Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Vidjokonferenza tal-ministri għall-ġustizzja, 9 ta' Ottubru 2020

Riżultati ewlenin

Aċċess għall-ġustizzja

Il-ministri taw l-appoġġ politiku tagħhom għall-abbozz ta' konklużjonijiet ippreżentat mill-Presidenza dwar il-ħatfa tal-opportunitajiet għad-diġitalizzazzjoni fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja. Issa jeħtieġ li dawn il-konklużjonijiet jiġu approvati formalment f'laqgħa li jmiss tal-Kunsill.

Christine Lambrecht, Ministru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Ġermanja
Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja hija opportunità tad-deheb, li nistgħu nużaw għall-ġid tagħna f'dawn iż-żminijiet ta' pandemija. Id-diġitalizzazzjoni tista' tgħinna niżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għall-qrati indipendenti f'kull ħin u tagħmel il-proċeduri tagħna aktar effiċjenti. Pereżempju, l-intelliġenza artifiċjali tista' tgħin lill-imħallfin fil-ħidma tagħhom u tista' tippromwovi l-komparabbiltà u l-kwalità tad-deċiżjonijiet. Is-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jridu jkunu trasparenti, komprensivi, siguri, soġġetti għal eżami, u mhux diskriminatorji. Huwa ċar li d-deċiżjonijiet tal-Qorti m'għandhomx ikunu kompletament awtomatizzati. Id-deċiżjoni finali trid tibqa' dejjem f'idejn imħallef.
Christine Lambrecht, Ministru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Ġermanja
Christine Lambrecht, Ministru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Ġermanja

L-abbozz ta' konklużjonijiet iħeġġeġ lill-istati membri jżidu l-użu tal-għodod diġitali matul il-proċedimenti ġudizzjarji kollha u jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija komprensiva tal-UE dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja sa tmiem l-2020. Jieħu nota wkoll tal-ħtieġa tal-promozzjoni tal-ħiliet diġitali fis-settur tal-ġustizzja, sabiex l-imħallfin, il-prosekuturi, il-persunal ġudizzjarju u prattikanti oħra fil-ġustizzja jkunu jistgħu jużaw l-għodod diġitali b'mod effettiv u bir-rispett dovut għad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawk li jkunu qed ifittxu ġustizzja.

Drittijiet fundamentali

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u d-diskors ta' mibegħda mad-direttur tal-aġenzija tal-UE għad-drittijiet fundamentali. Id-diskussjoni ffukat fuq kif jista' jittejjeb ir-rispons tal-ġustizzja kriminali għall-antisemitiżmu.

B'mod partikolari, il-ministri kkunsidraw x'jista' jsir aktar biex il-vittmi, il-komunitajiet Lhud u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili jiġu inkoraġġuti jirrappurtaw inċidenti antisemitiċi, u kif jittejbu r-reġistrazzjoni u l-ġbir tad-data dwar l-antisemitiżmu, sabiex tiġi promossa l-investigazzjoni effettiva ta' reati antisemitiċi.

Il-Presidenza ppreżentat abbozz ta' konklużjonijiet dwar il-karta tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-intelliġenza artifiċjali u l-bidla diġitali. Wara l-laqgħa, il-Presidenza ser tikkuntattja lid-delegazzjonijiet bil-għan li jintlaħaq qbil.

Dan l-abbozz ta' konklużjonijiet huwa mfassal biex jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar il-bidla diġitali fl-UE u dwar kif jiġi żgurat li dawn l-iżviluppi teknoloġiċi jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Jagħti attenzjoni partikolari lil approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali għall-intelliġenza artifiċjali u jagħti gwida dwar id-dinjità, il-libertajiet, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-ġustizzja.

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal

Il-ministri ddiskutew l-aspetti ġudizzjarji tal-istrateġija reċenti tal-UE għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi, wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Huma esprimew ukoll appoġġ wiesa' għall-istrateġija tal-Kummissjoni.

Id-dibattitu ffoka fuq żewġ kwistjonijiet imressqa mill-Presidenza: ir-rwol tal-kumpaniji tal-internet, u l-obbligi possibbli tagħhom, li jindunaw b'materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, jirrappurtawh u jneħħuh, u kif il-vittmi jkunu jistgħu aħjar jitolbu u jiksbu t-tneħħija tal-immaġni.

Evidenza elettronika

Il-ministri għall-ġustizzja ġew infurmati mill-Presidenza dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-proposti leġiżlattivi dwar l-evidenza elettronika, li għandhom l-għan li jħaffu l-aċċess għall-evidenza elettronika irrispettivament minn fejn tkun tinsab id-data. Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati dwar ir-regolament f'Diċembru 2018 u dwar id-direttiva f'Marzu 2019.

Għandna bżonn l-istrumenti meħtieġa biex niżguraw investigazzjonijiet transkonfinali effettivi. L-evidenza elettronika ser tkun pass importanti f'dan ir-rigward. Nappella lill-Parlament Ewropew biex jiddikjara pożizzjoni sabiex inkunu nistgħu nipproċedu malajr għan-negozjati tat-trilogu. Christine Lambrecht, Ministru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Ġermanja

Il-Kummissjoni Ewropea rrapportat ukoll lill-ministri dwar in-negozjati internazzjonali li għaddejjin rigward l-evidenza elettronika, li jinkludu negozjati għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika u n-negozjati fil-Kunsill tal-Ewropa dwar it-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni ta' Budapest.

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Il-ministri għall-ġustizzja ġew infurmati mill-Kummissjoni u mill-Kap Prosekutur Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-UPPE. Għaddejja ħidma f'diversi oqsma bil-għan li l-UPPE jkun stabbilit u operattiv kompletament sa tmiem l-2020.

Punti oħra

Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-311/18 (il-kawża Schrems II), li tittratta t-trasferimenti ta' data personali lejn l-Istati Uniti.

Il-Litwanja stiednet lill-Istati Membri biex jikkunsidraw jekk l-UE tistax tieħu azzjoni fi kwalunkwe forma biex tiffaċilita t-trasferiment ta' priġunieri kkundannati, li huma ċittadini fl-istati membri u li jservu pieni ta' priġunerija f'pajjiżi terzi, lejn l-Istat Membru ta' oriġini tagħhom.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025