"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 18 ta' Ottubru 2021

Riżultati ewlenin

Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew ir-reġjun tal-Golf, is-Sħubija tal-Lvant, l-Etjopja, in-Nikaragwa u ġrajjiet kurrenti

Ir-reġjun tal-Golf

Il-Kunsill kellu diskussjoni strateġika dwar l-approċċ tal-UE għall-Golf u kif tista' tissaħħaħ il-preżenza tal-UE fir-reġjun.

Il-ministri rrikonoxxew ir-rwol ewlieni li s-sħab tal-Golf jistgħu jaqdu fi kwistjonijiet ta' politika barranija, bħall-kriżi fl-Afganistan. Huma ddiskutew il-ħtieġa li l-momentum pożittiv fir-reġjun jiġi appoġġat u akkumpanjat b'mod attiv f'oqsma li jistgħu jgħinu biex tinbena l-fiduċja, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-aġenda globali tal-UE (eż. it-tranżizzjoni ekoloġika, id-diġitali, il-kummerċ). Il-Kunsill iffoka wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati r-riformi soċjoekonomiċi u li jiġu diskussi b'mod miftuħ kwistjonijiet fejn hemm nuqqas ta' qbil, pereżempju d-drittijiet tal-bniedem.

Id-diskussjoni ministerjali ser tikkontribwixxi għat-tħejjija ta' Komunikazzjoni Konġunta dwar "Sħubija mal-Golf", li għandha tiġi adottata fl-ewwel kwart tal-2022. Kmieni fl-2022 ser isir ukoll Kunsill Konġunt bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

Is-Sħubija tal-Lvant

Il-ministri għall-affarijiet barranin kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mas-Sħubija tal-Lvant (SL), bi tħejjija għal-laqgħa ministerjali li ser issir f'Novembru u s-summit tas-SL skedat għal Diċembru fi Brussell.

Il-ministri ddiskutew il-kuntest ġeopolitiku diffiċli li jiffaċċjaw xi pajjiżi sħab fir-reġjun, u qablu li l-UE ser tkompli tinsisti għal valuri fundamentali bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Fl-istess ħin, l-UE ser tibqa' ffukata fuq l-irkupru soċjoekonomiku fit-tul, filwaqt li tiżgura li dan ikun sostenibbli u inklużiv, u b'hekk tikseb riżultati konkreti għan-nies.

L-UE ser tappoġġa wkoll lill-isħab b'vaċċini, b'ċertifikati tat-tilqim u fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

L-Etjopja

Waqt l-ikla ta' nofsinhar il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja, fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-pajjiż u fir-reġjun ta' Tigray, sena wara l-bidu tal-konflitt.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
It-Tigray jinsab f'ħerba bi ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem minn gruppi armati li jużaw bħala arma delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità. L-għajnuna umanitarja ma tħallietx tasal. Qed inwittu t-triq bil-ħsieb tar-rapport li jmiss tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mistenni fl-1 ta' Novembru, biex jingħata rispons adegwat li jista' jibda bit-tħejjija ta' sanzjonijiet. Qed ninkariga lis-servizzi tiegħi biex imexxu dan 'il quddiem ladarba jkollna r-rapport dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri qablu li jkomplu l-għajnuna umanitarja għall-Etjopja u appoġġaw il-missjoni li jmiss tal-Kummissarju tal-UE għas-Sħubijiet Internazzjonali, Jutta Urpilainen, li ser iżżur l-Etjopja flimkien mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, Annette Weber, biex twassal messaġġ ċar f'isem l-UE dwar il-ħtieġa li finalment jiġi implimentat waqfien mill-ġlied u jinbeda proċess politiku li jinkludi l-atturi kollha.

In-Nikaragwa

Waqt l-ikla ta' nofsinhar il-Kunsill Affarijiet Barranin ser ikollu ukoll skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa. Mill-2018 'l hawn, is-soppressjoni vjolenti tal-protesti qatlet mill-inqas 328 persuna.

Il-ministri rriflettew b'mod partikolari dwar il-ħtieġa li jiġu aġġustati l-politiki tal-UE fir-rigward tal-elezzjonijiet ġenerali li jmiss fil-pajjiż fis-7 ta' Novembru 2021, li għalihom il-prospetti ta' proċess elettorali kredibbli u leġittimu huma dgħajfa ħafna.

L-UE ser tkompli tinsisti fuq id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, bħall-ħelsien ta' priġunieri politiċi jew ir-ritorn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti.

Ġrajjiet kurrenti

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni umanitarja u ekonomika li qed tiddeterjora fl-Afganistan. Il-ministri qablu li kienet meħtieġa preżenza minima tal-UE f'Kabul biex tappoġġa lill-poplu Afgan u tiżgura passaġġ sikur għall-Afgani f'riskju, iżda li din ma kienet tfisser l-ebda rikonoxximent tal-UE.

It-Tuneżija ġiet wkoll diskussa fid-dawl tal-aħħar żviluppi. Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jiġi ppreservat l-acquis demokratiku, b'rispett għas-separazzjoni tas-setgħat u l-issoktar tan-normalità istituzzjonali. Il-ħatra reċenti ta' gvern ġdid tqieset bħala l-ewwel pass pożittiv li l-UE ser tkompli iżżomm taħt il-lenti tagħha.

Il-ministri mbagħad semmew il-Balkani tal-Punent, b'segwitu għas-summit reċenti f'Brdo u fil-kuntest tat-tensjonijiet reċenti fit-Tramuntana tal-Kosovo. L-UE ser tkompli l-impenn politiku qawwi tagħha mar-reġjun, issegwi l-kompiti importanti tal-politika barranija u ta' sigurtà mogħtija fis-summit, u tiffaċilita d-djalogu dwar in-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja.

Bil-ħsieb tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26) li jmiss, il-Kunsill iddiskuta d-diplomazija dwar il-klima. Il-ministri ssottolinjaw l-importanza li l-pajjiżi kollha jippreżentaw mingħajr dewmien pjanijiet ta' mitigazzjoni u strateġiji fit-tul b'emissjonijiet żero.

Il-ministri mbagħad ġew infurmati dwar l-aħħar żviluppi madwar Varosha, u esprimew solidarjetà qawwija mal-Greċja u Ċipru wara l-interventi Torok kontra bastimenti li joperaw fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom. Ir-Rappreżentant Għoli ssottolinja li l-unika soluzzjoni dejjiema għall-kwistjonijiet hija soluzzjoni f'Ċipru f'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE.

Il-Kunsill kellu wkoll diskussjoni twila dwar il-Belarussja u l-kwistjoni tal-migranti li qegħdin jiġu mbuttati lejn il-fruntiera tal-UE. Il-ministri wissew kontra l-użu politiku tal-migranti mir-reġim tal-Belarussja u ssottolinjaw li l-kuntatti mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu ser ikomplu, kif ukoll ser tkompli l-ħidma fuq rispons xieraq tal-UE.

Qabel ma kkonkluda l-laqgħa, il-Kunsill indirizza wkoll il-Mali. Il-ministri ħarsu lejn l-ingranaġġ finanzjarju u politiku tal-UE, inkluż il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati miżuri restrittivi, b'appoġġ għall-isforzi mill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), u f'konformità mal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew f'Mejju kontra dawk li qed ixekklu l-aġenda ta' tranżizzjoni.

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-Bożnija-Ħerzegovina/l-Operazzjoni EUFOR Althea.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025