"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Straordinarju Ġustizzja u Affarijiet Interni, 27 ta' Frar 2022
Riżultati ewlenin
F'laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fis-27 ta' Frar, il-ministri għall-affarijiet interni qiesu r-rispons li għandu jingħata għall-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna.
Illum nesprimu l-għaqda tagħna u s-solidarjetà totali tagħna mal-Ukrajna u l-poplu tagħha. L-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha pprovdew, u ser ikomplu jipprovdu, appoġġ politiku, finanzjarju, umanitarju u loġistiku fil-konfront tal-aggressjoni Russa.
Gérald Darmanin, Ministru Franċiż għall-Intern
Sabiex tiġi mmonitorjata s-sitwazzjoni, jiġu kkoordinati l-miżuri ta' solidarjetà u jiġu involuti l-atturi rilevanti kollha, wara dan l-iskambju, il-Presidenza ddeċidiet li tattiva b'mod sħiħ l-arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR). L-ewwel laqgħa teknika ser tissejjaħ diġà għada, it-Tnejn 28 ta' Frar.
Il-ministri ffukaw fuq il-ħames aspetti li ġejjin:
Appoġġ umanitarju
L-Ukrajna diġà talbet l-assistenza tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili fil-15 ta' Frar. L-appoġġ inizjali offrut f'dan il-qafas jikkonsisti prinċipalment fi provvisti tal-kura tas-saħħa u dawk mediċi, kif ukoll f'kapaċitajiet ta' akkomodazzjoni. Il-ministri impenjaw ruħhom li jipprovdu assistenza addizzjonali u vvalidaw l-idea ta' appoġġ loġistiku biex jiġi ffaċilitat id-dħul ta' dawk il-provvisti fl-Ukrajna.
Il-ministri qablu wkoll dwar il-ħtieġa li tingħata l-assistenza kollha meħtieġa lill-Moldova.
Akkoljenza ta' refuġjati
Il-gwerra fl-Ukrajna kkawżat wasliet ta' nies li qed ifittxu rifuġju fl-Unjoni Ewropea. Ġew previsti kapaċitajiet ta' akkoljenza f'diversi Stati Membri, b'mod partikolari dawk li jmissu mal-Ukrajna. Il-ministri esprimew ir-rieda tagħhom li jipprovdu appoġġ, taħt il-koordinazzjoni tal-UE, lill-istati membri li jitolbuh. Talbiet speċifiċi ser jiġu ttrattati fil-qafas tal-IPCR.
Il-ministri ddiskutew ukoll il-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu xieraq ta' protezzjoni temporanja għall-akkoljenza ta' dawn iċ-ċittadini. Il-Kummissjoni pproponiet l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu previst mid-direttiva tal-2001 dwar il-protezzjoni temporanja. Kien hemm espressjonijiet ta' appoġġ wiesa' għal din il-miżura, li ser tiġi ppreżentata lill-Kunsill ĠAI mingħajr dewmien.
Ġestjoni tal-fruntieri esterni
Id-deċiżjoni li jiġi attivat l-ICPR ser tipprovdi pjattaforma ta' solidarjetà għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni, billi timmobilizza l-istrumenti u l-mezzi kollha disponibbli għall-benefiċċju tal-istati membri fl-ewwel linja.
Jekk il-wasliet ta' persuni jkomplu jiżdiedu, jista' jiġi offrut appoġġ lill-pajjiżi ġirien biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom ta' verifiki tas-sigurtà u reġistrazzjonijiet fil-fruntieri. F'dan il-każ, l-istrumenti Ewropej jistgħu jiġu mobilizzati biex jikkontribwixxu għal dan, inkluż l-appoġġ tal-Frontex u l-Europol. Il-presidenza faħħret il-proposta tal-Kummissjoni li tipproponi rakkomandazzjonijiet dwar it-twettiq ta' verifiki tas-sigurtà.
Miżuri dwar viżi
Fil-25 ta' Frar, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar is-sospensjoni parzjali tal-ftehim dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi mar-Russja. Diplomatiċi, uffiċjali u negozjanti Russi oħra mhux ser jibqgħu jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet dwar l-iffaċilitar tal-viżi, li jippermettu aċċess privileġġat għall-UE.
Il-ministri qablu li jikkoordinaw il-miżuri nazzjonali tagħhom u, b'mod ġenerali, il-politika tagħhom dwar il-viżi fir-rigward tar-Russja.
Barra minn hekk, il-presidenza talbet lill-istati membri biex ma jirrikonoxxux passaporti maħruġa mill-awtoritajiet Russi fit-territorji okkupati fl-Ukrajna. Hija pproponiet ukoll approċċ koordinat biex tintemm il-prattika taċ-"ċittadinanza b'investiment", li jistgħu jiksbu ċerti mexxejja Russi.
Antiċipazzjoni ta' theddid ibridu
L-esperjenza reċenti wriet li l-atturi ostili għall-UE huma lesti li jużaw mezzi ġodda ta' pressjoni. Fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, l-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea rrieżaminaw il-miżuri ta' tħejjija meħuda kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew. Huma qablu dwar il-ħtieġa li jiżdiedu l-iskambju ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni biex ikun hemm rispons rapidu u effettiv għal kwalunkwe tentattiv ta' destabbilizzazzjoni.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.