Droni: ir-riforma tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE
L-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, jew droni, jirrappreżentaw settur tal-avjazzjoni li qed jiżviluppa b'mod rapidu b'potenzjal kbir li joħloq impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Minħabba f'hekk, l-UE adottat regolament biex id-droni ppilotati mill-bogħod jiġu integrati b'mod sikur fl-ispazju tal-ajru Ewropew.
Ir-regolament jistabbilixxi regoli komuni għas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u jirrevedi l-mandat għall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni(EASA). Ir-"regolament il-ġdid dwar l-EASA" jieħu post il-qafas leġislattiv li jmur lura għall-2008.
Fis-26 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill adotta regoli ġodda proporzjonati u bbażati fuq ir-riskju li permezz tagħhom is-settur tal-avjazzjoni tal-UE ser ikun jista' jikber u jsir aktar kompetittiv.
- Niżguraw l-użu sikur tad-droni: il-Kunsill japprova r-riforma tal-EASA (stqarrija għall-istampa, 26/06/2018)
- Regolament dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili
- Ir-"regolament il-ġdid dwar l-EASA" (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
Eżempju wieħed tar-regoli l-ġodda jirreferi għal-limitu ta' reġistrazzjoni għall-operaturi tad-droni: jekk id-droni tagħhom jistgħu jittrasferixxu aktar minn 80 Joules ta' enerġija kinetika mal-impatt ma' persuna, mela dawn għandhom jiġu rreġistrati.
Tiġi żgurata s-sikurezza tad-drones: Ta' vantaġġ għall-konsumaturi u l-ekonomija tal-UE (Infografika)
Għalfejn għandna bżonnha?
Minkejja li xi droni huma tqal u rapidi daqs ajruplan, jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta' "ġugarelli" elettriċi żgħar ħafna li huma faċilment disponibbli għall-konsumatur.
Wara l-2008, id-droni ż-żgħar ħolqu problemi regolatorji għall-UE, li l-kompetenzi tagħha kienu limitati għal inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord ta' aktar minn 150 kilogramma.
Id-droni eħfef kienu biss soġġetti għal regoli nazzjonali differenti u frammentati dwar is-sikurezza madwar l-UE. Barra minn hekk, is-salvagwardji ewlenin ma kinux applikati b'mod koerenti.
Kienet meħtieġa wkoll riforma tar-regoli dwar l-avjazzjoni peress li huwa stmat li t-traffiku tal-ajru tal-UE ser jiżdied b'50% fl-20 sena li ġejjin.
Il-Kummissjoni Ewropea tipprevedi li sal-2035, is-settur Ewropew tad-droni ser:
- jimpjega direttament aktar minn 100,000 persuna
- ikollu impatt ekonomiku ta' aktar minn €10 biljun kull sena, prinċipalment fis-servizzi
Hekk kif jinxtered l-użu tad-droni, ser tiżdied ukoll il-ħtieġa għal bilanċ bejn il-vantaġġi u l-isfidi li dawn iġibu magħhom. Pereżempju, inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jista' jagħti valur miżjud meta jintuża fil-ġbir u l-interpretazzjoni ta' data fis-setturi differenti tal-ekonomija. Iżda d-droni jistgħu wkoll joħolqu problemi ta' responsabbiltà f'termini ta' protezzjoni tad-data, privatezza, storbju u emissjonijiet ta' CO2.
Użu tad-droni: rakkomandazzjonijiet tal-EASA
X'għandek tagħmel:
- Dejjem żomm għajnejk fuq id-dron tiegħek
- Ippjana t-titjira tiegħek u agħżel post mingħajr ostakli
- Ikseb permess jekk tixtieq tuża d-dron tiegħek għal xogħol bi ħlas
- Aqra sew l-istruzzjonijiet tal-manifattur
X'ma għandekx tagħmel:
- Ittajjarx id-dron b'mod li jpoġġi lil xi ħadd fil-periklu
- Ittajjarx id-dron direttament fuq jew sa 50 metru minn nies, proprjetà jew vetturi
- Ittajjarx id-dron 'il fuq minn 150 metru mill-art
- Żomm 'il bogħod minn ajruporti u helipads
Fid‑dettall
Fit-12 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni Ewropea adottat regoli għall-UE kollha li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi għad-droni.
F'konformità mar-"Regolament dwar l-EASA", ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu l-prinċipji bażiċi li jiżguraw sikurezza, sigurtà u privatezza u protezzjoni tad-data personali. Għandhom ukoll l-għan li jnaqqsu l-burokrazija u jħeġġu l-innovazzjoni.
Ir-regolament jelimina wkoll xi regoli li jistgħu joħonqu l-intraprenditorija. Dan mistenni jġib miegħu ċertezza legali għal industrija li tinkludi għadd kbir ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u negozji ġodda.
Barra minn hekk, ir-regolament jintroduċi wkoll approċċ għas-sikurezza bbażat fuq ir-riskji u l-prestazzjoni. Dan ifisser li jirrikonoxxi r-riskji differenti involuti fid-diversi setturi tal-avjazzjoni ċivili. Pereżempju, ħelikopters jew inġenji tal-ajru ħfief għall-isport huma soġġetti għal proċeduri ta' approvazzjoni aktar sempliċi u orħos mill-inġenji tal-ajru kummerċjali.