"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 9 u 10 ta' Diċembru 2021

Riżultati ewlenin

Affarijiet interni, 9 ta' Diċembru

It-theddid ibridu u l-isfidi tal-migrazzjoni

Il-ministri ddiskutew il-kwistjonijiet tal-attakki ibridi u tal-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. Huma ffukaw b'mod partikolari fuq l-effettività tal-għodod attwali fir-rispons għal dawn il-fenomeni u fuq l-għodod meħtieġa biex inkunu ppreparati aħjar għall-futur.

Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja
Sa minn ftit xhur ilu, qed naraw dimensjoni oħra tal-isfida tal-migrazzjoni, bl-attakk ibridu mir-reġim tal-Belarussja. Fl-istess ħin, hemm għadd ta' sfidi differenti, iżda mhux inqas urġenti, tal-migrazzjoni fuq il-fruntiera esterna tagħna. Illum kellna diskussjoni miftuħa dwar azzjonijiet ulterjuri possibbli biex intejbu l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħna u nipprevjenu t-telf ta' ħajjiet.
Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja
Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja

Il-ministri qiesu x'azzjonijiet addizzjonali l-UE għadha tista' tieħu fil-qasam tal-affarijiet interni sabiex twieġeb għall-użu tal-migrazzjoni bħala theddida ibrida u biex tiskoraġġixxi tentattivi simili fil-futur. Huma ddiskutew liema miżuri għandhom jittieħdu bħala kwistjoni ta' prijorità biex jiġu evitati b'mod effettiv movimenti sekondarji fl-UE u biex jitkisser il-mudell kummerċjali tat-traffikanti. B'kont meħud tal-isforzi li saru fit-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni matul l-aħħar xhur, il-ministri ddiskutew ukoll liema elementi oħra għandhom jingħataw prijorità fil-livell tal-UE.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew soluzzjonijiet sostenibbli fir-rigward tal-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Next Generation EU: infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata

Il-ministri kellhom dibattitu dwar il-fondi tal-UE għall-irkupru u dwar l-aħjar mod kif tista' tiġi pprevenuta l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata fl-istrutturi u fil-proċessi legali.

Ma nistgħux insibu ruħna f'sitwazzjoni fejn il-flus tal-kontribwenti jispiċċaw jappoġġaw l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata jew fejn l-istrutturi u l-proċessi legali tagħna jiġu abbużati biex jinħolqu koperturi leġittimi għall-attivitajiet kriminali. Illum il-ministri enfasizzaw l-importanza li jkollna stampa tajba tat-theddida li qed niffaċċaw u l-ħtieġa li naġixxu b'mod konġunt biex nikkumbattuha. Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja

Il-ministri ssottolinjaw l-importanza tal-użu ta' firxa ta' għodod u approċċ koordinat tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata fi strutturi legali. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li l-istati membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet tal-istrutturi legali billi jevalwaw diversi indikaturi. Hija meħtieġa wkoll stampa aħjar tal-intelligence mill-istati membri u l-aġenziji rilevanti tal-ĠAI.

Il-ministri ħadu nota wkoll tal-preżentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposti l-ġodda dwar Prum, il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-iskambju ta' informazzjoni. Il-ħidma fuq dawn il-proposti ser tkompli fil-livell tekniku fi ħdan il-Kunsill.

Reżiljenza ta' entitajiet kritiċi

Il-ministri ħadu nota tal-ftehim dwar approċċ ġenerali milħuq mill-ambaxxaturi lbieraħ, li mistenni jiġi adottat formalment mill-Kunsill fl-20 ta' Diċembru.

It-titjib tar-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi tagħna huwa vitali għas-sigurtà u l-prosperità tas-soċjetajiet tagħna. Il-bidliet fix-xenarju tas-sigurtà tagħna, bħall-pandemija attwali tal-COVID-19, it-theddid ibridu jew l-avvenimenti estremi tat-temp juruna li jeħtieġ li nagħmlu aktar biex inkunu ppreparati b'mod kollettiv għall-isfidi futuri. Il-ftehim li ntlaħaq ilbieraħ mill-ambaxxaturi, li nistenna li jiġi adottat formalment mill-Kunsill dalwaqt, huwa pass importanti f'din id-direzzjoni. Aleš Hojs, Ministru għall-Intern tas-Slovenja

L-abbozz ta' direttiva dwar ir-reżiljenza ta' entitajiet kritiċi għandu l-għan li jiżgura li dawn l-entitajiet ikunu lesti jipprevjenu, jirreżistu u jirkupraw minn diżastri naturali, terroriżmu jew emerġenzi tas-saħħa bħall-COVID-19. L-abbozz ta' mandat tal-Kunsill ikopri entitajiet f'disa' setturi: l-enerġija, it-trasport, is-settur bankarju, l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji, is-saħħa, l-ilma tax-xorb, l-ilma mormi, l-infrastruttura diġitali, u l-ispazju.

Skont ir-regoli l-ġodda proposti, l-entitajiet kritiċi għandhom jirrappurtaw l-inċidenti ta' tfixkil lill-awtoritajiet nazzjonali, u l-istati membri tal-UE għandhom jidentifikaw l-entitajiet kritiċi, iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali u jkollhom strateġija biex jiżguraw ir-reżiljenza ta' tali entitajiet.

Ladarba l-approċċ ġenerali tal-Kunsill jiġi adottat formalment, jistgħu jibdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew.

L-UE qed taħdem fuq regoli ġodda biex tagħmel l-infrastrutturi kritiċi aktar reżiljenti, reżistenti u jifilħu għall-iskossi.

Applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-Kroazja

Illum il-Kunsill ikkonkluda li l-Kroazja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta' Schengen. Din il-verifika li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta' Schengen hija prekondizzjoni biex il-Kunsill ikun jista' jieħu deċiżjoni sussegwenti li tippermetti li jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

Mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ ta' Schengen

Il-ministri vvalutaw il-progress marbut mar-regolament propost tal-Kunsill dwar mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ ta' Schengen. Id-diskussjonijiet issa jkomplu fil-livell tekniku fi ħdan il-Kunsill.

Il-proposta għandha l-għan li tagħmel iż-żona Schengen aktar adattabbli għall-isfidi attwali u futuri billi żżid il-fokus strateġiku ta' dan il-mekkaniżmu, tqassar u tissimplifika l-proċeduri ta' evalwazzjoni u monitoraġġ, issaħħaħ il-verifika tar-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen u tottimizza l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha statali u tal-UE.

Implimentazzjoni tal-interoperabbiltà

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà. Abbażi tal-valutazzjoni mill-eu-LISA u mill-Kummissjoni Ewropea, huma qablu dwar skeda ta' żmien riveduta ta' nofs Ġunju 2022 għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen aġġornata, l-aħħar ta' Settembru 2022 għas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ u Mejju 2023 għall-ETIAS u l-ECRIS-TCN.

L-għan jibqa' li l-arkitettura tal-interoperabbiltà tkun f'postha sa tmiem l-2023.

L-awtoritajiet madwar l-UE jikkondividu informazzjoni permezz ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira għall-protezzjoni taċ-ċittadini, għall-ġlieda kontra l-kriminalità, għas-sigurtà tal-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Sistemi tal-IT tal-UE għas-sigurtà u l-migrazzjoni (Infografika)

Kooperazzjoni kontra t-terroriżmu

Il-ministri ngħataw informazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti li jittrattaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-preżenza tal-grupp kontra t-terroriżmu (CTG).

It-tagħlimiet meħuda mill-attakki terroristiċi fl-Ewropa wrew biċ-ċar li hija meħtieġa kooperazzjoni bejn l-atturi tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence. F'Novembru 2016, il-ministri qablu li jesploraw opportunitajiet għall-kooperazzjoni bejn is-CTG u l-Europol f'oqsma ta' interess komuni, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-kompetenza unika tal-istati membri għas-sigurtà nazzjonali.

Affarijiet oħra

Il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma rigward il-proposti leġiżlattivi attwali.

Irrappurtat ukoll dwar l-eżitu tal-laqgħa ministerjali Ġustizzja u Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u dwar it-tħejjijiet u l-aġenda għal-laqgħa ministerjali li jmiss tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Il-Presidenza rrappurtat dwar l-eżitu tal-konferenza ministerjali virtwali dwar il-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal, li saret fil-11 u t-12 ta' Novembru.

Il-presidenza Franċiża li jmiss tal-Kunsill ippreżentat il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet tagħha għas-sitt xhur li ġejjin.

Ġustizzja, 10 ta' Diċembru

It tagħlimiet meħuda mill-COVID-19 għall-funzjonament tal-qrati

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 għall-funzjonament tal-qrati u għar-rimedju ġudizzjarju u l-iskrutinju tal-miżuri ta' emerġenza. Huma rriflettew dwar modi possibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi eżistenti u futuri li jirriżultaw mis-sitwazzjonijiet ta' emerġenza attwali u potenzjali futuri. L-istati membri qasmu l-aħjar prattiki tagħhom biex itaffu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sistemi ġudizzjarji. B'mod partikolari, huma enfasizzaw l-importanza li titkompla l-ħidma fuq id-diġitalizzazzjoni biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja għal kull ċittadin, b'salvagwardji adegwati u f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.

Marjan Dikaučič, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovenja
Minkejja d-diffikultajiet iġġenerati mill-pandemija, is-sistemi nazzjonali u l-qrati kostituzzjonali tagħna ġeneralment urew reżiljenza. Madankollu, irridu niżguraw li meta tiġi l-kriżi li jmiss, tkun xi tkun in-natura tagħha, aħna nkunu saħansitra mħejjija aħjar għaliha. Wieħed mill-elementi enfasizzati llum kien l-importanza tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tagħna, u ser inkomplu naħdmu f'dan il-qasam fix-xhur li ġejjin, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna.
Marjan Dikaučič, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovenja
Marjan Dikaučič, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovenja

Il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew kif jistgħu jiġu miġġielda aħjar id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda sabiex l-Ewropa ssir aktar inklużiva u protettiva. Huma ffukaw fuq l-akbar sfidi u diskrepanzi li jiffaċċjaw l-istati membri fir-rispons tagħhom, fuq il-fatturi ta' faċilitazzjoni possibbli b'appoġġ għall-isforzi tagħhom, fuq l-aħjar prattiki rigward il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-kumpaniji tal-IT kif ukoll fuq l-aħjar prattiki rigward l-appoġġ u l-protezzjoni għal gruppi speċifiċi ta' vittmi.

Id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda ma għandhom l-ebda post fis-soċjetajiet miftuħa u demokratiċi tagħna. Li niżguraw li l-pjattaformi tal-media soċjali jneħħu d-diskors ta' mibegħda u li ninfurzaw ir-rispons tagħna tal-liġi kriminali huma żewġ oqsma importanti li jeħtieġ li nkomplu naħdmu fuqhom. Jeħtieġ ukoll li niżguraw li nappoġġaw b'mod adegwat lill-vittmi u nindirizzaw il-kawżi sottostanti permezz ta' riċerka aħjar u sforz konġunt mas-soċjetà ċivili u korpi pubbliċi oħra. Marjan Dikaučič, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovenja

Regolament dwar l-evidenza elettronika

Il-ministri wiżnu l-progress fin-negozjati li għaddejjin bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fir-rigward tar-regolament dwar l-evidenza elettronika.

Kien hemm skambji matul il-Presidenza Slovena fil-livell tekniku u ffukaw fuq ir-reġim ta' notifika. Id-differenza ewlenija bejn il-leġiżlaturi fir-rigward tal-obbligi ta' notifika tikkonċerna r-rwol rispettiv tal-istati involuti fil-proċeduri tal-ordni ta' preservazzjoni jew ta' produzzjoni.

Il-Presidenza nnutat li l-Kunsill offra li jagħmel konċessjonijiet sostanzjali lill-Parlament bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim. S'issa dawn il-konċessjonijiet ma tqisux bħala biżżejjed mill-Parlament.

L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Il-ministri ngħataw aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). Il-Presidenza rrappurtat dwar il-progress li sar fin-negozjati fil-Kunsill tal-Ewropa u t-tħejjijiet fi ħdan il-korpi kompetenti tal-Kunsill.

In-negozjati tal-adeżjoni jitmexxew minn grupp ad-hoc tal-Kunsill tal-Ewropa. Matul is-semestru attwali, saru l-10, il-11 u t-12-il laqgħa tal-grupp ad hoc. Il-fokus ta' dawn id-diskussjonijiet kien il-mekkaniżmi speċifiċi tal-UE tal-proċedura quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-applikazzjonijiet bejn il-partiti, il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka bejn l-istati membri tal-UE u kwistjonijiet mill-qasam tal-PESK. B'mod parallel ma' din il-ħidma, l-esperti ffukaw ukoll fuq it-tħejjija tar-regoli interni tal-UE li ser ikunu meħtieġa għall-ftehim ta' adeżjoni futur.

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Il-Kummissjoni u l-presidenza infurmaw lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi rigward l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Il-Kap Prosekutur Ewropew attendiet ukoll id-diskussjoni dwar dan il-punt.

L-UPPE diġà fetaħ aktar minn 400 investigazzjoni għad-danni stmati għal biljuni ta' euro u diġà qed jieħu miżuri investigattivi ewlenin. Wettaq operazzjonijiet ta' tiftix u konfiska u diversi suspettati diġà ġew arrestati fi proċedimenti mmexxija mill-UPPE. Il-ħidma tal-UPPE diġà wasslet għall-ewwel kundanna.

Affarijiet oħra

Il-presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma dwar il-proposti leġiżlattivi attwali.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti reċenti tagħha biex tiddiġitalizza s-sistemi tal-ġustizzja tal-UE u l-ewwel rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE b'approċċ tematiku, b'enfasi fuq id-drittijiet fundamentali fl-era diġitali. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għal proposti futuri fil-qasam tal-ġustizzja, inkluż il-ġustizzja ċivili u kriminali, għal din is-sena u s-sena d-dieħla.

Il-presidenza rrappurtat dwar l-eżitu tal-laqgħa ministerjali Ġustizzja u Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-tħejjijiet u l-aġenda għal-laqgħa ministerjali li jmiss tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Il-Presidenza Franċiża li jmiss tal-Kunsill ippreżentat il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet tagħha għas-sitt xhur li ġejjin.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025