Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 9 u 10 ta' Ġunju 2022

Riżultati ewlenin

Ġustizzja (9 ta' Ġunju 2022)

Risponsi ġudizzjarji għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

Il-Kunsill kellu skambju dwar it-tweġibiet ġudizzjarji li għandhom jiġu pprovduti fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna.

Il-ministri kkonfermaw il-ħtieġa li titkompla l-koordinazzjoni mibdija mill-Presidenza Franċiża b'appoġġ għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati internazzjonali. Il-ministri tennew l-impenn tagħhom li jiżguraw kemm jista' jkun li din il-gwerra ma twassalx għal tbatija saħansitra akbar għal minorenni spostati. Wara l-inizjattivi tal-Ukrajna, huma kkonfermaw l-importanza ta' rispons politiku fil-livell tal-UE.

Il-ministri ddiskutew ukoll il-proposta reċenti tal-Kummissjoni li testendi l-lista ta' ''reati kriminali tal-UE'' biex tinkludi ksur tal-miżuri restrittivi tal-UE, b'kont meħud tas-sitwazzjoni eċċezzjonali u tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tas-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Huma laqgħu b'mod ferm pożittiv din il-proposta u d-diskussjonijiet ser jerġgħu jibdew malajr fil-livell tekniku sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta' veloċità stabbilit mill-Kunsill Ewropew.

Drittijiet tat-tfal

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal. Dawn il-konklużjonijiet jagħmlu enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' emerġenza, fid-dawl tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

B'mod aktar komprensiv, l-istati membri huma mistiedna jiżviluppaw politiki biex jinfurzaw id-drittijiet tat-tfal kollha mingħajr diskriminazzjoni, iżidu l-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal, isaħħu s-sistemi ġudizzjarji tagħhom sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha u jżidu l-opportunitajiet biex it-tfal ikunu membri responsabbli u reżiljenti tas-soċjetà diġitali. Network ta' punti ta' kuntatt nazzjonali ser jippermetti li jkun ggarantit li t-twissijiet ta' ħtif jkunu aktar effettivi.

Kriminalità ambjentali

Il-Kunsill approva approċċ ġenerali parzjali rigward l-abbozz ta' direttiva dwar il-kriminalità ambjentali. Dan l-approċċ ġenerali parzjali jiffoka fuq l-artikoli u l-premessi li jiddefinixxu r-reati kriminali. Minflok id-disa' reati attwali fil-liġi kriminali Ewropea, il-ministri qablu dwar id-definizzjoni ta' għoxrin reat, u b'hekk twessa' u ċċara l-ambitu tal-imġiba li hija pprojbita peress li tagħmel ħsara lill-ambjent. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, it-traffikar illegali tal-injam li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-deforestazzjoni f'ċerti żoni tad-dinja, ir-riċiklaġġ illegali ta' bastimenti li jniġġsu u ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.

Il-ministri kellhom ukoll skambju dwar l-armonizzazzjoni tal-livelli ta' sanzjonijiet sabiex jipprovdu gwida għal ħidma ulterjuri.

Diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-għodod għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, u b'hekk il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, il-Kunsill approva approċċi ġenerali tal-Kunsill dwar proposta dwar l-iskambju ta' informazzjoni diġitali f'każijiet ta' terroriżmu u dwar proposta biex tiġi stabbilita pjattaforma ta' kollaborazzjoni għal skwadri ta' investigazzjoni konġunti.

Dawn il-proposti huma parti mill-isforzi li għaddejjin biex tiġi modernizzata u diġitalizzata l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, li tagħmilha aktar faċli għall-prosekuturi u l-imħallfin li jiskambjaw informazzjoni u jressqu quddiem il-ġustizzja għadd dejjem jikber ta' kriminali u terroristi li joperaw bejn il-fruntieri.

Trasferimenti internazzjonali ta' data personali

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom skambju dwar il-protezzjoni ta' data personali fil-kuntest ta' trasferimenti internazzjonali ta' data. Il-Kummissjoni ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet mal-Istati Uniti dwar ir-riformi regolatorji meħtieġa għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida ta' adegwatezza għat-trasferiment ta' data personali, wara l-invalidazzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet preċedenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jiġi adottat qafas robust li jirrispetta s-sentenzi eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u jipprovdi lin-negozji biċ-ċertezza legali li jeħtieġu.

Il-ministri ddiskutew ukoll b'mod aktar ġenerali l-kwistjoni tat-trasferimenti ta' data personali u l-ħtieġa għal politika Ewropea koerenti u ambizzjuża dwar it-trasferiment ta' data, peress li t-trasferimenti ta' data personali saru sfida strateġika ewlenija f'diversi oqsma importanti tal-politika pubblika.

Affarijiet oħra

Il-ministri evalwaw il-progress li sar fin-negozjati li għaddejjin bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fir-rigward tal-proposti dwar l-evidenza elettronika. Iż-żewġ istituzzjonijiet issa huma impenjati f'ħidma fil-fond biex jikkonfermaw għadd ta' punti ta' konverġenza u biex iħejju d-diskussjonijiet politiċi skedati għall-14 ta' Ġunju dwar il-punti ċentrali tat-test.

Il-ministri ġew infurmati dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). Matul is-semestru attwali, il-Grupp Ad Hoc tal-Kunsill tal-Ewropa kellu t-13-il laqgħa tiegħu. B'mod parallel ma' din il-ħidma, l-esperti ffukaw ukoll fuq it-tħejjija tar-regoli interni tal-UE li ser ikunu meħtieġa.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-Linji Gwida tagħha dwar l-Estradizzjoni, ippubblikati fit-8 ta' Ġunju 2022. Din l-inizjattiva twieġeb b'mod partikolari għat-tħassib espress mill-istati membri dwar l-istrumentalizzazzjoni ta' ċerti proċedimenti kriminali mressqa minn pajjiżi terzi kontra ċittadini tal-UE, inkluż talbiet għal arrest u estradizzjoni indirizzati lill-istati membri.

Il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma rigward il-proposti leġiżlattivi li għaddejjin.

Hija ppreżentat ukoll l-aġenda għal-laqgħa ministerjali li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

Il-presidenza Ċeka li jmiss tal-Kunsill ippreżentat il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet tagħha għas-sitt xhur li ġejjin.

Affarijiet Interni (10 ta' Ġunju 2022)

Ażil u migrazzjoni

Il-Kunsill ta appoġġ wiesa' ħafna għall-ewwel fażi tal-approċċ "pass pass" għall-migrazzjoni u l-ażil propost mill-Presidenza, inkluż ir-regolament dwar l-iskrinjar, ir-regolament Eurodac u l-mekkaniżmu ta' solidarjetà.

Fil-jiem li ġejjin, il-Presidenza u l-Kummissjoni ser jorganizzaw laqgħa tal-''pjattaforma ta' solidarjetà'' biex titħaddem id-dikjarazzjoni dwar is-solidarjetà. Barra minn hekk, il-Presidenza ser tifformalizza l-adozzjoni tal-mandati ta' negozjar dwar ir-regolamenti dwar l-''iskrinjar'' u l-Eurodac.

Kodiċi tal-fruntieri ta' Schengen: adozzjoni tal-approċċ ġenerali

Fil-qafas tal-inizjattiva tal-Presidenza għat-tisħiħ u r-riforma ta' Schengen, il-Kunsill adotta, illum, l-approċċ ġenerali tiegħu dwar ir-riforma tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Din ir-riforma : i) tipprovdi għodod ġodda għall-ġlieda kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-flussi migratorji; ii) tistabbilixxi qafas legali ġdid għall-miżuri fil-fruntieri esterni f'każ ta' kriżi tas-saħħa, filwaqt li jittieħdu tagħlimiet mill-esperjenza tal-COVID-19; iii) timmodernizza l-qafas legali għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, biex jiġi żgurat il-prinċipju tal-moviment liberu filwaqt li jiġi indirizzat it-theddid persistenti; iv) tintroduċi miżuri alternattivi għal tali kontrolli.

Il-ministri ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen. Huma wieġbu għall-isfidi ewlenin u l-konklużjonijiet ewlenin mogħtija fl-evalwazzjonijiet ta' Schengen, ippreżentati fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat ta' Schengen, u ddiskutew il-linji ta' azzjoni proposti mill-Presidenza għax-xhur li ġejjin. Dawn il-linji ta' azzjoni għandhom l-għan li jsaħħu l-funzjonament taż-żona Schengen u jkopru diversi oqsma, inkluż il-governanza politika taż-żona Schengen, il-fruntieri esterni u interni, il-kooperazzjoni tal-pulizija, is-sistemi ta' informazzjoni tal-ĠAI u l-politiki dwar il-viża u r-ritorn.

Il-ministri adottaw ukoll mingħajr diskussjoni regolament tal-Kunsill li jirriforma l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ ta' Schengen. Dan ir-regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi biex iż-żona Schengen issir aktar adattabbli għall-isfidi attwali u futuri. Huwa jintroduċi approċċ aktar strateġiku għall-mekkaniżmu, proċeduri ta' evalwazzjoni u monitoraġġ simplifikati u aċċellerati, kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha u rwol strateġiku aktar b'saħħtu għall-Kunsill.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom diskussjoni politika dwar l-attività tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Huma ddiskutew l-iskjerament tal-korp permanenti, il-governanza tal-aġenzija, l-aspettattivi tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-mandat tagħha u l-prospetti għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni tal-Frontex ma' pajjiżi terzi.

Rispons għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

Il-ministri evalwaw l-implimentazzjoni tal-pjan b'10 punti għal koordinazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha dwar l-akkoljenza ta' persuni li qed jaħarbu mill-gwerra mill-Ukrajna. Huma enfasizzaw il-ħtieġa li titkompla l-ħidma fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan, inkluż l-appoġġ għall-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' persuni li qed jaħarbu mill-gwerra u l-assistenza lill-Moldova. Huma eżaminaw ukoll jekk jistgħux ikunu meħtieġa miżuri ġodda fuq perjodu medju u fit-tul, b'mod partikolari fir-rigward ta' pjanijiet ta' kontinġenza u ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali possibbli.

Il-ministri ddiskutew ukoll miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar possibbli tal-bnedmin u l-armi tan-nar u enfasizzaw l-importanza li wieħed jibqa' viġilanti ħafna dwar l-evoluzzjoni tat-theddid kriminali.

Kooperazzjoni tal-pulizija

Il-Kunsill adotta approċċi ġenerali għal direttiva dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u r-regolament dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija (Prüm II).

Barra minn hekk, sabiex tiġi miġġielda b'mod effettiv il-kriminalità u jkun hemm rispons għal theddid kriminali ġdid, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni operattiva tal-pulizija.

Affarijiet oħra

Il-ministri ngħataw informazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti li jittrattaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-preżenza tal-grupp kontra t-terroriżmu (CTG).

Il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar il-ħidma li saret fuq attivitajiet mhux leġiżlattivi, b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2021-2025) u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni.

Hija infurmat ukoll lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma rigward il-proposti leġiżlattivi li għaddejjin.

Il-Presidenza rrappurtat ukoll dwar it-tħejjijiet u l-aġenda għal-laqgħa Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Il-presidenza Ċeka li jmiss tal-Kunsill ippreżentat il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet tagħha għas-sitt xhur li ġejjin.

Barra minn hekk il-Kunsill adotta mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025