Protezzjoni tal-konsumatur: ċempel, ibgħat messaġġ u uża l-internet
L-UE stabbiliet regoli biex tillimita l-ispejjeż għall-konsumaturi meta jċemplu u jibagħtu messaġġi b'SMS minn pajjiż għall-ieħor tal-UE, u meta jużaw id-data u jaċċessaw kontenut online madwar l-UE.
Roaming
Meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom, ir-regoli tal-UE dwar ir-roaming jippermettu lill-Ewropej iċemplu, jibagħtu messaġġi u jużaw l-internet mingħajr ebda ħlas addizzjonali.
Mill-15 ta' Ġunju 2017, il-konsumaturi setgħu jivvjaġġaw madwar is-27 pajjiż tal-UE, kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, u jibqgħu konnessi kif soltu jagħmlu f'pajjiżhom.
Il-Moldova u l-Ukrajna ssieħbu fiż-żona "Roaming daqslikieku f'pajjiżek" fl-1 ta' Jannar 2026. L-UE fetħet ukoll negozjati f'Ġunju 2026 biex testendiha għas-sħab tal-Balkani tal-Punent.
Politika ta' użu ġust
M'hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-volum ta' telefonati bil-vuċi u messaġġi b'SMS meta tivvjaġġa barra mill-pajjiż.
Madankollu, l-operaturi tal-mobile jistgħu jimponu limitu fuq id-data użata waqt ir-roaming fil-każ ta' kuntratti b'servizzi tad-data bla limitu jew bi prezz baxx ħafna. F'dan il-każ l-operatur huwa meħtieġ jinnotifika l-limitu minn qabel, u jwissi meta jintlaħaq 80%.
Din il-politika ta' "użu ġust" tad-data ġiet stabbilita biex tippermetti lill-operaturi jipprovdu servizzi tar-roaming mingħajr ma jkollhom għalfejn iżidu l-prezzijiet domestiċi, u biex tipprevjeni r-roaming permanenti.
Ir-regoli tar-roaming tfasslu għal vjaġġi okkażjonali. Jekk, fuq perjodu ta' erba' xhur, il-konsum tas-servizzi tar-roaming f'pajjiż ieħor tal-UE jaqbeż l-użu domestiku, l-operaturi tal-mobile jistgħu jitolbu kjarifika u japplikaw ħlasijiet addizzjonali limitati.
L-UE approvat l-estensjoni tas-sistema tar-"roaming daqslikieku f'pajjiżek" sal-2032.
L-utenti tal-mobile għandhom jirċievu wkoll informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tar-roaming, kif ukoll informazzjoni dwar in-numri tas-servizz ta' emerġenza, meta jaqsmu fruntiera lejn pajjiż ieħor tal-UE jew taż-ŻEE.
Telefonati jew messaġġi b'SMS li jaslu meta jkunu barra mill-pajjiż ukoll ma jkunux soġġetti għal spejjeż żejda.
Komunikazzjonijiet intra-UE
Ir-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE jiżguraw li l-Ewropej iħallsu tariffi limitati għall-komunikazzjonijiet mobbli u fissi intra-UE, it-telefonati u l-messaġġi minn pajjiżhom lejn pajjiż ieħor tal-UE.
L-UE stabbiliet tariffi massimi għal telefonati u messaġġi b'SMS.
Qabel ma ġew stabbiliti dawn il-limiti f'Mejju 2019, il-prezz standard medju ta' telefonata intra-UE fissa jew mobbli kien madwar tliet darbiet il-prezz standard ta' telefonata domestika.
Il-limiti massimi japplikaw ukoll għal telefonati u SMS lill-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.
Aċċess għal kontenut online barra mill-pajjiż
L-użu dejjem akbar ta' tagħmir portabbli bħal tablets u smartphones jagħmilha eħfef għall-konsumaturi biex jaċċessaw servizzi ta' kontenut online irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu.
Ir-regoli tal-UE dwar il-portabbiltà tal-kontenut jippermettu lill-konsumaturi jaċċessaw is-servizzi mħallsa ta' kontenut online tagħhom mal-UE kollha meta jivvjaġġaw jew joqogħdu temporanjament barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom, mingħajr ebda spiża żejda.
Dan jinkludi abbonamenti bi ħlas għal, pereżempju, televiżjoni online (films u sensiliet), kotba elettroniċi, logħob, streaming ta' mużika u xandiriet sportivi.
Films
Streaming ta' mużika
Sensiliet
Logħob
Kotba elettroniċi
Xandiriet sportivi
Il-fornituri huma meħtieġa jipprovdu aċċess għall-kontenut tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħal fil-pajjiż ta' oriġini – jiġifieri aċċess għall-istess films, bl-istess karatteristiċi, fuq l-istess għadd ta' apparati u għall-istess għadd ta' utenti.
Biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż, il-fornituri tas-servizzi jistgħu jivverifikaw l-istat membru tar-residenza tal-abbonati, f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.
L-aċċess għall-kontenut miksub permezz ta' abbonamenti bla ħlas huwa possibbli skont ir-regoli tal-UE, iżda jiddependi fuq l-għażla tal-fornitur tas-servizz. Dan jinkludi, pereżempju, ix-xandara pubbliċi.
Ara wkoll
- Il-Kunsill japprova l-estensjoni tas-sistema tar-roaming mingħajr tariffi addizzjonali (stqarrija għall-istampa, 4 ta' April 2022)
- Konnettività aħjar: l-UE tadotta riforma fit-telekomunikazzjoni (stqarrija għall-istampa, 4 ta' Diċembru 2018)
- Il-portabbiltà tas-servizzi diġitali madwar l-UE: il-Kunsill jadotta regoli ġodda (stqarrija għall-istampa, 8 ta' Ġunju 2017)
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Ġunju 2026