"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 7 u 8 ta' Ottubru 2021

Riżultati ewlenin

Ġustizzja

Arrest preventiv (qabel is-smigħ tal-kawża)

Il-ministri kellhom dibattitu dwar l-arrest preventiv, kwistjoni li għandha impatt fuq il-libertajiet individwali u li hija importanti wkoll għall-fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku.

Marjan Dikaučič, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovenja
Id-detenzjoni hija fil-qofol tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, iżda d-differenzi fil-kondizzjonijiet ta' detenzjoni jista' jkollhom impatt fuq il-fiduċja reċiproka u għalhekk jistgħu jkunu ta' xkiel għall-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali madwar l-UE. Id-diskussjoni produttiva tal-lum irriflettiet l-impenn konġunt tagħna biex inkomplu ntejbu l-kondizzjonijiet ta' detenzjoni u ser isservi ta' gwida għal aktar ħidma mill-Kummissjoni f'dan il-qasam.
Marjan Dikaučič, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovenja
Marjan Dikaučič, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovenja

Il-ministri ffukaw b'mod partikolari fuq liema standards minimi għall-kondizzjonijiet materjali tad-detenzjoni u drittijiet proċedurali fl-arrest preventiv għandhom jingħataw prijorità sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-istati membri. Huma ddiskutew ukoll liema azzjonijiet oħra fil-livell tal-UE jistgħu jgħinu biex jittejbu l-kondizzjonijiet tad-detenzjoni jew iżidu l-użu ta' miżuri alternattivi għad-detenzjoni.

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

Il-Kummissjoni u l-presidenza infurmaw lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi rigward l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Il-Kap Prosekutur Ewropew attenda wkoll id-diskussjoni dwar dan il-punt.

L-UPPE beda l-operazzjonijiet tiegħu fl-1 ta' Ġunju u diġà qed iwettaq għadd ta' investigazzjonijiet fir-rigward ta' kawżi li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu.

Tkompli wkoll il-ħidma f'għadd ta' oqsma inkluż l-adattament tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali għar-regolament dwar l-UPPE, il-ħatra tal-Prosekuturi Delegati Ewropej u r-reklutaġġ tal-persunal. Fil-Kunsill għaddejja ħidma dwar ir-relazzjonijiet tal-UPPE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP)

Qabel il-laqgħa, il-ministri attendew ikla ta' ħidma fejn iddiskutew il-kwistjoni ta' kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) u l-ħtieġa li l-ġurnalisti jiġu protetti minn litigazzjoni abbużiva.

Kif imħabbar fil-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-demokrazija ppubblikat f'Diċembru 2020, il-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet kontra dan it-tip ta' litigazzjoni abbużiva. Biex jikkontribwixxu għat-tħejjija ta' din l-inizjattiva, il-ministri ffukaw fuq l-esperjenza nazzjonali u l-prattiki tajba fil-ġlieda kontra SLAPP, kif ukoll fuq id-dimensjoni transkonfinali ta' dan il-fenomenu.

Affarijiet interni

Id-dimensjoni diġitali tal-investigazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal

Il-ministri kellhom dibattitu dwar id-dimensjoni diġitali tal-investigazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal. Huma ffukaw b'mod partikolari fuq kif jista' jiġi garantit l-aċċess għad-data għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġu miġġielda b'mod effettiv dawn ir-reati. Iddiskutew ukoll ir-rwol ta' miżuri proattivi mill-pjattaformi tal-media soċjali, is-servizzi ta' hosting u l-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika fl-indirizzar ta' dan il-fenomenu.

Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet biex it-tfal isiru aktar attivi u konnessi online, li rriżulta wkoll f'żieda fl-għadd ta' attivitajiet kriminali relatati mal-abbuż sesswali tat-tfal kemm fuq l-internet kif ukoll fuq id-dark web. Illum il-ministri tennew l-impenn tagħhom li jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħna jkollhom l-għodod kollha meħtieġa biex ikomplu jiġġieldu dawn ir-reati faħxija online bħalma jagħmlu offline.
Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja
Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja

Dimensjoni esterna tal-migrazzjoni

Il-Kummissjoni u l-presidenza infurmaw lill-ministri dwar il-progress fl-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni għat-tisħiħ ta' sħubiji komprensivi dwar il-migrazzjoni ma' pajjiżi prijoritarji ta' oriġini u ta' tranżitu. Diġà saru diskussjonijiet fil-livell tekniku fi ħdan il-Kunsill dwar pjanijiet ta' azzjoni rigward l-Afganistan, il-Bożnija-Ħerzegovina, it-Tuneżija, in-Niġer, in-Niġerja u l-Iraq.

Il-ministri qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni f'diversi rotot migratorji. L-UE ser tkompli issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fir-rotot kollha.

Bħalissa kważi l-pajjiżi kollha fil-fruntieri esterni tal-UE qed jesperjenzaw pressjoni. Filwaqt li jkomplu n-negozjati dwar il-proposti leġiżlattivi, diġà nistgħu nagħmlu aktar illum biex intejbu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, inkluż rigward ir-ritorn ta' migranti li jaqsmu l-fruntieri illegalment u li mhumiex intitolati għall-protezzjoni internazzjonali. Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja

L-iskrinjar u d-detenzjoni fil-fruntiera

Il-ministri għall-affarijiet interni ddiskutew il-kwistjoni tal-iskrinjar u d-detenzjoni tal-migranti fil-fruntiera. Huma qablu li sfidi akbar għas-sigurtà u s-saħħa jeħtieġu azzjoni komuni rapida. Regoli armonizzati dwar il-kontrolli tas-sigurtà u tas-saħħa fil-fruntieri esterni huma essenzjali biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi żgurata s-sikurezza fiż-żona Schengen. Madankollu, xi stati membri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jinżamm ċertu livell ta' flessibbiltà biex ikun hemm adattament għan-natura differenti tal-fruntieri esterni u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Diversi ministri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza mar-riforma ġenerali tal-ażil u li ssir ħidma fuq il-proposti kollha b'mod parallel. Il-Presidenza kkonkludiet li għandhom jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa fil-qafas tal-proposta għal regolament dwar l-iskrinjar u ser tkompli tmexxi l-ħidma biex jinstabu soluzzjonijiet fil-livell tekniku.

Sitwazzjoni fl-Afganistan

Il-ministri ħadu nota tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, is-SEAE u l-Koordinatur għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Bħalissa għaddejja ħidma biex jiġu implimentati l-linji differenti deskritti fid-dikjarazzjoni adottata mill-ministri għall-affarijiet interni fil-laqgħa straordinarja tagħhom fil-31 ta' Awwissu.

Dwar l-aspett tal-migrazzjoni u l-ispostament furzat, il-Kummissjoni u s-SEAE ppreżentataw pjan ta' azzjoni aġġornat dwar l-Afganistan u dan ġie rieżaminat mill-Kunsill fil-livell tekniku fis-17 ta' Settembru. Il-Kummissjoni tat informazzjoni wkoll dwar il-Forum ta' Livell Għoli dwar ir-Risistemazzjoni dwar l-Afganistan li sar fis-7 ta' Ottubru 2021. Dwar l-aspett tas-sigurtà, ġie żviluppat pjan ta' azzjoni kontra t-terroriżmu mill-koordinatur tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu f'konsultazzjoni mill-qrib mal-istati membri, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025