"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Kunsill Kompetittività (Suq intern u industrija), 29 ta' Settembru 2025
Riżultati ewlenin
Fond Ewropew għall-Kompetittività
Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK), wieħed mill-elementi ewlenin tal-baġit fit-tul tal-UE għall-2028-2034 (il-qafas finanzjarju pluriennali, QFP, li jmiss). L-Istati membri laqgħu l-FEK bħala strument ewlieni li jista' jgħin fit-tneħħija tad-diskrepanza attwali fl-investiment, jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-kumpaniji, jingrana l-kapital privat u jtaffi r-riskji tal-investiment.
Il-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet appellaw għal implimentazzjoni urġenti tal-FEK u insistew li l-istati membri jridu jkunu involuti bis-sħiħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-governanza tal-FEK. Il-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet issottolinjaw il-ħtieġa li jitqiesu l-ħtiġijiet kemm tan-negozji kif ukoll tal-investituri. Dan jimplika li jiġu żgurati proċeduri simplifikati, trasparenti u effiċjenti li jillimitaw il-piżijiet amministrattivi għal minimu assolut. Ħafna appellaw biex tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs. Kien hemm ukoll appell mingħand ħafna biex tingħata attenzjoni partikolari lill-eċċellenza kif ukoll lill-miżuri li jiżguraw il-bilanċ ġeografiku.
Il-ministri kellhom dibattitu politiku dwar il-miżuri ta' simplifikazzjoni wara l-preżentazzjoni, mill-Viċi President Eżekuttiv Séjourné, tal-ewwel rapport ta' progress dwar din il-kwistjoni. Filwaqt li qed isiru sforzi biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi (bl-hekk imsejħa pakketti omnibus), proposti leġiżlattivi ġodda għadhom joħolqu spejjeż sinifikanti għan-negozji. Il-ministri rriflettew fuq il-bilanċ it-tajjeb bejn il-leġiżlazzjoni l-ġdida meħtieġa u l-piżijiet amministrattivi bla bżonn għan-negozji, u r-rwol tal-Kunsill Kompetittività biex jiżgura li regoli ġodda jkunu proporzjonati mal-objettivi tal-leġiżlazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-ministri laqgħu r-rapport ta' simplifikazzjoni u l-approċċ omnibus għat-tnaqqis tal-piżijiet eżistenti, għalkemm xi interventi fakkru li simplifikazzjoni ma tfissirx deregolamentazzjoni.
Għal leġiżlazzjoni futura, ħafna delegazzjonijiet appellaw għall-applikazzjoni ta' prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, bħall-użu sistematiku ta' valutazzjonijiet tal-impatt (fosthom testijiet tal-SMEs u verifiki tal-kompetittività), evalwazzjonijiet ex post, konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jew verifiki tar-realtà. Diversi delegazzjonijiet fakkru fil-ħtieġa li d-diġitali jkun prestabbilit u li l-prinċipju ta' "One in, One out" jiġi ġeneralizzat, li jfisser li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida għandha tneħħi waħda eżistenti (xi delegazzjonijiet saħansitra ssuġġerew li jitneħħew tnejn għal kull waħda ġdida). Kien hemm qbil ġenerali li l-kunsilli tal-COMPET għandhom jibqgħu jimmonitorjaw l-isforzi attwali ta' simplifikazzjoni u joqogħdu attenti li jevitaw piżijiet addizzjonali futuri.
Il-Presidenza Daniża hija impenjata li tnaqqas il-burokrazija u l-piżijiet għan-negozji Ewropej. Fl-istess ħin, irridu niżguraw li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE ma tintroduċix piżijiet bla bżonn. Kien ta' pjaċir għalija nisma' lill-VPE Séjourné jippreżenta l-fehma tiegħu dwar dan il-kompitu importanti llum. Ser inkomplu l-kooperazzjoni mill-qrib tagħna lejn Ewropa aktar b'saħħitha u aktar kompetittiva.
Morten Bødskov, Ministru għall-Industrija, in-Negozju u l-Affarijiet Finanzjarji
Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-istrateġija għas-suq uniku. Enrico Letta, eks Prim Ministru tal-Italja, president tal-Istitut Jacques Delors u awtur tar-rapport "Much more than a market", ħa sehem fid-diskussjoni. Il-ministri esprimew il-fehmiet tagħhom dwar inizjattivi diġitali biex titwettaq bidla diġitali li tnaqqas il-piż abbażi tal-ħtiġijiet tal-kumpaniji, u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi diġitali ambizzjużi fl-istati membri u n-negozji kollha.
Taħt affarijiet oħra, il-ministri ġew infurmati dwar sitt kwistjonijiet:
Id-delegazzjoni Awstrijaka flimkien maċ-Ċekja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u s-Slovenja għamlu punt ta' informazzjoni dwar "It-tmiem tar-restrizzjonijiet territorjali mhux ġustifikati fuq il-provvista"
Il-Kummissjoni tat preżentazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-pakketti ta' simplifikazzjoni Omnibus
Id-delegazzjoni Netherlandiża għamlet punt ta' informazzjoni dwar id-dikjarazzjoni tas-semikondutturi tal-2025 għal Att rivedut tal-UE dwar iċ-Ċipep
Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar it-tielet djalogu strateġiku mal-industrija awtomobilistika li sar fi Brussell fit-12 ta' Settembru
Id-delegazzjoni Franċiża kellha punt ta' informazzjoni dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-mira klimatika għall-2040 mal-kompetittività industrijali Ewropea
Id-delegazzjoni Ġermaniża, Franċiża u dik Taljana għamlu punt ta' informazzjoni dwar it-tħabbira tal-Kummissjoni tal-Att dwar l-Aċċellerarazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali (IDAA)
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.