"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Riċerka u spazju), 23 ta' Mejju 2025

Riżultati ewlenin

Riċerka

Orizzont Ewropa: evalwazzjoni ta' nofs it-terminu

Il-ministri ddiskutew l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Orizzont Ewropa li kienet ġiet adottata fit-30 ta' April 2025. Orizzont Ewropa huwa l-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2021-2027 b'baġit ta' €93.5 biljun. Il-ministri kellhom riflessjoni dwar it-tagħlimiet meħuda biex iħejju l-programm qafas li jmiss (l-għaxar wieħed) għall-perjodu 2027-2034.

Il-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet laqgħu b'sodisfazzjon l-eżiti pożittivi ta' Orizzont Ewropa u appoġġaw id-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li jinżamm bħala programm awtonomu. Madankollu, diversi ministri esprimew dispjaċir li ħafna proġetti eċċellenti ta' riċerka ma rċevew l-ebda finanzjament u ħeġġew is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, b'mod partikolari għall-SMEs. F'dan is-sens, l-użu ta' somom f'daqqa kien milqugħ minn diversi delegazzjonijiet. Filwaqt li ħafna enfasizzaw l-importanza tal-eċċellenza u l-kompetizzjoni fis-suċċess tal-politika tar-riċerka, oħrajn enfasizzaw il-valur tal-kollaborazzjoni u l-bżonn li r-reġjuni kollha jibbenefikaw minn Orizzont Ewropa.

Id-delegazzjonijiet laqgħu wkoll il-progress fil-bilanċ bejn il-ġeneri fil-politika tar-riċerka u ħeġġew li jibqgħu jsiru sforzi f'din id-direzzjoni. L-opinjonijiet varjaw dwar il-finanzjament ta' proġetti ta' riċerka b'użu doppju (ċivili u militari) fil-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni - diversi ministri appoġġawh, filwaqt li oħrajn tennew l-enfasi ċivili tal-programm.

L-Aġenda ta' Politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2025-2027

Il-ministri laħqu qbil politiku dwar rakkomandazzjoni għall-Aġenda ta' Politika taż-ŻER 2025-2027.

Ir-rakkomandazzjoni tiddeskrivi l-attivitajiet ewlenin taż-ŻER u sservi ta' pjan direzzjonali għat-tliet snin li ġejjin. Din is-sena, iż-ŻER tiċċelebra l-25 sena tal-eżistenza tagħha bħala għodda ewlenija biex jinkiseb suq uniku għar-riċerka u l-innovazzjoni.

Marcin Kulasek, Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tal-Polonja

Għal 25 sena, iż-ŻER għenet lill-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tikkoordina l-isforzi tagħha u tikseb riżultati impressjonanti. L-Aġenda ta' Politika għall-2025–2027 ser tkun il-pjan direzzjonali biex insibu triqtna f'dan l-ispazju komuni: libertà ta' moviment vera għar-riċerkaturi fl-akbar ekosistema ta' riċerka u innovazzjoni tad-dinja.

Marcin Kulasek, Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tal-Polonja

Marcin Kulasek, Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tal-Polonja

L-Intelliġenza Artifiċjali fix-xjenza

Il-ministri approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fix-xjenza li jappellaw għal strateġija komprensiva biex tingħata spinta lill-adozzjoni tal-IA fix-xjenza, b'approċċ etiku, sostenibbli, inklużiv u ċċentrat fuq il-bniedem.

L-intelliġenza artifiċjali tista' tibdel l-iskoperta xjentifika kompletament, tagħti spinta lill-innovazzjoni u żżid il-produttività tar-riċerkaturi tagħna. L-Ewropa trid taħtaf dawn l-opportunitajiet malajr, waqt li tindirizza wkoll l-isfidi u r-riskji etiċi u soċjetali ta' din it-teknoloġija li qed timxi 'l quddiem b'pass mgħaġġel.

Marcin Kulasek, Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tal-Polonja

Affarijiet oħra

Il-ministri ġew infurmati wkoll dwar żewġ punti:

  • diversi delegazzjonijiet kienu ser jesprimu l-interess tagħhom li jkomplu s-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) lil hinn mill-2027
  • id-delegazzjoni Daniża kienet ser tippreżenta l-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss fil-qasam tar-riċerka.

Spazju

Data satellitari

Il-ministri approvaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-użu ta' data satellitari, b'mod partikolari minn kostellazzjonijiet ta' osservazzjoni tad-Dinja, għall-protezzjoni ċivili u l-maniġġar ta' kriżijiet.

Il-konklużjonijiet iqisu l-importanza tal-osservazzjoni tad-Dinja u data spazjali oħra għar-reżiljenza u t-tħejjija għall-kriżijiet u jikkunsidraw l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u teknoloġiji oħra għall-ipproċessar aħjar tad-data u miżuri ta' sigurtà kontra theddid possibbli (bħal ċiberattakki).

Michał Baranowski, Sottosegretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tal-Polonja

It-teknoloġija spazjali qed issir pilastru importanti tas-sigurtà tal-Ewropa—speċjalment fl-antiċipazzjoni tat-theddid u l-maniġġar effettiv tal-kriżijiet. Huwa essenzjali li niżguraw aċċess għad-data satellitari li jkun f'ħin reali, sigur u affidabbli. L-Ewropa għandha l-potenzjal li tkun ċentru għall-innovazzjoni—billi tlaqqa' flimkien kumpaniji mill-aktar avvanzati, start-ups, istituzzjonijiet akkademiċi u amministrazzjoni pubblika moderna u ddedikata. Billi nrawmu l-kollaborazzjoni, nistgħu noħolqu l-kundizzjonijiet għal sigurtà u tmexxija teknoloġika aktar b'saħħithom.

Michał Baranowski, Sottosegretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tal-Polonja

Michał Baranowski, Sottosegretarju tal-Istat fil-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tal-Polonja

Data bbażata fl-ispazju għat-tisħiħ tar-reżiljenza, is-sigurtà u l-maniġġar ta' kriżijiet fl-UE

Wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-data satellitari għall-protezzjoni u l-maniġġar ta' kriżijiet, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-użu ta' data bbażata fl-ispazju għall-istess skop.

Il-ministri qablu li l-ġestjoni tar-riskji mit-theddid naturali jew minn bnedmin teħtieġ li jsir użu sħiħ mir-riżorsi spazjali - bħall-immaġni, in-navigazzjoni, u l-konnettività. Is-soluzzjonijiet pubbliċi u privati bbażati fl-ispazju għandhom potenzjal qawwi li jsaħħu r-reżiljenza u s-sigurtà. Ħafna delegazzjonijiet ipproponew ideat biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-UE u l-istati membri, inkluż il-kooperazzjoni reġjonali transfruntiera, is-sensibilizzazzjoni dwar id-data spazjali u t-trawwim tal-kollaborazzjoni fost l-atturi spazjali, l-awtoritajiet għall-maniġġar ta' kriżijiet, u l-Kummissjoni.

Billi proġetti ġodda jiswew il-flus u jieħdu fit-tul, diversi delegazzjonijiet enfasizzaw l-importanza li tiġi ottimizzata l-infrastruttura eżistenti u li jintużaw għodod bħall-IA għall-ipproċessar tad-data, li tittejjeb l-użabbiltà tad-data għall-utenti finali, u jissaħħu l-ħiliet għar-riċevituri finali. Diversi stati membri appoġġaw ukoll l-użu doppju (ċivili u militari) tal-kapaċitajiet satellitari, sakemm is-sigurtà tad-data, il-kunfidenzjalità, u l-kompetenzi nazzjonali fi kwistjonijiet ta' difiża jiġu rispettati bis-sħiħ.

Affarijiet oħra

Il-ministri ġew infurmati wkoll dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

  • id-delegazzjoni Daniża tat lill-ministri informazzjoni dwar il-programm tal-presidenza li jmiss fil-qasam tal-ispazju
  • id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) informa lill-ministri dwar is-suġġett: spazju għar-reżiljenza, is-sigurtà u l-maniġġar ta' kriżijiet.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Lulju 2026