata fuq l-għarfien.

Willy Borsus, Viċi President ta' Wallonia u Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Kummerċ Barrani, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Qasam Diġitali, il-Ġestjoni tat-Territorju, l-Agrikoltura, l-IFAPME (l-istitut ta' Wallonia għat-taħriġ kontinwu u freelance u l-SMEs) u ċ-ċentri ta' kompetenza

Evalwazzjoni ex post ta' Orizzont 2020

Il-ministri approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ex post ta' Orizzont 2020, il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni (PQ) li dam mill-2014 sal-2020. Il-konklużjonijiet janalizzaw il-prinċipji ewlenin ta' Orizzont 2020, l-impatt xjentifiku, soċjali u ekonomiku tiegħu, u s-sinerġiji bejn Orizzont 2020 u programmi u fondi Ewropej oħra. Il-konklużjonijiet jilqgħu l-appoġġ ipprovdut mill-programm għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u jappellaw għal implimentazzjoni u monitoraġġ imtejba ta' programmi futuri. Dawn il-konklużjonijiet huma l-ewwel pass importanti tan-negozjati li ser isiru dwar il-programm qafas futur.

Għalkemm Orizzont 2020 huwa storja ta' suċċess, ma nistgħux inkunu kompjaċenti. Ir-riċerka u l-innovazzjoni ser ikunu kruċjali għall-kompetittività u s-sovranità tagħna fis-snin li ġejjin. Jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar użu mit-tagħlimiet meħuda f'Orizzont 2020 biex niżguraw li l-programm qafas li jmiss għar-riċerka u l-iżvilupp ikun saħansitra aktar ambizzjuż, effiċjenti u ta' suċċess.

Willy Borsus, Viċi President ta' Wallonia u Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Kummerċ Barrani, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Qasam Diġitali, il-Ġestjoni tat-Territorju, l-Agrikoltura, l-IFAPME (l-istitut ta' Wallonia għat-taħriġ kontinwu u freelance u l-SMEs) u ċ-ċentri ta' kompetenza

Riċerka u innovazzjoni dwar materjali avvanzati - Dibattitu ta' orjentazzjoni

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni b'rabta ma' materjali avvanzati għat-tmexxija industrijali. Dan id-dibattitu ta' orjentazzjoni kien ibbażat fuq nota mħejjija mill-presidenza Belġjana u kellu l-għan li jiffoka fuq koordinazzjoni konġunta biex jitnaqqsu l-frammentazzjoni, il-prijoritizzazzjoni tal-oqsma ta' applikazzjoni settorjali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki eżistenti. "Materjali avvanzati" huma materjali ġodda jew sustanzi bi proprjetajiet imtejba (jiġifieri s-saħħa, id-durabbiltà jew il-konduttività) li jippermettu l-ħolqien ta' prodotti u apparati ġodda li huma essenzjali f'firxa wiesgħa ta' setturi, inkluż l-ispazju, id-difiża, is-settur agroalimentari u l-kura tas-saħħa.

Affarijiet oħra

  • Il-programm tal-presidenza li jmiss   

Il-Kunsill ġie infurmat mid-delegazzjoni Ungeriża dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss fil-qasam tar-riċerka.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025