"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Riforma tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013

Għaliex saret riforma?

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE hi politika dinamika li, permezz ta’ riformi suċċessivi, ġiet adattata għal sfidi ġodda ffaċċjati mill-agrikoltura Ewropea. Dawn l-isfidi jinkludu aktar użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, aktar kompetizzjoni mis-swieq globali u l-ħtieġa li ż-żoni rurali jibqgħu jirnexxu fl-UE kollha.

Jeħtieġ li l-PAK tkompli tiżgura produzzjoni tal-ikel vijabbli u provvista tal-ikel stabbli, waqt li titqies is-sigurtà tal-ikel, l-ekonomija rurali, it-trattament xieraq tal-annimali, u kwistjonijiet soċjali u ambjentali.

Ir-riforma tal-PAK

Il-PAK il-ġdida tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2020. Din kienet l-ewwel darba li r-riforma tal-PAK ġiet adottata bil-proċedura leġislattiva ordinarja, fejn il-Kunsill jilleġisla b'mod konġunt mal-Parlament Ewropew. L-adozzjoni finali tat-testi legali mill-Kunsill saret fis-16 ta' Diċembru 2013.

Ir-riforma daħlet fis-seħħ f'Jannar 2014. Ħafna mir-regoli l-ġodda ser japplikaw biss mill-2015 biex jiġi żgurat li l-istati membri jkollhom ħin biżżejjed jintroduċu l-politika l-ġdida u jgħarrfu u jħejju lill-bdiewa.

Ir-riforma hija għal kollox konformi mal-prinċipji fundamentali tal-Politika Agrikola Komuni. Dawn ser ikomplu jiffokaw fuq il-provvista ta' biżżejjed ikel ta' kwalità tajba ħafna bi prezzijiet aċċessibbli għall-konsumaturi fl-UE u fid-dinja. Fl-istess ħin, ir-riforma tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali u dwar l-ambjent, u tiżgura standard tajjeb tal-għajxien għall-bdiewa Ewropej.

Ir-riforma tal-PAK tinkludi:

  • l-"ekoloġizzazzjoni" tal-ħlasijiet lill-farms, bid-dħul ta' prattiki agrikoli tajbin għall-ambjent, bħad-diversifikazzjoni tal-għelejjel u l-manteniment tal-elementi ekoloġikament rikki tal-pajsaġġ u ammont minimu ta' bur permanenti
  • aktar ugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-appoġġ biex jonqsu d-differenzi l-kbar nett fil-livelli tal-appoġġ għad-dħul li jirċievu l-bdiewa fl-UE kollha, u tnaqqis fil-ħlasijiet 'il fuq minn ċertu ammont għall-ikbar farms
  • l-appoġġ għad-dħul jiġi indirizzat aħjar lill-bdiewa li l-aktar għandhom bżonn, b'mod partikolari bdiewa żgħażagħ, bdiewa f'setturi bi dħul baxx u bdiewa f'żoni b'restrizzjonijiet naturali

L-istruttura bil-pilastri tal-PAK inżammet. Il-pilastru 1 jinkludi appoġġ għad-dħul u miżuri ta' ġestjoni tas-suq, waqt li l-pilastru 2 ikopri l-iżvilupp rurali.

Il-baġit tal-PAK il-ġdida

Il-baġit tal-PAK għall-2014-2020 jirrappreżenta madwar 38% tal-baġit globali tal-UE. L-ammont totali ta' nfiq tal-PAK għall-perjodu ta' 7 snin li ġejjin huwa ta' €408.31 biljun.

Il-baġit annwali hu maħsub li jonqos matul il-perjodu 2014-2020. F'termini ta' impenji, il-baġit tal-PAK fl-2020 għandu jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 15% mqabbel mal-2013.